Skrittura
Duttrina u Patti 71


Sezzjoni 71

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il-Profeta u Sidney Rigdon, ġo Ħiram, Ohio, nhar l-1 ta’ Diċembru,1831. Il-Profeta kompla jittraduċi l-Bibbja b’Sidney Rigdon bħala l-iskriba tiegħu sakemm ingħatat din ir-rivelazzjoni, f’liema ħin dik il-ħidma ġiet posposta sabiex huma jkunu jistgħu jwettqu l-istruzzjoni mogħtija lilhom hawnhekk. L-aħwa ġew ordnati sabiex imorru jxandru l-kelma biex huma jtaffu xi ftit is-sentimenti xejn sbieħ li kienu tqanqlu kontra l-Knisja b’riżultat tal-pubblikazzjoni ta’ ittri miktuba minn Ezra Booth, li kien waqa’ f’apostasija.

1–4, Joseph Smith u Sidney Rigdon intbagħtu biex ixandru l-evanġelju; 5–11, L-għedewwa tal-Qaddisin sejrin jinfixlu.

1 Araw, jgħid il-Mulej lilkom il-qaddej tiegħi, Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon, li ż-żmien wasal tassew fejn hu meħtieġ, u jiena nħoss li huwa xieraq, li intom tiftħu fommkom u tmorru xxandru l-evanġelju tiegħi, il-ħwejjeġ tas-saltna, u tfissru l-misteri tagħha permezz tal-iskrittura, skont is-sehem tal-Ispirtu u tas-setgħa li se jingħata lilkom, skont ir-rieda tiegħi.

2 Tassew ngħidilkom, morru xandru lid-dinja għal xi żmien fl-inħawi tal-madwar, kif ukoll fil-knisja, u ibqgħu agħmlu dan sakemm jiġi żvelat lilkom.

3 Jien qed insejħilkom għal din il-missjoni sewwasew għal xi żmien.

4 Għalhekk, morru aħdmu fl-għalqa tiegħi. Morru sejħu lil dawk li jgħammru fuq l-art, u aqsmu magħhom ix-xhieda tagħkom, u ħejju t-triq għall-kmandamenti u r-rivelazzjonijiet li għad iridu jingħataw.

5 Issa, araw, ikun għaqli li intom tagħmlu dan; ħa jifhem min jaqra, u ħa jilqa’ din ir-rivelazzjoni;

6 Għax min jilqagħha jingħata b’mod aktar abbundanti, u jingħata wkoll is-setgħa.

7 Għalhekk, agħlqu fomm l-għedewwa tagħkom; għidulhom jiġu jiltaqgħu magħkom kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat; u jekk intom tibqgħu fidili, l-għajb tagħhom joħroġ fid-deher.

8 Għalhekk, ħalluhom jippreżentaw l-argumenti tagħhom kontra l-Mulej.

9 Tassew, dan jgħidilkom il-Mulej—Ebda arma magħmula kontrikom ma tiswa;

10 U jekk xi ħadd jgħolli leħnu kontrikom huwa jispiċċa jinfixel meta nħoss li huwa l-waqt.

11 Għalhekk, ibqgħu ħarsu l-kmandamenti tiegħi; li huma vera u ta’ min joqgħod fuqhom. Hekk għandu jkun. Ammen.