Skrittura
Duttrina u Patti 8


Sezzjoni 8

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Oliver Cowdery, f’Harmony, Pennsylvania, f’April 1829. Waqt it‑traduzzjoni tal‑Ktieb ta’ Mormon, Oliver, li kompla jservi bħala skriba, u li beda jikteb dak li beda jgħid il‑Profeta, xtaq li jingħata d‑don tat‑traduzzjoni. Il‑Mulej wieġeb it‑talba tiegħu permezz ta’ din ir‑rivelazzjoni.

1–5, Ir‑rivelazzjoni tinkiseb permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; 6–12, Wieħed jista’ jikseb l‑għarfien tal‑misteri ta’ Alla u l‑qawwa li jittraduċi annali antiki permezz tal‑fidi.

Oliver Cowdery, tassew, tassew, ngħidlek, li daqs kemm hu żgur li jgħix il‑Mulej, li hu Alla tiegħek u l‑Feddej tiegħek, daqshekk ieħor hu żgur li inti se tirċievi għarfien ta’ dak kollu li inti titlob għalih bil‑fidi u b’qalb onesta, waqt li temmen li sejjer tirċievi għarfien dwar l‑inċiżjoni tal‑annali antiki, li ilhom minn żmien il‑qedem, li fihom dawk il‑partijiet mill‑iskrittura tiegħi li ġew żvelati permezz tal‑Ispirtu tiegħi.

Iva, ara, jiena nkellmek f’moħħok u f’qalbek, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, li se jissawwab fuqek u li se jgħammar f’qalbek.

Issa, ara, dan huwa l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni; ara, dan huwa l‑ispirtu li permezz tiegħu Mosè mexxa lil ulied Iżrael min‑nofs il‑Baħar tal‑Qasab fuq art niexfa.

Għalhekk dan huwa d‑don tiegħek; użah, u hieni inti tkun, għax lilek huwa jeħles minn idejn l‑għedewwa tiegħek, għax li kieku ma jkunx hekk, huma jispiċċaw joqtluk u jwasslu ruħek għall‑qerda.

O, ftakar dan il‑kliem, u ħares il‑kmandamenti tiegħi. Ftakar, dan huwa d‑don tiegħek.

Issa dan mhux l‑uniku don li inti għandek; għaliex inti għandek don ieħor, li huwa d‑don ta’ Aron; ara, dan lilek għarrfek b’bosta ħwejjeġ;

Ara, m’hawn l‑ebda qawwa oħra, għajr il‑qawwa ta’ Alla, li tista’ twassal biex inti jkollok miegħek dan id‑don ta’ Aron.

Għalhekk, la tiddubitax, għax dan id‑don ġej minn Alla; u inti se żżommu f’idejk, u se twettaq għemejjel tal‑għaġeb; u l‑ebda qawwa ma tkun tista’ teħodulek minn idejk, għax dan id‑don huwa l‑ħidma ta’ Alla.

U, għalhekk, dak kollu li trid tkun taf mingħandi permezz tiegħu, jien nagħtihulek, u inti tikseb l‑għarfien tiegħu.

10 Ftakar li mingħajr fidi ma tista’ tagħmel xejn; għalhekk itlob bil‑fidi. Ara li tieħu dawn il‑ħwejjeġ bis‑serjetà; titlobx għal dak li m’għandekx titlob għalih.

11 Itlob biex tkun taf il‑misteri ta’ Alla, u sabiex inti tkun tista’ tittraduċi u tikseb għarfien minn dawk l‑annali antiki kollha li kienu ġew moħbija, li huma sagri; u kollox iseħħ skont il‑fidi tiegħek.

12 Ara, huwa jien li qed ngħid dan; u jien hu dak li lilek kellimt sa mill‑bidu. Ammen.