Sezzjoni 78
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑1 ta’ Marzu, 1832. Dakinhar, il‑Profeta u mexxejja oħra nġabru flimkien biex jiddiskutu l‑ħidma tal‑Knisja. Din ir‑rivelazzjoni oriġinalment ordnat lill‑Profeta, lil Sidney Rigdon, u lil Newel K. Whitney biex jerħulha lejn Missouri u jorganizzaw il‑ħidma kummerċjali tal‑Knisja u tal‑pubblikazzjoni tal‑materjal tagħha billi joħolqu “azjenda” li tissorvelja din il‑ħidma, u li twassal biex tiġġenera fondi għat‑twaqqif ta’ Sijon u għall‑ġid tal‑foqra. Din l‑azjenda, magħrufa bħala l‑Azjenda Unita, ġiet organizzata f’April 1832 u ġiet xolta fl‑1834 (ara sezzjoni 82). Ftit wara x‑xoljiment tagħha, taħt id‑direzzjoni ta’ Joseph Smith, il‑frażi “il‑ħidma tal‑maħżen għall‑foqra” ħadet post “l‑intrapriżi letterarji u kummerċjali” kif hemm fir‑rivelazzjoni, u l‑kelma “ordni” ħadet post il‑kelma “azjenda.”
1–4, Il‑Qaddisin għandhom jorganizzaw u jiftħu maħżen; 5–12, L‑użu għaqli ta’ ġidhom iwassal għas‑salvazzjoni; 13–14, Il‑Knisja għandha tkun ħielsa minn xi influwenza tad‑dinja; 15–16, Mikiel (Adam) jaġixxi taħt id‑direzzjoni tal‑Qaddis (Kristu); 17–22, Hienja l‑fidili, għax huma jiksbu kull ħaġa.
1 Il‑Mulej kellem lil Joseph Smith, Jun. u qallu: Isimgħu, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, lilkom li ġejtu ordnati għas‑saċerdozju l‑kbir tal‑knisja tiegħi, li nġbartu lkoll flimkien;
2 Isimgħu x’għandu xi jgħidilkom dak li ordnakom mill‑għoli, u li f’widnejnkom sejjer jgħidilkom kliem il‑għerf, sabiex intom tkunu tistgħu tiksbu s‑salvazzjoni permezz ta’ dik il‑ħaġa li intom tlabtuni dwarha, jgħid il‑Mulej Alla.
3 Għax tassew ngħidilkom, iż‑żmien wasal, u jinsab fil‑qrib; u araw, jeħtieġ li l‑poplu tiegħi jorganizza ruħu, fejn tidħol it‑tmexxija u l‑organizzazzjoni tal‑ħidma tal‑maħżen għall‑foqra li jinsabu fost il‑poplu tiegħi, sew f’dan il‑post u sew fl‑art ta’ Sijon—
4 Għall‑organizzazzjoni u l‑ordni permanenti u għal dejjem, għall‑ġid tal‑knisja tiegħi, biex intom tkunu tistgħu tmexxu ’l quddiem il‑kawża li dħaltu għaliha b’ruħkom u ġisimkom, għas‑salvazzjoni tal‑bniedem, u għall‑glorja ta’ Missierkom li hu fis‑smewwiet;
5 Sabiex intom tkunu ħaġa waħda fir‑rabta tal‑ħwejjeġ tas‑sema u tal‑art, biex intom ikollkom sehem mill‑ħwejjeġ tas‑sema.
6 Għax jekk intom ma tkunux ħaġa waħda fil‑ħwejjeġ tal‑art, ma tistgħux tkunu ħaġa waħda fis‑sehem tagħkom tal‑ħwejjeġ tas‑sema;
7 Għax jekk tridu li jien nagħtikom post fid‑dinja ċelestjali, jeħtieġ li intom tħejju ruħkom billi tagħmlu dak kollu li ordnajtilkom u li jiena neħtieġ minnkom.
8 U issa, tassew dan jgħid il‑Mulej, li jeħtieġ li intom, li tinsabu magħqudin flimkien f’din l‑ordni, tagħmlu kollox għall‑glorja tiegħi;
9 Jew, fi kliem ieħor, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney u l‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u l‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon ipoġġu bilqiegħda waqt kunsill flimkien mal‑qaddisin li jinsabu ġewwa Sijon;
10 U jekk huma ma jagħmlux dan, Satana jara kif jagħmel biex ibiegħed qalbhom mill‑verità, ħalli huma jsiru għomja u ma jibdewx jifhmu l‑ħwejjeġ li ġew imħejjija għalihom.
11 Għalhekk, jiena nagħtikom kmandament, biex intom tħejju u torganizzaw irwieħkom permezz ta’ ftehim jew patt ta’ dejjem li ma jistax jinkiser.
12 U min jikser dan il‑patt jispiċċa jitlef l‑uffiċċju u r‑reputazzjoni tiegħu fil‑knisja, u jitħalla jiġi tturmentat minn Satana sa jum il‑fidwa.
13 Araw, din hija t‑tħejjija li biha lilkom se nħejji, u hija s‑sisien u l‑eżempju li jiena se nagħtikom, u li permezz tagħhom tkunu tistgħu twettqu l‑kmandamenti li jiena nagħtikom;
14 Biex permezz tal‑providenza tiegħi, minkejja t‑tbatija li se tolqotkom, il‑knisja tkun tista’ tkun indipendenti aktar minn kull ħlejqa oħra mid‑dinja ċelestjali ’l isfel;
15 Biex intom tkunu tistgħu tiksbu l‑kuruna li hemm imħejjija għalikom, u tinħatru mexxejja fuq bosta saltniet, jgħid il‑Mulej Alla, il‑Qaddis ta’ Sijon, li ħejja l‑pedament ta’ Adam‑ondi‑Ahman;
16 Li għażel lil Mikiel biex ikun il‑prinċep tagħkom, u li ra li hu jieqaf sod fuq saqajh, u lilu huwa għolla fil‑għoli, u tah l‑imfietaħ tas‑salvazzjoni skont l‑ordni u d‑direzzjoni tal‑Qaddis, li la għandu bidu u lanqas tmiem.
17 Tassew, tassew, ngħidilkom, li intom għadkom tfal ċkejknin, u għadkom ma fhimtux x’barkiet kbar għandu f’idejh il‑Missier, barkiet li huwa ħejja għalikom;
18 U intom għalissa ma tistgħux tifhmu kollox; madankollu, agħmlu l‑qalb, għax jiena se nkun qed immexxikom. Is‑saltna hija tagħkom u l‑barkiet tagħha huma tagħkom, u l‑ġid li jibqa’ għal dejjem huwa tagħkom.
19 U min jirċievi kollox b’radd il‑ħajr għad ikun igglorifikat; u l‑ħwejjeġ ta’ din l‑art jingħatawlu wkoll, sewwasew għal mitt darba aktar.
20 Għalhekk, agħmlu dak kollu li jiena ordnajtilkom, jgħid il‑Feddej tagħkom, l‑Iben Ahman, li jħejji kull ħaġa qabel ma jeħodkom;
21 Għax intom il‑knisja tal‑Iben il‑Kbir, u hu se jeħodkom ’il fuq fi sħaba, u lil kull bniedem se jagħtih sehmu.
22 U min hu qaddej fidil u għaqli sejjer jiret kull ħaġa. Ammen.