Sezzjoni 71
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u Sidney Rigdon, ġo Ħiram, Ohio, nhar l‑1 ta’ Diċembru, 1831. Il‑Profeta kompla jittraduċi l‑Bibbja b’Sidney Rigdon bħala l‑iskriba tiegħu sakemm ingħatat din ir‑rivelazzjoni, f’liema ħin dik il‑ħidma ġiet posposta sabiex huma jkunu jistgħu jwettqu l‑istruzzjoni mogħtija lilhom hawnhekk. L‑aħwa ġew ordnati sabiex imorru jxandru l‑kelma biex huma jtaffu xi ftit is‑sentimenti xejn sbieħ li kienu tqanqlu kontra l‑Knisja b’riżultat tal‑pubblikazzjoni ta’ ittri miktuba minn Ezra Booth, li kien waqa’ f’apostasija.
1–4, Joseph Smith u Sidney Rigdon intbagħtu biex ixandru l‑evanġelju; 5–11, L‑għedewwa tal‑Qaddisin sejrin jinfixlu.
1 Araw, jgħid il‑Mulej lilkom il‑qaddej tiegħi, Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon, li ż‑żmien wasal tassew fejn hu meħtieġ, u jiena nħoss li huwa xieraq, li intom tiftħu fommkom u tmorru xxandru l‑evanġelju tiegħi, il‑ħwejjeġ tas‑saltna, u tfissru l‑misteri tagħha permezz tal‑iskrittura, skont is‑sehem tal‑Ispirtu u tas‑setgħa li se jingħata lilkom, skont ir‑rieda tiegħi.
2 Tassew ngħidilkom, morru xandru lid‑dinja għal xi żmien fl‑inħawi tal‑madwar, kif ukoll fil‑knisja, u ibqgħu agħmlu dan sakemm jiġi żvelat lilkom.
3 Jien qed insejħilkom għal din il‑missjoni sewwasew għal xi żmien.
4 Għalhekk, morru aħdmu fl‑għalqa tiegħi. Morru sejħu lil dawk li jgħammru fuq l‑art, u aqsmu magħhom ix‑xhieda tagħkom, u ħejju t‑triq għall‑kmandamenti u r‑rivelazzjonijiet li għad iridu jingħataw.
5 Issa, araw, ikun għaqli li intom tagħmlu dan; ħa jifhem min jaqra, u ħa jilqa’ din ir‑rivelazzjoni;
6 Għax min jilqagħha jingħata b’mod aktar abbundanti, u jingħata wkoll is‑setgħa.
7 Għalhekk, agħlqu fomm l‑għedewwa tagħkom; għidulhom jiġu jiltaqgħu magħkom kemm fil‑pubbliku kif ukoll fil‑privat; u jekk intom tibqgħu fidili, l‑għajb tagħhom joħroġ fid‑deher.
8 Għalhekk, ħalluhom jippreżentaw l‑argumenti tagħhom kontra l‑Mulej.
9 Tassew, dan jgħidilkom il‑Mulej—Ebda arma magħmula kontrikom ma tiswa;
10 U jekk xi ħadd jgħolli leħnu kontrikom huwa jispiċċa jinfixel meta nħoss li huwa l‑waqt.
11 Għalhekk, ibqgħu ħarsu l‑kmandamenti tiegħi; li huma vera u ta’ min joqgħod fuqhom. Hekk għandu jkun. Ammen.