Skrittura
Duttrina u Patti 4


Sezzjoni 4

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil missieru, Joseph Smith Sr., ġewwa Harmony, Pennsylvania, fi Frar 1829.

1–4, Is‑servizz bi qlubija jwassal għas‑salvazjzoni tal‑ministri tal‑Mulej; 5–6, Il‑kwalitajiet divini jikkwalifikawhom għall‑ministeru; 7, Għandna nfittxu l‑ħwejjeġ ta’ Alla.

1 Issa araw, ħidma tal‑għaġeb dalwaqt se tiġi fis‑seħħ fost ulied il‑bnedmin.

2 Għalhekk, O intom li tidħlu għall‑ħidma biex taqdu ’l Alla, araw li taqduh b’qalbkom kollha u bis‑setgħa u l‑qawwa u l‑fakultà mentali tagħkom kollha, ħalli intom tkunu tistgħu tieqfu mingħajr ħtija quddiem Alla fl‑aħħar jum.

3 Għalhekk, jekk għandkom ix‑xewqa li taqdu ’l Alla, intom imsejħin għall‑ħidma;

4 Għax araw, l‑għalqa diġà bajda għall‑ħsad; araw, min ixejjer il‑minġel tiegħu bil‑qawwa tiegħu kollha, huwa jkun qed jaħżen biex ma jinqeridx, iżda jwassal is‑salvazzjoni lir‑ruħu;

5 U l‑fidi, it‑tama, il‑karità u l‑imħabba, b’ħarstu fissa fuq il‑glorja ta’ Alla, jikkwalifikawh għall‑ħidma.

6 Ftakru li għandu jkollkom il‑fidi, il‑virtù, l‑għarfien, ir‑rażan, is‑sabar, il‑ħbiberija tal‑aħwa, it‑tjieba, il‑karità, l‑umiltà, u l‑ħerqa.

7 Itolbu, u taqilgħu; ħabbtu, u jiftħulkom. Ammen.