Sezzjoni 21
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, ġewwa Fayette, New York, nhar is‑6 ta’ April, 1830. Din ir‑rivelazzjoni ġiet mogħtija meta ġiet organizzata l‑Knisja, fid‑data msemmija, fid‑dar ta’ Peter Whitmer Sr. Ħadu sehem sitt irġiel, li lkoll kienu ġew mgħammda qabel. Permezz ta’ vot unanimu dawn il‑persuni esprimew ix‑xewqa u d‑determinazzjoni tagħhom li jorganizzaw il‑Knisja skont il‑kmandament ta’ Alla (ara sezzjoni 20). Huma vvutaw ukoll biex jaċċettaw u jsostnu lil Joseph Smith Jr. u lil Oliver Cowdery bħala l‑uffiċjali li jippresedu fuq il‑Knisja. Permezz tat‑tqegħid tal‑idejn, Joseph imbagħad ordna lil Oliver bħala presbiteru tal‑Knisja, u Oliver ordna bl‑istess mod lil Joseph. Wara l‑amministrazzjoni tas‑sagrament, Joseph u Oliver qiegħdu jdejhom fuq il‑parteċipanti, wieħed wieħed, biex jagħtuhom l‑Ispirtu s‑Santu u jikkonfermaw lil kull wieħed minnhom bħala membru tal‑Knisja.
1–3, Joseph Smith jiġi msejjaħ biex ikun veġġent, traduttur, profeta, appostlu, u presbiteru; 4–8, Il‑kelma tiegħu se tkun ta’ gwida għall‑kawża ta’ Sijon; 9–12, Il‑Qaddisin jemmnu kliemu hekk kif huwa jitkellem taħt l‑ispirazzjoni tal‑Farrâġ.
1 Ara, fostkom għandu jinżamm reġistru; u fih inti se tiġi msejjaħ bħala veġġent, traduttur, profeta, appostlu ta’ Ġesù Kristu, u presbiteru tal‑knisja permezz tar‑rieda ta’ Alla l‑Missier, u bil‑grazzja tal‑Mulej tagħkom Ġesù Kristu,
2 Inti li ġejt ispirat permezz tal‑Ispirtu s‑Santu biex twaqqaf il‑knisja, u tgħinha tikber għall‑benefiċċju tal‑aktar twemmin qaddis.
3 Liema knisja ġiet organizzata u mwaqqfa fis‑sena ta’ sidkom il‑Mulej elf tmien mija u tletin, fir‑raba’ xahar, u fis‑sitt jum tax‑xahar li jissejjaħ April.
4 Għalhekk, intom, jiġifieri l‑knisja, għandkom tagħtu widen għall‑kliem u l‑kmandamenti kollha tiegħu li huwa se jagħtikom hekk kif jingħataw lilu, hekk kif huwa jgħix ħajja qaddisa f’għajnejja;
5 Għax intom għandkom taċċettaw il‑kelma tiegħu, bħallikieku ħierġa minn fommi, bis‑sabar kollu u bil‑fidi kollha.
6 Għax jekk intom tagħmlu dan kollu, is‑setgħat tal‑infern ma jegħlbukomx; iva, u l‑Mulej Alla jkeċċi l‑qawwiet tad‑dlam minn quddiemkom, u jriegħed is‑smewwiet għall‑ġid tagħkom, u għall‑glorja ta’ ismu.
7 Għax dan hu li jgħid il‑Mulej Alla: Lilu jiena spirajt biex imexxi ’l quddiem il‑kawża ta’ Sijon b’qawwa mill‑aktar setgħana għat‑tajjeb, u jien naf kemm hu diliġenti u jiena smajt talbu.
8 Iva, jiena rajtu jibki għal Sijon, u jiena se nara li hu ma jibqax isewwed qalbu aktar għaliha; għax wasal iż‑żmien li hu jithenna minħabba l‑maħfra ta’ dnubietu, u t‑turija ta’ barkieti li jien sawwabt fuq għemilu.
9 Għax, araw, jiena se nbierek lil dawk kollha li jaħdmu fl‑għalqa tiegħi b’barka mill‑aktar kbira, u kliemu huma sejrin jemmnu, li se jingħata lilu permezz tiegħi bl‑ispirazzjoni tal‑Farrâġ, u li se jurihom li Ġesù ġie msallab mill‑midinbin għad‑dnubiet tad‑dinja, iva, għall‑maħfra tad‑dnubiet ta’ dawk ta’ qalbhom maqsuma.
10 Għalhekk hija r‑rieda tiegħi li huwa jiġi ordnat minnek, O appostlu tiegħi Oliver Cowdery;
11 U din hija ordinanza għalik, biex inti tkun ordnat presbiteru minn taħt idejh, hu li huwa l‑ewwel wieħed għalik, biex inti tkun imsejjaħ presbiteru għal dil‑knisja ta’ Kristu, li ġġib ismi—
12 U biex inti tkun l‑ewwel predikatur ta’ dil‑knisja fost il‑knisja, u quddiem in‑nies tad‑dinja, iva, quddiem il‑Ġentili; iva, kif ukoll fost il‑Lhud, jgħid il‑Mulej Alla. Ammen.