Sezzjoni 65
Rivelazzjoni dwar it‑talb mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, nhar it‑30 ta’ Ottubru, 1831.
1–2, L‑imfietaħ tas‑saltna ta’ Alla ġew fdati f’idejn il‑bniedem fuq l‑art, u l‑kawża tal‑evanġelju se tkun waħda rebbieħa; 3–6, Is‑saltna tas‑smewwiet millennjali se tiġi u tingħaqad mas‑saltna ta’ Alla fuq l‑art.
1 Agħtu widen, u isimgħu leħen bħal ta’ wieħed mibgħut mill‑għoli, li hu setgħan u qawwi, li se jmur mat‑trufijiet kollha tal‑art, iva, fejn leħnu se jsejjaħ lill‑bnedmin—Ħejju t‑triq tal‑Mulej, iddrittaw il‑mogħdijiet tiegħu.
2 L‑imfietaħ tas‑saltna ta’ Alla ġew fdati f’idejn il‑bniedem fuq l‑art, u minn hemm l‑evanġelju se jinfirex mat‑trufijiet kollha tal‑art, bħall‑ġebla li tinqata’ bla ma jmissha ħadd u li tibqa’ titgerbeb, sakemm timla l‑art kollha.
3 Iva, leħen li jgħid—Ħejju t‑triq tal‑Mulej, ħejju l‑ikla tal‑Ħaruf, ħejju lilkom infuskom għall‑miġja tal‑Għarus.
4 Itolbu lill‑Mulej, xandru l‑isem qaddis tiegħu, għarrfu lill‑ġnus bl‑għemejjel tal‑għaġeb tiegħu.
5 Sejħu lill‑Mulej, sabiex is‑saltna tiegħu tinfirex fuq l‑art, ħalli dawk li jgħammru fiha jkunu jistgħu jilqgħuha, u jitħejjew għaż‑żmien li ġej, li fih Bin il‑Bniedem se jinżel mis‑smewwiet, imlibbes bid‑dija tal‑glorja tiegħu, biex jiltaqa’ mas‑saltna ta’ Alla mwaqqfa fuq l‑art.
6 Għalhekk, jeħtieġ li s‑saltna ta’ Alla tinfirex, biex b’hekk tkun tista’ titwaqqaf is‑saltna tas‑smewwiet, biex inti, O Alla, tkun tista’ tiġi gglorifikat kemm fis‑sema u anke fuq l‑art, biex l‑għedewwa tiegħek ikunu jistgħu jiġu mrażżna; għax tiegħek il‑ġieħ, il‑qawwa u l‑glorja, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.