Sezzjoni 108
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑26 ta’ Diċembru, 1835. Din is‑sezzjoni ngħatat fuq talba ta’ Lyman Sherman, li aktar kmieni kien ġie ordnat bħala wieħed mis‑seba’ presidenti tas‑Sebgħin u li kien mar għand il‑Profeta b’petizzjoni għal rivelazzjoni biex isir jaf x’inhu dmiru.
1–3, Lyman Sherman jikseb maħfra ta’ dnubietu; 4–5, Hu għandu jingħadd mal‑presbiteri li jippresedu fuq il‑Knisja; 6–8, Huwa msejjaħ biex ixandar l‑evanġelju u jsaħħaħ lil ħutu.
1 Tassew dan jgħidlek il‑Mulej, O qaddej tiegħi Lyman: Dnubietek maħfura, għaliex inti smajt minn kliemi u ġejt hawn dalgħodu biex tingħata parir mingħand dak li jien għażilt.
2 Għalhekk, ara li ruħek issib il‑mistrieħ fejn tidħol id‑denjità spiritwali tiegħek, u la tkomplix topponi kliemi.
3 Qum u minn issa ’l quddiem ara li tibqa’ żżomm b’aktar reqqa il‑wegħdiet li għamilt u li tagħmel, u mbierek inti tkun b’barkiet mill‑aktar kbar.
4 Stenna bis‑sabar kollu sakemm tissejjaħ il‑laqgħa solenni tal‑qaddejja tiegħi, u mbagħad inti tibda titqies bħala wieħed mill‑presbiteri ewlenin tiegħi, u tingħata d‑dritt permezz ta’ ordinazzjoni flimkien mal‑kumplament tal‑presbiteri li jien għażilt.
5 Ara, din hija l‑wegħda li qed jagħmillek il‑Missier jekk inti tibqa’ fidil.
6 U inti għad tara dan jiġi fis‑seħħ f’dak il‑jum li fih tingħata d‑dritt li tmur ixxandar l‑evanġelju tiegħi kull fejn nibagħtek jien, minn issa ’l quddiem.
7 Għalhekk, mur u saħħaħ lil ħutek f’dak kollu li tgħid, fit‑talb kollu tiegħek, fl‑eżortazzjonijiet kollha tiegħek, u fl‑għemejjel kollha tiegħek.
8 U ara, jiena ninsab miegħek biex inbierkek u neħilsek għal dejjem. Ammen.