Skrittura
Duttrina u Patti 12


Sezzjoni 12

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Joseph Knight Sr., ġewwa Harmony, Pennsylvania, Mejju 1829. Joseph Knight emmen id‑dikjarazzjonijiet ta’ Joseph Smith li hu għandu f’idejh il‑pjanċi tal‑Ktieb ta’ Mormon kif ukoll dwar ix‑xogħol tat‑traduzzjoni li kien qed jaħdem fuqu, u huwa kemm‑il darba offra għajnuna materjali lil Joseph Smith u lill‑iskriba tiegħu, u dan għamilha possibbli li huma jkomplu jittraduċu. Fuq talba ta’ Joseph Knight, il‑Profeta talab lill‑Mulej, u rċieva din ir‑rivelazzjoni.

1–6, Il‑ħaddiema fl‑għalqa sejrin jiksbu s‑salvazzjoni; 7–9, Dawk kollha li għandhom ix‑xewqa u l‑kwalifiċi jistgħu jgħinu fil‑ħidma tal‑Mulej.

1 Ħidma kbira u tal‑għaġeb dalwaqt se tiġi fis‑seħħ fost ulied il‑bnedmin.

2 Ara, jiena Alla; agħti widen għall‑kelma tiegħi, li hija ħajja u qawwija, u li taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, li tifred minn xulxin il‑ġogi u l‑mudullun; għalhekk agħti widen għall‑kelma tiegħi.

3 Ara, l‑għalqa bajda lesta għall‑ħsad; għalhekk, min għandu x‑xewqa li jaħsad, għandu jxejjer il‑minġel tiegħu bil‑qawwa tiegħu kollha, u jaħsad sakemm għadu l‑jum, ħalli huwa jkun jista’ jħejji għal ruħu s‑salvazzjoni ta’ dejjem fis‑saltna ta’ Alla.

4 Iva, kull min ixejjer bil‑minġel tiegħu u jaħsad, huwa jiġi msejjaħ minn Alla.

5 Għalhekk, jekk inti titlob lili inti taqla’; jekk inti tħabbat jiftħulek.

6 Issa, għax inti lili tlabt, ara, jiena ngħidlek, ħares il‑kmandamenti tiegħi, u mexxi ’l quddiem u stabbilixxi l‑kawża ta’ Sijon.

7 Ara, jiena qed inkellem lilek, kif ukoll lil dawk kollha li għandhom ix‑xewqa li jġibu fis‑seħħ u jistabbilixxu din il‑ħidma;

8 U ħadd ma jista’ jgħin f’din il‑ħidma jekk huwa ma jkunx umli u mimli mħabba, u li jippossedi l‑fidi, it‑tama, u l‑karità, u li jkun meqjus f’kull ħaġa, f’dak kollu li jiġi fdat f’idejh.

9 Ara, jiena, li qed ngħid dan il‑kliem, jien id‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja, għalhekk agħti widen bil‑qawwa tiegħek kollha, u mbagħad lilek jiena nsejjaħ. Ammen.