Skrittura
Duttrina u Patti 104


Sezzjoni 104

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland jew x’imkien fil-qrib, nhar it-23 ta’ April, 1834, relatata mal-Azjenda Unita (ara l-intestatura għal sezzjoni 78 u 82). Dan x’aktarx seħħ waqt laqgħa tal-kunsill għall-membri tal-Azjenda Unita, li flimkien iddiskutew il-ħtiġijiet temporali urġenti tal-Knisja. Waqt laqgħa tal-azjenda li saret aktar qabel, nhar l-10 ta’ April, ġie deċiż li l-organizzazzjoni tiġi xolta. Din ir-rivelazzjoni titlob biex minflok, l-azjenda tiġi organizzata mill-ġdid; u l-ġid tagħha għandu jinqasam bejn il-membri tal-azjenda bħala l-amministraturi tagħha. Aktar tard, taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Smith, il-frażi “Azjenda Unita,” li kien hemm fir-rivelazzjoni, inbidlet u saret “Ordni Unita.”

1–10, Il-Qaddisin li jkunu diżjubbidjenti lejn l-ordni unita jiġu misħuta; 11–16, Il-Mulej jipprovdi għall-Qaddisin tiegħu kif jaħseb li hu l-aħjar; 17–18, Il-liġi tal-Evanġelju tmexxi l-mod kif għandhom jiġu ndukrati l-foqra; 19–46, Indikati r-responsabbiltajiet u l-barkiet ta’ ħafna mill-aħwa; 47–53, L-ordni unita f’Kirtland u l-ordni f’Sijon għandhom joperaw indipendentement minn xulxin; 54–66, It-teżor sagru tal-Mulej ġie mwaqqaf għall-istampar tal-iskrittura; 67–77, It-teżor ġenerali tal-ordni unita għandu jopera fuq bażi ta’ kunsens komuni; 78–86, Dawk li jagħmlu parti mill-ordni unita għandhom jifdu d-dejn tagħhom, u l-Mulej jeħlishom mill-jasar finanzjarju.

Tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, li jien se nagħtikom parir, u kmandament, li jikkonċerna l-ġid kollu li jappartjeni lill-ordni, liema ordni jien ordnajtilkom biex torganizzaw u twaqqfu, biex hija tkun ordni unita, u ordni eterna għall-ġid tal-knisja tiegħi, u għas-salvazzjoni tal-bnedmin, sakemm jiena niġi—

Permezz ta’ wegħda li ma titreġġax lura u li ma tinbidilx, li jekk dawk li lilhom tajt l-ordni tiegħi jibqgħu fidili, huma jkunu mberkin b’għadd ta’ barkiet;

Iżda jekk huma ma jibqgħux fidili ma jdumux ma jintlaqtu minn saħta.

Għalhekk, jekk xi wħud mill-qaddejja tiegħi ma jħarsux il-kmandamenti, iżda jiksru l-patt permezz tar-regħba u kliem qarrieq, jiena lilhom nisħet b’saħta mill-aktar kbira u severa.

Għax jien, il-Mulej, qtajtha li jekk xi ħadd li jagħmel parti mill-ordni jinstab li huwa trasgressur, jew, fi kliem ieħor, jikser il-patt li bih intrabat, huwa jkun misħut f’ħajtu, u hu jispiċċa mgħaffeġ minn min nagħżel jien;

Għax jien, il-Mulej, ħadd mhu se jiddieħaq bija f’dawn il-ħwejjeġ—

U dan kollu biex dawk fostkom li huma innoċenti ma jiġux ikkundannati flimkien mal-ħżiena; u biex dawk fostkom li huma ħatja ma jeħilsuhiex; għax jien, il-Mulej, wegħdtkom kuruna ta’ ġieħ fuq il-lemin tiegħi.

Għalhekk, jekk tinstabu li intom trasgressuri, intom f’ħajjitkom ma tkunux tistgħu teħilsuha mill-korla tiegħi.

Jekk intom tiġu mwarrba minħabba trasgressjoni, intom ma tkunux tistgħu teħilsuha mit-turment ta’ Satana sa ma jasal jum il-fidwa.

10 U minn issa stess jien se nagħtikom il-qawwa li jekk xi ħadd fostkom, li jagħmel parti mill-ordni, jinstab li huwa trasgressur u ma jindimx mill-ħażen, intom għandkom tħalluh jiġi tturmentat minn Satana; u hu ma jkollu l-ebda qawwa li jġib fuqkom id-deni.

11 Dan huwa fl-għerf tiegħi; għalhekk, jiena nordnalkom sabiex torganizzaw irwieħkom u taraw li lil kull bniedem tagħtuh responsabbiltà;

12 Ħalli kull bniedem ikun jista’ jagħti kont lili ta’ dak kollu li tħalla responsabbli minnu.

13 Għax huwa xieraq li jien, il-Mulej, nara li kull bniedem hu kontabbli, bħala amministratur tal-barkiet tal-art, li jiena ħloqt u ħejjejt għall-ħlejjaq tiegħi.

14 Jien, il-Mulej, frixt is-smewwiet, u bnejt l-art, u dawn huma xogħol idejja; u kull ħaġa li hemm fihom hija tiegħi.

15 U l-għan tiegħi hu li nipprovdi għall-qaddisin tiegħi, għax kull ħaġa hi tiegħi.

16 Iżda jeħtieġ li dan isir bil-mod li rrid jien; u araw, dan hu l-mod li jien, il-Mulej, ħabbart kif sejjer nipprovdi għall-qaddisin tiegħi, sabiex il-foqra jiġu mgħollija ’l fuq, filwaqt li l-għonja jitniżżlu ’l isfel.

17 Għax l-art mimlija waħda sew, u hawn biżżejjed u bix-xaba’; iva, jiena ħejjejt kull ħaġa, u ’l ulied il-bnedmin tajthom il-qawwa li jaġixxu għalihom infushom.

18 Għalhekk, jekk xi ħadd jieħu mill-abbundanza li jiena ħloqt, u ma jaqsamx sehemu, skont il-liġi tal-evanġelju tiegħi, mal-foqra u ma’ dawk fil-bżonn, huwa għad isib ruħu fi tbatija mill-aktar kbira, u fl-infern għad jerfa’ ħarstu flimkien mal-ħżiena.

19 U issa, tassew ngħidilkom, b’relazzjoni mal-ġid tal-ordni—

20 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Sidney Rigdon jingħatalu l-post li qed jgħix fih bħalissa, u li hu għandu jkun responsabbli mill-plott fejn hemm il-konzerija, biex huwa jkun jista’ jmantni lilu nnifsu waqt li jinsab jaħdem fl-għalqa tiegħi, skont ir-rieda tiegħi, meta nordnalu jagħmel dan.

21 U jeħtieġ li kollox isir fuq il-parir tal-ordni, u b’kunsens komuni jew b’vot tal-ordni, ta’ dawk li jgħammru fl-art ta’ Kirtland.

22 U jien, il-Mulej, nitfa’ din ir-responsabbiltà u din l-barka fuq il-qaddej tiegħi Sidney Rigdon, li hi barka li jiena qed insawwab fuqu u fuq in-nisel tiegħu warajh;

23 U jiena nkattar barkietu, jekk huwa jumilja ruħu quddiemi.

24 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Martin Harris jingħatalu l-plott li kien ingħata lill-qaddej tiegħi John Johnson, biex hu jkun responsabbli minnu, u dan jingħatalu minflok dak li kien ingħatalu qabel, għalih u għal nislu warajh;

25 U jekk huwa jibqa’ fidil, jiena nkattar barkieti fuqu u fuq nislu warajh.

26 U jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Martin Harris jiddedika flusu għax-xandir tal-kelma tiegħi, skont id-direzzjoni li jagħtih il-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun.

27 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Frederick G. Williams jibqa’ jżomm f’idejh il-post li qed jgħammar fih bħalissa.

28 U jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Oliver Cowdery jingħata l-plott li jinsab qrib id-dar li għandha tintuża bħala l-uffiċċju tal-istampar, jiġifieri l-plott numru wieħed, kif ukoll il-plott fejn jgħix missieru.

29 U jeħtieġ li l-qaddejja tiegħi Frederick G. Williams u Oliver Cowdery ikunu responsabbli mill-uffiċċju tal-istampar u minn kull ħaġa relatata miegħu.

30 U din se tkun ir-responsabbiltà li jiena se nagħtihom.

31 U jekk huma jibqgħu fidili, araw, lilhom jiena mbierek, u jiena nkattar barkieti fuqhom.

32 U dan huwa biss il-bidu tar-responsabbiltà li jiena qed nagħtihom, għalihom u għal nisilhom warajhom.

33 U jekk huma jibqgħu fidili, jiena nkattar barkieti fuqhom u fuq nisilhom warajhom, sewwasew għadd kbir ta’ barkiet.

34 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi John Johnson jingħata d-dar li fiha jgħix, liema dar għandha tingħatalu kollha kemm hi ħlief għall-art li ġiet riservata għall-bini tad-djar tiegħi, u għall-plottijiet li ġew allokati għall-qaddej tiegħi Oliver Cowdery.

35 U jekk jibqa’ fidil, jiena nkattar barkieti fuqu.

36 U hija r-rieda tiegħi li huwa jbiegħ il-plottijiet li ġew mqassma għall-bini tal-belt tal-qaddisin tiegħi, dejjem jekk dan ikun żvelat lilu permezz ta’ leħen l-Ispirtu, u skont il-parir tal-ordni, u l-vot tal-ordni.

37 U dan huwa biss il-bidu tar-responsabbiltà li jiena qed nagħtih, bħala barka għalih u għal nislu warajh.

38 U jekk huwa jibqa’ fidil, jiena nkattar fuqu għadd ta’ barkiet.

39 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Newel K. Whitney jingħatawlu kemm id-dar kif ukoll il-plott fejn qed jgħix bħalissa, u l-plott u l-bini fejn tinsab l-intrapriża kummerċjali, kif ukoll il-plott li jinsab fil-kantuniera t’isfel tal-intrapriża kummerċjali, kif ukoll il-plott fejn hemm il-fabbrika tal-potassa.

40 U jien qed naħtar lill-qaddej tiegħi Newel K. Whitney biex jagħmilha ta’ amministratur ta’ dan kollu, u din hija barka li qed nsawwab fuqu u fuq nislu warajh, għall-ġid tal-intrapriża kummerċjali tal-ordni tiegħi, li jiena waqqaft għall-pal tiegħi li hemm fl-art ta’ Kirtland.

41 Iva, tassew, jien qed naħtar bħala amministraturi ta’ din l-intrapriża kummerċjali kollha lill-qaddej tiegħi N. K. Whitney u lill-aġent tiegħu, kif ukoll lil nislu warajh.

42 U jekk huwa jibqa’ jħares b’fedeltà l-kmandamenti tiegħi, li jiena tajtu, jiena nkattar barkieti fuqu u fuq nislu warajh, sewwasew għadd kbir ta’ barkiet.

43 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun. jingħata l-plott li ġie mqassam għall-bini ta’ dari, liema plott hu twil erbgħin qasba u wiesgħa tnax, u jingħatalu wkoll il-plott fejn jgħix missieru;

44 U dan hu biss il-bidu tar-responsabbiltà li jien qed nagħtih bħala barka li qed insawwab fuqu u fuq missieru.

45 Għax araw, lil missieru erfajtlu sehemu, biex ikun jista’ jsostni lilu nnifsu; għalhekk huwa għandu jitqies bħala wieħed li jagħmel parti mid-dar ta’ Joseph Smith, Jun.

46 U jiena nkattar barkieti, sewwasew għadd kbir ta’ barkiet, fuq id-dar tal-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., jekk huwa jibqa’ fidil.

47 U issa, jiena se nagħtikom kmandament relatat ma’ Sijon, fejn bħala ordni unita, intom m’għandkomx tibqgħu aktar marbutin ma’ ħutkom f’Sijon, bil-mod kif se nispjega hawnhekk—

48 Wara li torganizzaw irwieħkom, intom għandkom tibdew tissejħu l-Ordni Unita tal-Pal ta’ Sijon, il-Belt ta’ Kirtland. U ħutkom, wara li jorganizzaw irwieħhom, għandhom jibdew jissejħu l-Ordni Unita tal-Belt ta’ Sijon.

49 U huma għandhom jorganizzaw irwieħhom billi jużaw isimhom u isem l-ordni tagħhom; u kulma jagħmlu għandhom jagħmluh billi jużaw isimhom u isem l-ordni tagħhom;

50 U kulma tagħmlu għandkom tagħmluh billi tużaw isimkom u isem l-ordni tagħkom.

51 U jien ordnajtilkom tagħmlu dan għall-ħarsien tagħkom, kif ukoll għall-ħarsien tagħhom, peress li huma ġew imkeċċijin ’il barra, kif ukoll għal dak li ġej.

52 U peress li l-patti qed jinkisru permezz tat-trasgressjoni, minħabba r-regħba u l-kliem qarrieq—

53 Għalhekk, l-ordni unita ma’ ħutkom se tiġi xolta, fejn intom m’intomx se tibqgħu marbutin aktar magħhom, ħlief bil-mod li ġej, kif għidt, permezz ta’ self, kif jiġi miftiehem f’din l-ordni waqt kunsill, kif jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħkom u skont id-deċiżjoni li tittieħed permezz tal-vot tal-kunsill.

54 U għal darb’oħra, jiena nagħtikom kmandament dwar dak kollu li jiena għamiltkom responsabbli minnu.

55 Araw, dal-ġid kollu hu tiegħi, altrimenti l-fidi tagħkom hi fiergħa, u intom tabilħaqq ipokriti, u ksirtu l-patti li għamiltu miegħi;

56 U jekk dal-ġid huwa tiegħi, mela intom amministraturi; altrimenti intom m’intomx amministraturi.

57 Iżda, tassew ngħidilkom, lilkom jiena ħtartkom biex tkunu amministraturi ta’ dari, amministraturi tassew.

58 U għal dan il-għan jiena ordnajtilkom biex torganizzaw irwieħkom, sewwasew biex tistampaw kliemi, il-milja tal-iskrittura tiegħi, ir-rivelazzjonijiet li jiena tajtkom u li minn issa ’l quddiem sejjer nagħtikom minn żmien għall-ieħor—

59 Bil-għan li tinbena l-knisja u s-saltna tiegħi fuq l-art, u biex in-nies tiegħi jiġu mħejjija għaż-żmien li fih jiena se nkun qed ngħammar magħhom, liema żmien li jinsab fil-qrib.

60 U intom għandkom tħejju post għat-teżor, u tikkonsagrawh lil ismi.

61 U għandkom tagħżlu wieħed minn fostkom biex jieħu ħsieb it-teżor, u lilu għandkom tordnaw biex jingħata din il-barka.

62 U t-teżor għandu jkollu siġill, u kull ħaġa sagra għandha tittieħed fit-teżor; u ħadd minnkom m’għandu jagħmilha tiegħu, jew jagħmel parti minnha tiegħu, għax hija tappartjeni lilkom ilkoll flimkien.

63 U minn issa stess jiena qed nagħtih lilkom; u araw li tmorru u tagħmlu użu minn dak kollu li jien għamiltkom responsabbli minnu, ħlief għall-ħwejjeġ sagri, għall-għan tal-istampar ta’ dawn il-ħwejjeġ sagri, kif diġà għidt qabel.

64 U d-dħul li jkun ġej mill-ħwejjeġ sagri għandu jitpoġġa fit-teżor, u għandu jiġi ssiġġillat; u ħadd m’għandu jagħmel użu minnu jew joħorġu mit-teżor, u ħadd m’għandu jneħħi s-siġill, li għandu jitpoġġa fuqu, ħlief permezz ta’ vot tal-ordni, jew jekk jien nordnalkom tagħmlu dan.

65 U b’hekk għandkom taraw li d-dħul li jkun ġej mill-ħwejjeġ sagri jibqa’ jiġi ppreservat fit-teżor.

66 U dan għandu jissejjaħ it-teżor sagru tal-Mulej; u għandkom tagħmlulu siġill biex ikun jista’ jiġi mqaddes u kkonsagrat għall-Mulej.

67 U għal darb’oħra, għandkom tħejju teżor ieħor, u għandu jinħatar teżorier biex jieħu ħsieb it-teżor, liema teżor għandkom tagħmlulu siġill;

68 U l-flus kollha li tirċievu bħala amministraturi, billi tkattru l-ġid li jiena tajtkom fejn jidħlu djar, jew artijiet, jew imrieħel, jew kull ħaġa oħra, għajr il-kitba mqaddsa u sagra, li jiena ppreservajt għalija għal għanijiet qaddisa u sagri, għandkom tixħtuhom fit-teżor, hekk kif tirċievu l-flus, f’karti tal-mija, jew tal-ħamsin, jew tal-għoxrin, jew tal-għaxra, jew tal-ħamsa.

69 Jew fi kliem ieħor, jekk xi ħadd fostkom jingħata ħames dollari jeħtieġ li huwa jixħethom fit-teżor; u jekk huwa jingħata għaxra, jew għoxrin, jew ħamsin, jew mija, jeħtieġ li jagħmel l-istess;

70 U araw li ma jkun hemm ħadd fostkom li jgħid li huma tiegħu; għax m’għandhomx jitqiesu li huma tiegħu, lanqas parti minnhom.

71 U xejn minnhom m’għandu jintuża jew jinħareġ minn ġot-teżor, għajr permezz ta’ vot, jew b’kunsens komuni tal-ordni.

72 U dan għandu jkun il-vot u l-kunsens komuni tal-ordni—li xi ħadd fostkom jgħid lit-teżorier: Jiena neħtieġ dan biex jgħinni f’dak kollu li jiena responsabbli minnu—

73 U jekk huwa jkun jeħtieġ ħames dollari, jew għaxar dollari, jew għoxrin, jew ħamsin, jew mija, it-teżorier għandu jara li jagħtih kemm jeħtieġ biex jgħinu f’dak kollu li huwa responsabbli minnu—

74 U dan għandu jibqa’ jsir diment li ma jinstabx li huwa xi trasgressur, u joħroġ fid-deher quddiem il-kunsill tal-ordni li huwa mhuwiex amministratur fidil u għaqli.

75 Iżda jekk huwa jkun membru denn tal-ordni, fidil u għaqli f’dak li huwa jamministra, dan għandu jkun ta’ sinjal għat-teżorier, u t-teżorier m’għandux jirrifjuta t-talba tiegħu.

76 Iżda f’każ ta’ trasgressjoni, it-teżorier għandu jaġixxi skont il-kunsill u l-vot tal-ordni.

77 U f’każ li t-teżorier jinstab li mhuwiex amministratur fidil u għaqli, huwa għandu joqgħod għad-deċiżjoni tal-kunsill u għall-vot tal-ordni, u għandu jitneħħa minn postu, u minfloku jinħatar xi ħadd ieħor.

78 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, fejn jidħol id-dejn tagħkom—araw, hija r-rieda tiegħi li intom tifdu d-dejn kollu tagħkom.

79 U hija r-rieda tiegħi li intom tiċċekknu quddiemi, u tiksbu din il-barka permezz tad-diliġenza u l-umiltà u t-talba tal-fidi tagħkom.

80 U jekk intom tibqgħu diliġenti u umli, u teżerċitaw it-talba tal-fidi, araw, jiena nrattab qalb dawk li intom mdejnin magħhom, sakemm jiena nwasslilkom mezz kif intom tkunu tistgħu tinħelsu mid-dejn.

81 Għalhekk, iktbu minnufih lil New York u iktbu skont dak li se jiddettalkom l-Ispirtu tiegħi; u jiena nrattab qalb dawk li intom mdejnin magħhom, biex huma jtajru l-ħsieb minn moħħhom li lilkom jippersegwitaw.

82 U jekk intom tibqgħu umli u fidili u tibqgħu ssejħu ismi, araw, jiena nwassalkom biex tegħlbu kollox.

83 Jiena nwegħidkom li għal did-darba intom se teħilsuha mill-jasar.

84 Hekk li intom se tingħataw iċ-ċans li tisselfu mijiet jew eluf ta’ flus, sakemm tkunu sselliftu biżżejjed biex teħilsu lilkom infuskom mill-jasar, u dan hu l-privileġġ tagħkom.

85 U għal din id-darba l-ġid li jiena tajtkom f’idejkom għandu jkun ta’ garanzija għalikom, billi tagħtu isimkom b’kunsens komuni jew b’mod ieħor, kif taħsbu li hu l-aħjar.

86 Din id-darba qed nagħtikom dan il-privileġġ; u jekk intom taraw li tagħmlu kollox kif urejtkom jien, skont il-kmandamenti tiegħi, araw, dan kollu huwa tiegħi, u intom l-amministraturi tiegħi, u l-imgħallem ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Hekk għandu jkun. Ammen.