Skrittura
Duttrina u Patti 23


Sezzjoni 23

Sensiela ta’ ħames rivelazzjonijiet mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, ġewwa Manchester, New York, f’April, 1830, lil Oliver Cowdery, Hyrum Smith, Samuel H. Smith, Joseph Smith Sr., u Joseph Knight Sr. B’riżultat tax‑xewqa ħerqana li kellhom il‑ħames persuni msemmija biex ikunu jafu x’inhuma d‑dmirijiet rispettivi tagħhom, il‑Profeta talab lill‑Mulej u huwa rċieva rivelazzjoni għal kull wieħed minnhom.

1–7, Dawn id‑dixxipli tal‑ewwel żminijiet ġew imsejħa sabiex ixandru l‑kelma, iħeġġu, u jsaħħu l‑Knisja.

1 Ara, jien se ngħid xi ħaġa żgħira lilek, Oliver. Ara, hieni int, u inti m’int taħt l‑ebda kundanna. Iżda oqgħod attent mill‑kburija, biex ma tidħolx fit‑tiġrib.

2 Għarraf bis‑sejħa tiegħek lill‑knisja, kif ukoll lid‑dinja, u qalbek tkun lesta biex ixxandar il‑verità minn issa u għal dejjem. Ammen.

3 Ara, jien se ngħid xi ħaġa żgħira lilek, Hyrum; għax inti wkoll m’int taħt l‑ebda kundanna, u qalbek tinsab lesta, u lsienek nħall; u s‑sejħa tiegħek hi li inti l‑ħin kollu għandek tħeġġeġ, u ssaħħaħ il‑knisja. Għalhekk id‑dmir tiegħek hu lejn il‑knisja għal dejjem, u dan minħabba familtek. Ammen.

4 Ara, jien se ngħid xi ħaġa żgħira lilek, Samuel; għax inti wkoll m’int taħt l‑ebda kundanna, u s‑sejħa tiegħek hi li tħeġġeġ u ssaħħaħ il‑knisja; u inti għadek ma ġejtx imsejjaħ biex ixxandar il‑kelma lid‑dinja. Ammen.

5 Ara, jien se ngħid xi ħaġa żgħira lilek, Joseph; għax inti wkoll m’int taħt l‑ebda kundanna, u s‑sejħa tiegħek hi li tħeġġeġ u ssaħħaħ il‑knisja; u dan huwa d‑dmir tiegħek minn issa u għal dejjem. Ammen.

6 Ara, permezz ta’ dan il‑kliem jiena se nurik, Joseph Knight, li inti għandek terfa’ salibek, billi titlob b’fommok quddiem id‑dinja u bil‑moħbi, u fil‑familja tiegħek, u fost sħabek, u f’kull post.

7 U, ara, huwa d‑dmir tiegħek li inti tingħaqad mal‑vera Knisja, u li inti tħeġġeġ bla heda lil ħaddieħor, ħalli inti tkun tista’ tikseb ħlas il‑ħaddiem. Ammen.