Sezzjoni 27
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Harmony, Pennsylvania, Awwissu 1830. Bi tħejjija għal servizz reliġjuż li fih kellu jiġi amministrat is‑sagrament tal‑ħobż u l‑inbid, Joseph mar jara minn fejn seta’ jikseb l‑inbid. Huwa ltaqa’ ma’ messaġġier mis‑smewwiet u rċieva din ir‑rivelazzjoni, li parti minnha nkitbet dak iż‑żmien u l‑kumplament f’Settembru ta’ wara. Illum minflok l‑inbid qed jintuża l‑ilma fis‑servizzi sagramentali tal‑Knisja.
1–4, Stabbiliti l‑emblemi li għandhom jintużaw fit‑teħid tas‑sagrament; 5–14, Kristu u l‑qaddejja tiegħu minn kull dispensazzjoni għandhom jieħdu sehem fis‑sagrament; 15–18, Ilbsu l‑armatura ta’ Alla.
1 Isimgħu leħen Ġesù Kristu, il‑Mulej tagħkom, Alla tagħkom, u l‑Feddej tagħkom, li l‑kelma tiegħu hi ħajja u qawwija.
2 Għax, araw, jien ngħidilkom, li ma tagħmilx differenza x’tieklu jew x’tixorbu meta tieħdu sehem fis‑sagrament, diment li intom tagħmlu dan b’ħarsitkom safja lejn il‑glorja tiegħi—u quddiem il‑Missier tiftakru fil‑ġisem tiegħi li ġie mogħti għalikom, u f’demmi li ġie mxerred għall‑maħfra ta’ dnubietkom.
3 Għalhekk, jiena se nagħtikom kmandament, li intom m’għandkom tixtru l‑ebda nbid jew xorb qawwi mingħand l‑għedewwa tagħkom;
4 Għalhekk, intom m’għandkomx tixorbu minnu ħlief jekk isir minnkom stess; iva, f’din is‑saltna ta’ Missieri li sejra titwaqqaf fuq din l‑art.
5 Araw, dan huwa fl‑għerf tiegħi; għalhekk, tistagħġbux, għax jiġi ż‑żmien li jiena nixrob magħkom mill‑frott tad‑dielja fuq din l‑art, kif ukoll ma’ Moroni, li jiena bgħatt għandek biex iwassallek il‑Ktieb ta’ Mormon, li fih il‑milja tal‑evanġelju ta’ dejjem tiegħi, u li f’idejh jiena fdajt l‑imfietaħ tal‑istorja tal‑ħatar ta’ Efrajm;
6 Kif ukoll ma’ Elijas, li f’idejh jiena fdajt l‑imfietaħ li permezz tagħhom iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni ta’ kull ħaġa li ġiet imlissna minn fomm il‑profeti qaddisa kollha sa mill‑bidu tad‑dinja, li hi relatata mal‑aħħar żminijiet;
7 Kif ukoll ma’ Ġwanni bin Żakkarija, liema Żakkarija huwa (Elijas) mar iżur u wegħdu li huwa kien se jkollu iben, u kellu jsemmieh Ġwanni, u huwa kellu jkun mimli bl‑Ispirtu ta’ Elijas;
8 Liema Ġwanni jiena bgħatt fostkom, O qaddejja tiegħi, Joseph Smith, Jun., u Oliver Cowdery, biex lilkom huwa jordna għall‑ewwel saċerdozju li intom irċevejtu, ħalli tkunu tistgħu tiġu msejħin u ordnati l‑istess bħal Aron;
9 Kif ukoll ma’ Elija, li f’idejh jiena fdajt l‑imfietaħ tal‑qawwa li jraġġa’ l‑qlub tal‑missirijiet lejn uliedhom, u l‑qlub tal‑ulied lejn missirijiethom, ma tmurx l‑art kollha tintlaqat minn xi saħta;
10 Kif ukoll ma’ missirijietkom Ġużeppi u Ġakobb, u Iżakk, u Abraham, li permezz tagħhom jibqgħu jgħoddu dawn il‑wegħdiet;
11 Kif ukoll ma’ Mikiel, jew Adam, missier kulħadd, il‑prinċep ta’ kulħadd, ix‑xiħ fl‑għomor;
12 Kif ukoll ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, li jiena bgħatt fostkom, u li permezz tagħhom jiena ordnajtkom u kkonfermajtkom bħala appostli, u xhieda speċjali ta’ ismi, u li f’idejkom fdajt l‑imfietaħ tal‑ministeru tagħkom u tal‑istess ħwejjeġ li lilhom jiena żvelajt;
13 U f’idejkom jiena fdajt l‑imfietaħ tas‑saltna tiegħi, u tad‑dispensazzjoni tal‑evanġelju għall‑aħħar żminijiet; u għall‑milja taż‑żminijiet, li fiha jiena se niġbor kollox taħt ras waħda, kemm dak kollu li hemm fis‑sema, u kemm dak li hawn fuq l‑art;
14 Kif ukoll ma’ dawk li Missieri tani biex ikunu tiegħi fid‑dinja.
15 Għalhekk, imlew qalbkom bil‑ferħ u thennew, u ħażżmu ġenbejkom, u ilbsu l‑armatura tiegħi, ħalli tkunu kapaċi tibqgħu sħaħ f’jum il‑ħsara, wara li tkunu għamiltu li stajtu biex tkunu kapaċi tibqgħu sħaħ.
16 Ibqgħu sħaħ, għalhekk, b’ġenbejkom mħażżma bil‑verità, u mlebbsin bil‑kurazza tal‑ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil‑ħeġġa tal‑evanġelju tas‑sliem, li jiena bgħatt l‑anġli tiegħi biex għandkom iwassluh;
17 Ħudu f’idejkom it‑tarka tal‑fidi li biha tistgħu titfu l‑vleġeġ kollha tan‑nar tal‑ħażin;
18 U ilbsu l‑elmu tas‑salvazzjoni u aqbdu x‑xabla tal‑Ispirtu tiegħi, li jiena se nsawwab fuqkom, u l‑kelma tiegħi li jien se niżvelalkom, u kunu ta’ fehma waħda dwar dak kollu li titolbu lili, u ibqgħu fidili sa ma nerġa’ niġi, u fis‑smewwiet intom tittieħdu, ħalli fejn ninsab jien tkunu intom ukoll. Ammen.