Skrittura
Duttrina u Patti 6


Sezzjoni 6

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u ’l Oliver Cowdery, f’Harmony, Pennsylvania, f’April 1829. Oliver Cowdery beda bil‑ħidma tiegħu bħala skriba fit‑traduzzjoni tal‑Ktieb ta’ Mormon, nhar is‑7 ta’ April, 1829. Huwa kien diġà esperjenza manifestazzjoni divina tal‑verità tax‑xhieda mogħtija mill‑Profeta b’relazzjoni mal‑pjanċi li fuqhom kien hemm imnaqqax ir‑rakkont tal‑Ktieb ta’ Mormon. Il‑Profeta talab lill‑Mulej permezz tal‑Urim u t‑Tummim u huwa ngħata din it‑tweġiba.

1–6, Il‑ħaddiema fl‑għalqa tal‑Mulej jiksbu s‑salvazzjoni; 7–13, M’hawn l‑ebda rigal akbar mir‑rigal tas‑salvazzjoni; 14–27, Xhieda tal‑verità niksbuha permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu; 28–37, Ħarsu lejn Kristu, u agħmlu t‑tajjeb il‑ħin kollu.

1 Ħidma kbira u tal‑għaġeb dalwaqt se tiġi fis‑seħħ fost ulied il‑bnedmin.

2 Araw, jiena Alla; agħtu widen għall‑kelma tiegħi, li hija ħajja u qawwija, u taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, li tifred minn xulxin il‑ġogi u l‑mudullun; għalhekk agħtu widen għal kliemi.

3 Araw, l‑għalqa bajda lesta għall‑ħsad; għalhekk, min għandu x‑xewqa li jaħsad, għandu jxejjer il‑minġel tiegħu bil‑qawwa tiegħu kollha, u jaħsad sakemm għadu l‑jum, ħalli huwa jkun jista’ jħejji għal ruħu s‑salvazzjoni ta’ dejjem fis‑saltna ta’ Alla.

4 Iva, kull min ixejjer bil‑minġel tiegħu u jaħsad, huwa jiġi msejjaħ minn Alla.

5 Għalhekk, jekk intom titolbu lili intom taqilgħu; jekk intom tħabbtu jiftħulkom.

6 Issa, għax intom lili tlabtu, araw, jien ngħidilkom, ħarsu l‑kmandamenti tiegħi, u mexxu ’l quddiem u stabbilixxu l‑kawża ta’ Sijon;

7 Tfittxux il‑ġid materjali iżda fittxu l‑għerf, u araw, il‑misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilkom, u mbagħad intom tistagħnew. Araw, l‑għani huwa dak li għandu l‑ħajja ta’ dejjem.

8 Tassew, tassew, ngħidlek, dak kollu li inti tixtieq minni jingħatalek; u jekk hija x‑xewqa tiegħek, inti tista’ tkunu l‑mezz li permezz tiegħu jitwettaq bosta ġid f’din il‑ġenerazzjoni.

9 Lil din il‑ġenerazzjoni tkellimhom dwar xejn għajr l‑indiema; ħares il‑kmandamenti tiegħi, u għinni nwettaq il‑ħidma tiegħi, skont il‑kmandamenti tiegħi, u hieni inti tkun.

10 Inti għandek don, u hieni int minħabba d‑don tiegħek. Ftakar li huwa sagru u ġej mis‑sema—

11 U jekk inti titlob, inti ssir taf il‑misteri li huma kbar u tal‑għaġeb; għalhekk inti għandek teżerċita d‑don tiegħek, biex inti tkun tista’ tagħraf il‑misteri, ħalli inti tkun tista’ twassal lil ħafna għall‑għarfien tal‑verità, iva, biex inti tikkonvinċihom dwar id‑drawwiet żbaljati tagħhom.

12 Turi lil ħadd bid‑don tiegħek ħlief lil dawk tal‑istess twemmin tiegħek. Twaqqax għaċ‑ċajt ħwejjeġ li huma sagri.

13 Jekk inti tagħmel it‑tajjeb, iva, u tibqa’ fidil sal‑aħħar, inti tikseb is‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Alla, li hija l‑akbar fost ir‑rigali kollha ta’ Alla; għax m’hawnx rigal akbar mir‑rigal tas‑salvazzjoni.

14 Tassew, tassew, ngħidlek, hieni int għal dak li għamilt; għax inti ġejt titlob lili, u ara, kull darba li inti tlabtni inti ġejt mgħallem mill‑Ispirtu tiegħi. Li kieku ma kienx hekk, inti ma kontx se tkun fil‑post li tinsab fih bħalissa.

15 Ara, inti taf li int ġejt titlobni u jiena dawwaltlek moħħok; u issa jiena qed ngħidlek dan kollu biex inti tkun taf li inti ġejt imdawwal bl‑Ispirtu tal‑verità;

16 Iva, jiena ngħidlek dan, sabiex inti tkun taf li m’hawn ħadd ħlief Alla li jista’ jagħraf ħsibijietek u l‑intenzjoni ta’ qalbek.

17 Jiena ngħidlek dan kollu biex nixhed miegħek—li l‑kliem jew ix‑xogħol li inti kont qed tikteb huwa veru.

18 Għalhekk, kun għaqli; kun ta’ spalla għall‑qaddej tiegħi Joseph, u kun leali lejh, f’kwalunkwe ċirkustanza diffiċli li jista’ jkun fiha minħabba l‑kelma tiegħi.

19 Kun lest li twiddbu meta jiżbalja, u kun lest li toqgħod għat‑twiddib tiegħu. Kun bniedem li tistabar; kun għaqli; kun meqjus; u ara li jkollok it‑tolleranza, il‑fidi, it‑tama u l‑karità.

20 Ara, inti Oliver, u jiena lilek kellimt minħabba x‑xewqat tiegħek; għalhekk ara li tilqa’ dan il‑kliem fil‑fond ta’ qalbek. Kun fidil u diliġenti fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, u lilek jiena nħaddan f’dirgħajn imħabbti.

21 Ara, jiena Ġesù Kristu, Bin Alla. Jiena dak li ġejt għand niesi, u niesi ma laqgħunix. Jiena d‑dawl li jiddi fid‑dlam, imma d‑dlam ma jegħlbux.

22 Tassew, tassew, ngħidlek, jekk inti tixtieq aktar xhieda, ftakar fil‑lejl li fih tlabtni fil‑fond ta’ qalbek, biex inti tkun taf dwar il‑verità ta’ dan kollu.

23 Ma wassaltlekx jiena l‑paċi f’moħħok dwar dil‑ħaġa? Jista’ jkollok xhieda akbar mix‑xhieda ta’ Alla?

24 U issa, ara, inti ksibt xhieda; għax jekk jiena għidtlek ħwejjeġ li l‑ebda bniedem ieħor ma jaf, mela din mhix xhieda li inti ksibt?

25 U ara, jiena se nagħtik don, jekk inti tixtieq minni dan, li tittraduċi, l‑istess bħall‑qaddej tiegħi Joseph.

26 Tassew, tassew, ngħidlek, li hemm annali li fihom parti sewwa mill‑evanġelju tiegħi, li jien rajt li jibqgħu moħbijin minħabba l‑ħażen tan‑nies;

27 U issa jiena nordnalek, li jekk għandek fik xewqat tajba—xewqa li ġġemma’ għalik teżori fis‑smewwiet—mela inti se tkun tista’ tgħin biex jinġiebu għad‑dawl, permezz ta’ dak id‑don, dawk il‑partijiet mill‑iskrittura tiegħi li baqgħu moħbija minħabba l‑ħażen.

28 U issa, ara, jiena nagħti lilek, kif ukoll lill‑qaddej tiegħi Joseph, l‑imfietaħ ta’ dan id‑don, li sejjer jiżvela dan il‑ministeru; u fuq il‑kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta titwettaq kull kelma.

29 Tassew, tassew, ngħidilkom, jekk huma jiċħdu kliemi, u din il‑parti tal‑evanġelju u l‑ministeru tiegħi, henjin intom, għax lilkom ma jistgħux jagħmlulkom aktar milli għamlu lili.

30 U anke jekk jagħmlulkom bħalma għamlu lili, henjin intom, għax intom tiġu u tgħammru miegħi fil‑glorja.

31 Iżda jekk huma ma jiċħdux kliemi, li se jiġi fis‑seħħ permezz tax‑xhieda li se tingħata, henjin huma, u intom mbagħad għad tgawdu l‑frott ta’ ħidmietkom.

32 Tassew, tassew, ngħidilkom, kif jiena għidt lid‑dixxipli tiegħi, fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, dwar xi ħaġa, hemm inkun jien f’nofshom—l‑istess kif jiena ninsab f’nofskom.

33 Tibżgħux tagħmlu t‑tajjeb, uliedi, għax dak li intom tiżirgħu, hu wkoll dak li intom taħsdu; għalhekk, jekk intom tiżirgħu t‑tajjeb, ħlaskom ikun li intom taħsdu wkoll it‑tajjeb.

34 Għalhekk, tibżgħux, ja merħla ċkejkna; agħmlu t‑tajjeb; ħallu d‑dinja u l‑infern jingħaqdu t‑tnejn kontrikom, għax jekk intom mibnijin fuq il‑blata tiegħi, ma jegħlbukomx.

35 Araw, jiena ma nikkundannakomx; morru u tidinbux aktar; wettqu b’għaqal il‑ħidma li ordnajtilkom jien.

36 Ħarsu lejja f’kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.

37 Ħarsu lejn il‑ġrieħi li nifdu ġenbejja, kif ukoll il‑marki tal‑imsiemer f’idejja u f’riġlejja; ibqgħu fidili, ħarsu l‑kmandamenti tiegħi, u intom għad tirtu s‑saltna tas‑smewwiet. Ammen.