Sezzjoni 53
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Algernon Sidney Gilbert, f’Kirtland, Ohio, nhar it‑8 ta’ Ġunju, 1831. Fuq talba ta’ Sidney Gilbert, il‑Profeta talab lill‑Mulej biex isir jaf dwar il‑ħidma u s‑sejħa ta’ Brother Gilbert fil‑Knisja.
1–3, Sidney Gilbert jiġi msejjaħ u magħżul biex ikun ordnat presbiteru fil‑Knisja; 4–7, Huwa għandu jservi wkoll bħala aġent tal‑isqof.
1 Ara, jiena ngħidlek, O qaddej tiegħi Sidney Gilbert, li jiena smajt talbek; u lili inti sejjaħt biex jiġi żvelat lilek, mill‑Mulej Alla tiegħek, dwar is‑sejħa u l‑għażla tiegħek fil‑knisja, li jiena, il‑Mulej, waqqaft f’dawn l‑aħħar żminijiet.
2 Ara, jien, il‑Mulej, li ġejt imsallab għad‑dnubiet tad‑dinja, se nagħtik kmandament li inti għandek tabbanduna l‑ħwejjeġ tad‑dinja.
3 Jiena rridek tirċievi l‑ordinazzjoni tiegħi, sewwasew dik ta’ presbiteru, biex inti xxandar il‑fidi u l‑indiema u l‑maħfra tad‑dnubiet, skont kelmti, u l‑għotja tal‑Ispirtu s‑Santu permezz tat‑tqegħid tal‑idejn;
4 U biex inti tkun ukoll aġent f’isem din il‑knisja fil‑post magħżul mill‑isqof, skont il‑kmandamenti li se jingħataw aktar ’il quddiem.
5 U tassew ngħidlek ukoll li inti għandek titlaq minn hawn flimkien mal‑qaddejja tiegħi Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon.
6 Ara, dawn huma l‑ewwel ordinanzi li inti se tirċievi; u l‑kumplament se jiġu żvelati lilek aktar ’il quddiem, skont il‑ħidma tiegħek fl‑għalqa tiegħi.
7 U jiena rridek ukoll tkun taf li dak li jikseb is‑salvazzjoni huwa dak li jibqa’ sħiħ sal‑aħħar. Hekk għandu jkun. Ammen.