Skrittura
Duttrina u Patti 30


Sezzjoni 30

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil David Whitmer, Peter Whitmer Jr., u John Whitmer, ġewwa Fayette, New York, f’Settembru 1830, wara t‑tmiem ta’ konferenza li damet sejra tlett ijiem ġewwa Fayette, iżda qabel mal‑presbiteri tal‑Knisja nfirdu minn xulxin. Oriġinalment dan il‑materjal ġie ppubblikat bħala tliet rivelazzjonijiet; ġie miġbur flimkien f’sezzjoni waħda mill‑Profeta għall‑edizzjoni tal‑1835 tad‑Duttrina u Patti.

1–4, David Whitmer jiġi mwiddeb talli naqas li jaqdi b’mod diliġenti; 5–8, Peter Whitmer Jr. għandu jakkumpanja lil Oliver Cowdery waqt missjoni fost il‑Lamaniti; 9–11, John Whitmer jiġi msejjaħ biex ixandar l‑evanġelju.

1 Ara, jiena ngħidlek, David, li inti bżajt mill‑bniedem u ma fdajtx fija kif kien imissek tagħmel biex tikseb il‑qawwa.

2 Iżda moħħok kien fuq il‑ħwejjeġ tad‑dinja minflok ma kien fuq dak li jikkonċerna lili, il‑Ħallieq tiegħek, u l‑ministeru li ġejt imsejjaħ għalih; u inti ma tajtx widen għall‑Ispirtu tiegħi, u għal dawk li ġew imsejħa bħala superjuri tiegħek, iżda inti emmint dak li qalu dawk li jien ma tajthom l‑ebda kmand.

3 Għalhekk, inti tħallejt waħdek biex lejja inti ddur fit‑talb, u tixtarr dwar il‑ħwejjeġ li ngħataw lilek.

4 U inti għandek tgħammar f’dar missierek, sakemm jiena nagħtik aktar kmandamenti. U inti għandek tiddedika ħinek biex taqdi fil‑knisja, u taqdi wkoll lin‑nies tad‑dinja, u fl‑inħawi tal‑madwar. Ammen.

5 Ara, jiena ngħidlek, Peter, li inti għandek tmur tivvjaġġa flimkien ma’ ħuk Oliver; għax wasal iż‑żmien li jiena nħoss li jaqbel li inti tiftaħ fommok biex ixxandar l‑evanġelju tiegħi; għalhekk, la tibżax, iżda agħti widen għall‑kliem u l‑parir li se jagħtik ħuk.

6 U aqsam miegħu t‑tbatija kollha tiegħu, u għolli qalbek lejja fit‑talb u l‑fidi, għall‑ħelsien tiegħu u tiegħek; għax lilu tajt il‑qawwa li jibni l‑knisja tiegħi fost il‑Lamaniti;

7 U ma ħtart lil ħadd fuqu fil‑knisja, fejn jidħlu affarijiet tal‑knisja, ħlief lil ħuh, Joseph Smith, Jun.

8 Għalhekk, agħti widen għal dawn il‑ħwejjeġ u kun diliġenti fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tiegħi, u inti tkun imbierek bil‑ħajja ta’ dejjem. Ammen.

9 Ara, jiena ngħidlek, O qaddej tiegħi John, li jeħtieġ li minn issa ’l quddiem inti tibda xxandar l‑evanġelju tiegħi, bħallikieku b’leħen ta’ tromba.

10 U l‑ħidma tiegħek għandha tkun fil‑post ta’ ħuk Philip Burroughs, u fl‑inħawi tal‑madwar, iva, kull fejn in‑nies lesti jisimgħuk, sakemm jien nordnalek biex titlaq minn hemm.

11 U minn issa ’l quddiem inti għandek taħdem biss b’ruħek kollha għal Sijon; iva, inti għandek tiftaħ fommok dejjem għall‑kawża tiegħi, u ma tibżax x’jista’ jagħmillek il‑bniedem, għax jiena ninsab miegħek. Ammen.