Skrittura
Duttrina u Patti 81


Sezzjoni 81

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, nhar il‑15 ta’ Marzu, 1832. Frederick G. Williams imsejjaħ sabiex ikun qassis il‑kbir u kunsillier fil‑Presidenza tas‑Saċerdozju l‑Kbir. L‑annali storiċi juru li meta ngħatat din ir‑rivelazzjoni, f’Marzu 1832, Jesse Gause ġie msejjaħ għall‑uffiċċju ta’ kunsillier għal Joseph Smith fil‑Presidenza. Madankollu, meta huwa ma baqax jgħix b’mod li jagħmel ġieħ lil din is‑sejħa, hija sussegwentement ġiet mogħtija lil Frederick G. Williams. Ir‑rivelazzjoni (li ġġib id‑data ta’ Marzu 1832) għandha titqies bħala pass ieħor lejn l‑organizzazzjoni formali tal‑Ewwel Presidenza, għax titkellem b’mod speċifiku dwar il‑ħtieġa tal‑uffiċċju ta’ kunsillier f’dik l‑organizzazzjoni u tispjega d‑dinjità ta’ din is‑sejħa. Brother Gause serva għal xi żmien iżda huwa ġie skomunikat mill‑Knisja f’Diċembru 1832. Brother Williams ġie ordnat għal dan l‑uffiċċju speċifiku nhar it‑18 ta’ Marzu, 1833.

1–2, L‑imfietaħ tas‑saltna jinsabu dejjem f’idejn l‑Ewwel Presidenza; 3–7, Jekk Frederick G. Williams jibqa’ fidil fil‑ministeru tiegħu, huwa jikseb il‑ħajja ta’ dejjem.

1 Tassew, tassew, ngħidlek, O qaddej tiegħi Frederick G. Williams: Isma’ l‑leħen ta’ dak li qed jitkellem, isma’ l‑kelma tal‑Mulej Alla tiegħek, u agħti widen għas‑sejħa li għaliha ġejt imsejjaħ, sewwasew is‑sejħa ta’ qassis il‑kbir fil‑knisja tiegħi, u kunsillier għall‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun.;

2 Li lilu jiena tajt l‑imfietaħ tas‑saltna, liema mfietaħ jinsabu dejjem f’idejn il‑Presidenza tas‑Saċerdozju l‑Kbir:

3 Għalhekk, lilu jiena tabilħaqq nirrikonoxxi u nbierek, u l‑istess lilek, diment li inti tibqa’ fidil għal kull parir li jingħata, fl‑uffiċċju li ħtartek għalih, u li inti tibqa’ titlob dejjem, sew bil‑fomm u sew f’qalbek, sew fil‑pubbliku u sew fil‑moħbi, u tibqa’ fidil ukoll fil‑ministeru tiegħek billi xxandar l‑evanġelju fl‑art tal‑ħajjin, u fost ħutek.

4 U jekk tagħmel dan kollu inti tkun qed twettaq l‑akbar ġid lil għajrek, u tkun qed tippromwovi l‑glorja ta’ dak li huwa Sidek.

5 Għalhekk, ibqa’ fidili dejjem; ara li twettaq dmirek fl‑uffiċċju li jiena ħtartek għalih; kun ta’ għajnuna għal min hu dgħajjef, erfa’ l‑idejn merħija, u saħħaħ l‑irkubbtejn mitluqa.

6 U jekk inti tibqa’ fidil sal‑aħħar inti tikseb il‑kuruna tal‑immortalità u tal‑ħajja ta’ dejjem fil‑postijiet li jien ħejjejt fid‑dar ta’ Missieri.

7 Ara, dan huwa l‑kliem tal‑Alfa u l‑Omega, l‑istess Ġesù Kristu. Ammen.