Sezzjoni 57
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Sijon, fil‑Kontea ta’ Jackson, nhar l‑20 ta’ Lulju, 1831. Biex ikunu ubbidjenti lejn l‑ordni tal‑Mulej li jerħulha lejn Missouri “l‑art ta’ wirtkom” (sezzjoni 52), il‑presbiteri telqu minn Ohio u rħewlha lejn il‑fruntiera tal‑punent ta’ Missouri. Joseph Smith beda jikkontempla dwar l‑istat li kienu jinsabu fih il‑Lamaniti u staqsa lilu nnifsu: “Id‑deżert meta se jiffjorixxi bħall‑ward? Sijon meta sejra titwaqqaf fil‑glorja kollha tagħha, u fejn sejjer jinbena t‑tempju tiegħek, li lejh il‑ġnus kollha għad jiġru fl‑aħħar żminijiet?” Wara huwa rċieva din ir‑rivelazzjoni.
1–3, Independence, Missouri, huwa l‑post magħżul għall‑Belt ta’ Sijon u għat‑tempju; 4–7, Il‑Qaddisin għandhom jixtru artijiet biex jingħataw lilhom f’dawk l‑inħawi; 8–16, Sidney Gilbert għandu jiftaħ ħanut, William W. Phelps għandu jkun stampatur, u Oliver Cowdery għandu jedittja l‑materjal għall‑pubblikazzjoni.
1 Agħtu widen, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, li nġbartu flimkien, skont il‑kmandamenti tiegħi, f’din l‑art, li hija l‑art ta’ Missouri, li hija l‑art li jiena għażilt u kkonsagrajt għall‑ġabra tal‑qaddisin.
2 Għalhekk, din hija l‑art imwiegħda, u l‑post magħżul għall‑belt ta’ Sijon.
3 U dan jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, jekk intom lesti li tiksbu l‑għerf, hawn qiegħed l‑għerf. Araw, il‑post li bħalissa jismu Independence huwa l‑qalba tal‑post; u l‑post fejn għandu jinbena t‑tempju jinsab fin‑naħa tal‑punent, fuq plott li mhuwiex ’il bogħod wisq mill‑bini tal‑qorti.
4 Għalhekk, ikun għaqli li l‑qaddisin jixtru din l‑art, u kull biċċa art oħra li tinsab fin‑naħa tal‑punent, sewwasew sal‑fruntiera li tgħaddi eżatt minn bejn il‑Lhud u l‑Ġentili;
5 Kif ukoll kull biċċa art li tinsab mal‑konfini tal‑prateriji, sewwasew kull biċċa art li d‑dixxipli tiegħi kapaċi jixtru. Araw, ikun għaqli li huma jiksbuha biex tkun tagħhom għal dejjem.
6 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert iwettaq dmiru fl‑uffiċċju li jiena ħtartu għalih, u jeħtieġ li huwa jaċċetta għandu l‑flus, u jagħmilha ta’ aġent f’isem il‑knisja, u jixtri artijiet fl‑inħawi kollha tal‑madwar, dejjem jekk dan isir b’mod ġust, u kif jitlob l‑għaqal.
7 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Edward Partridge iwettaq dmiru fl‑uffiċċju li jiena ħtartu għalih, u lill‑qaddisin għandu jagħtihom sehemhom, kif jien ordnajtlu jagħmel; u l‑istess għandhom jagħmlu dawk li jiena ħtart biex jassistuh.
8 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert irabbi għeruqu f’dan il‑post, u huwa għandu jiftaħ ħanut, fejn ikun jista’ jbiegħ affarijiet mingħajr frodi, biex huwa jkun jista’ jkollu l‑flus biex jixtri artijiet għall‑benefiċċju tal‑qaddisin, u biex jikseb dak kollu li d‑dixxipli jeħtieġu biex huma jkunu jistgħu jrabbu għeruqhom fl‑art ta’ wirthom.
9 U jeħtieġ ukoll li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert jingħata liċenzja—araw, hawn qiegħed l‑għerf, u ħa jifhem min jaqra—biex huwa jkun jista’ jibgħat l‑affarijiet lin‑nies, sewwasew permezz ta’ dawk li huwa jagħżel bħala skrivani biex jassistuh;
10 U b’hekk huwa jipprovdi dak li l‑qaddisin tiegħi jeħtieġu, sabiex l‑evanġelju tiegħi jkun jista’ jiġi mxandar lil dawk li jinsabu fid‑dlam u fl‑art u d‑dell tal‑mewt.
11 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi William W. Phelps irabbi għeruqu f’dan il‑post, u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala stampatur għall‑knisja.
12 U araw, jekk id‑dinja taċċetta kitbietu—araw hawn qiegħed l‑għerf—jeħtieġ li huwa jingħata dak kollu li jista’ jingħata b’mod ġust, għall‑benefiċċju tal‑qaddisin.
13 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery jassistih, sewwasew kif ordnajtlu jagħmel jien, f’kull post li jiena nordnalu jagħmel dan, billi jikkopja, jikkoreġi, u jagħżel il‑kitbiet, ħalli kollox isir b’mod xieraq f’għajnejja, kif jindika l‑Ispirtu permezz tiegħu.
14 U jeħtieġ li dawk li jiena tkellimt dwarhom irabbu għeruqhom fl‑art ta’ Sijon, fl‑anqas ħin possibbli, flimkien mal‑familji tagħhom, biex huma jwettqu dak kollu li jiena tkellimt dwaru.
15 U issa fejn tidħol il‑ġabra—Jeħtieġ li l‑isqof u l‑aġent jibdew iħejju għal dawk il‑familji li jiena ordnatilhom biex jiġu f’din l‑art, kemm jista’ jkun malajr, u jeħtieġ li huma jrabbu l‑għeruq tagħhom fl‑art ta’ wirthom.
16 U dwar il‑kumplament tal‑presbiteri u l‑membri, se nagħtikom aktar informazzjoni aktar tard. Hekk għandu jkun. Ammen.