Sezzjoni 17
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Oliver Cowdery, David Whitmer, u Martin Harris, ġo Fayette, New York, f’Ġunju 1829, qabel ma huma raw il‑pjanċi mnaqqxin, li kien fihom ir‑rakkont tal‑Ktieb ta’ Mormon. Joseph u l‑iskriba tiegħu, Oliver Cowdery, saru jafu, mit‑traduzzjoni tal‑pjanċi tal‑Ktieb ta’ Mormon, li kienu se jingħażlu tliet xhieda speċjali (ara Għeter 5:2–4; 2 Nefi 11:3; 27:12). Oliver Cowdery, David Whitmer, u Martin Harris ħassew ruħhom titqanqal permezz ta’ xewqa divina li huma jkunu t‑tliet xhieda speċjali. Il‑Profeta talab lill‑Mulej, u din ir‑rivelazzjoni ngħatat bi tweġiba għal din it‑talba permezz tal‑Urim u t‑Tummim.
1–4, Permezz tal‑fidi t‑Tliet Xhieda sejrin jaraw il‑pjanċi u ħwejjeġ oħra sagri; 5–9, Kristu jixhed dwar id‑divinità tal‑Ktieb ta’ Mormon.
1 Araw, jien ngħidilkom, li intom għandkom tafdaw f’kelmti, u jekk tagħmlu dan b’impenn sħiħ f’qalbkom, intom tkunu tistgħu taraw il‑pjanċi, kif ukoll il‑pettoral, ix‑xabla ta’ Laban, u l‑Urim u t‑Tummim, li ngħataw lil ħu Ġared fuq il‑muntanja, meta huwa tkellem mal‑Mulej wiċċ imb wiċċ, kif ukoll id‑diretturi mirakolużi li ngħataw lil Leħi meta kien fid‑deżert, mal‑fruntieri tal‑Baħar tal‑Qasab.
2 U hu permezz tal‑fidi tagħkom li intom se tkunu tistgħu tarawhom, sewwasew permezz ta’ dik l‑istess fidi li kellhom il‑profeti tal‑imgħoddi.
3 U wara li intom tiksbu l‑fidi, u tkunu rajtuhom b’għajnejkom, araw li bil‑qawwa ta’ Alla tagħtu xhieda dwarhom.
4 U intom għandkom tagħmlu dan biex il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., ma jinqeridx, ħalli jiena nkun nista’ nwettaq l‑għanijiet tajbin tiegħi għal ulied il‑bnedmin permezz ta’ din l‑opra.
5 U jeħtieġ li intom tagħtu xhieda li rajtuhom, l‑istess kif rahom il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun.; għax hu permezz tal‑qawwa tiegħi li huwa rahom, u għax huwa kellu l‑fidi.
6 U huwa ttraduċa l‑ktieb, sewwasew dik il‑parti li ordnajtlu jiena, u daqs kemm jgħix tassew il‑Mulej u Alla tagħkom, daqstant ieħor il‑ktieb hu veru.
7 Għalhekk, intom ingħatajtu l‑istess qawwa, l‑istess fidi, u l‑istess don bħalu;
8 U jekk intom taraw li tħarsu dawn l‑aħħar kmandamenti tiegħi, li jiena tajtkom, il‑bibien tal‑infern ma jegħlbukomx; għax il‑grazzja tiegħi hi biżżejjed għalikom, u intom tintrefgħu ’l fuq fl‑aħħar jum.
9 U huwa jiena, Ġesù Kristu, il‑Mulej u Alla tagħkom, li għidtilkom dan, ħalli jiena nkun nista’ nwettaq l‑għanijiet tajba tiegħi għal ulied il‑bnedmin. Ammen.