Sezzjoni 55
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil William W. Phelps, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑4 ta’ Ġunju, 1831. William W. Phelps, stampatur, u l‑familja tiegħu kienu għadhom kif waslu ġewwa Kirtland, u l‑Profeta talab lill‑Mulej biex isir jaf ċerta informazzjoni dwaru.
1–3, William W. Phelps jiġi msejjaħ u magħżul sabiex jitgħammed, jiġi ordnat presbiteru, u jxandar l‑evanġelju; 4, Huwa għandu wkoll jikteb kotba għat‑tfal li jattendu l‑iskejjel tal‑Knisja; 5–6, Huwa għandu jerħilha lejn Missouri, il‑post fejn se jwettaq il‑ħidma tiegħu.
1 Ara, dan jgħidlek il‑Mulej, O qaddej tiegħi William, iva, sewwasew Sid l‑art kollha, inti ġejt imsejjaħ u magħżul; u wara li inti tiġi mgħammed bl‑ilma, jekk tagħmel dan b’ħarstek iffukata fuq il‑glorja tiegħi, inti tikseb maħfra ta’ dnubietek u l‑għotja tal‑Ispirtu s‑Santu permezz tat‑tqegħid tal‑idejn;
2 Imbagħad inti tiġi ordnat permezz ta’ id il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., biex tkun presbiteru għal dil‑knisja, biex inti xxandar l‑indiema u l‑maħfra tad‑dnubiet, permezz tal‑magħmudija, f’isem Ġesù Kristu, Bin Alla l‑ħaj.
3 U dawk kollha li inti tqiegħed idejk fuqhom, jekk huma jindmu quddiemi, inti jkollok il‑qawwa li tagħtihom l‑Ispirtu s‑Santu.
4 U inti tiġi ordnat ukoll sabiex tassisti lill‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery fil‑ħidma tal‑istampar, u fl‑għażla u l‑kitba ta’ kotba għall‑iskejjel ta’ dil‑knisja, biex it‑tfal ċkejknin ikunu jistgħu jirċievu wkoll it‑tagħlim li jogħġob lili.
5 U għal darb’oħra, tassew ngħidlek, li għal dan il‑għan inti għandek titlaq flimkien mal‑qaddejja tiegħi Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon, sabiex inti tkun tista’ trabbi l‑għeruq fl‑art ta’ wirtek ħalli fiha twettaq din il‑ħidma.
6 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Joseph Coe jitlaq magħhom ukoll. Aktar tard se niżvelalek il‑kumplament, skont ir‑rieda tiegħi. Ammen.