Skrittura
Duttrina u Patti 64


Sezzjoni 64

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta lill-presbiteri tal-Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar il-11 ta’ Settembru, 1831. Il-Profeta kien qed iħejji biex imur joqgħod f’Hiram, Ohio, biex ikompli jaħdem fuq it-traduzzjoni tal-Bibbja, li kien ilu ma jaħdem fuqha kemm kien ilu ġewwa Missouri. Grupp ta’ aħwa li ġew ordnati sabiex jerħulha lejn Sijon (Missouri) kienu jinsabu għaddejjin b’ħerqa bit-tħejjijiet tagħhom ħalli jitilqu flimkien f’Ottubru. F’dan iż-żmien mill-aktar impenjattiv, ġiet mogħtija din ir-rivelazzjoni.

1–11, Il-Qaddisin huma ordnati sabiex jaħfru lil xulxin, għax jekk ma jagħmlux dan huma jkunu ħatja tal-akbar dnub; 12–22, Min ma jindimx għandu jinġieb quddiem il-Knisja; 23–25, Min iħallas id-dieċmi mhuwiex se jinħaraq f’jum il-miġja tal-Mulej; 26–32, Il-Qaddisin jiġu mwissija kontra d-dejn; 33–36, Ix-xewwiexa se jitqaċċtu ’l barra minn Sijon; 37–40, Il-Knisja sejra tagħmel ħaqq mill-ġnus; 41–43, Sijon għad twarrad.

1 Araw, dan jgħidilkom il-Mulej Alla tagħkom, O presbiteri tal-knisja tiegħi, agħtu widen u isimgħu, u aċċettaw ir-rieda tiegħi għalikom.

2 Għax tassew ngħidilkom, jiena rridkom li tirbħu lid-dinja; għalhekk jiena se jkolli ħniena minnkom.

3 Hemm dawk fostkom li waqgħu fid-dnub; iżda tassew ngħidilkom, għal did-darba, f’ġieħ il-glorja tiegħi, u għas-salvazzjoni tal-erwieħ, jiena ħfirtilkom dnubietkom.

4 Jiena se nuri ħniena minnkom, għax lilkom jiena tajtkom is-saltna.

5 U l-imfietaħ tal-misteri tas-saltna mhumiex se jittieħdu mingħand il-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., bil-mod li fassalt jien, waqt li huwa għadu ħaj, diment li huwa jibqa’ jobdi l-ordinanzi tiegħi.

6 Hemm dawk fostkom li ppruvaw jaqbduh f’xi ħaġa għal xejn b’xejn;

7 Madankollu, huwa waqa’ fid-dnub; iżda tassew ngħidilkom, jien, il-Mulej, naħfer id-dnubiet ta’ dawk li jistqarru dnubiethom quddiemi u jitolbu maħfra, li ma jaqgħux fid-dnub li jwassal għall-mewt.

8 Id-dixxipli tiegħi, fi żmien il-qedem, ippruvaw jaqbdu ’l xulxin f’xi ħaġa u ma ħafrux lil xulxin f’qalbhom; u għal dan il-ħażen huma batew u ġew ikkastigati bil-kbir.

9 Għalhekk, jiena ngħidilkom, li intom għandkom taħfru lil xulxin; għax min ma jaħfirx lil ħuh minn ħżunitu jisfa kkundannat quddiem il-Mulej; għax huwa jkun ħati tal-akbar dnub.

10 Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda intom ordnati li taħfru lil kulħadd.

11 U għandkom tgħidu f’qalbkom—inħalli ’l Alla jiġġudika bejni u bejnek, u jkun hu li jħallsek skont għemilek.

12 U min ma jindimx minn dnubietu, u ma jistqarrx dnubietu, għandkom iġġibuh quddiem il-knisja, u tagħmlu bih kif tgħidilkom l-iskrittura, jew permezz ta’ kmandament jew inkella permezz tar-rivelazzjoni.

13 U intom għandkom tagħmlu dan biex ikun igglorifikat Alla—mhux biex ma taħfrux, u ma turux ħniena, iżda biex intom tkunu ġġustifikati f’għajnejn il-liġi, ħalli ma toffendux lil dak li takom il-liġi—

14 Tassew ngħidilkom, huwa għalhekk li intom għandkom tagħmlu dan.

15 Araw, jien, il-Mulej, urejt l-għadab tiegħi ma’ dak li kien il-qaddej tiegħi, Ezra Booth, kif ukoll mal-qaddej tiegħi Isaac Morley, għax huma la ħarsu l-liġi u lanqas il-kmandament;

16 F’qalbhom huma ppruvaw isibu l-ħażen f’ħaddieħor, u jien, il-Mulej, żammejt lura l-Ispirtu tiegħi minnhom. F’dak li ma kien fih l-ebda ħażen ħarsu lejh bħala ħażen; madankollu lill-qaddej tiegħi Isaac Morley jiena ħfirtlu.

17 U l-istess lill-qaddej tiegħi Edward Partridge, araw, huwa waqa’ fid-dnub, u Satana jipprova jara kif jeqridlu ruħu; iżda meta dawn il-ħwejjeġ jiġu żvelati lilhom, u huma jindmu mill-ħażen, huma jiksbu l-maħfra.

18 U issa, tassew ngħidilkom li jiena nħoss li jkun jaqbel li l-qaddej tiegħi Sidney Gilbert, wara ftit ġimgħat, għandu jerġa’ lura fuq xogħlu bħala aġent fl-art ta’ Sijon.

19 U dak li huwa ra u sema’ jkun jista’ jiġi żvelat lid-dixxipli tiegħi, biex huma ma jinqerdux. U hu sewwasew għal dan il-għan li jiena għidt dan kollu.

20 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom, li l-qaddej tiegħi Isaac Morley mhuwiex se jiġi mġarrab aktar milli jiflaħ, u mhu se jingħata l-ebda parir ħażin li jispiċċa jagħmel ħsara lilkom, għalhekk jien ordnajt biex ir-razzett tiegħu ma jinbiegħx.

21 Jien ma rridx li l-qaddej tiegħi Frederick G. Williams ibiegħ ir-razzett tiegħu, għax jien, il-Mulej, irrid li għal ħames snin sħaħ jibqa’ jkolli fortizza ġewwa l-art ta’ Kirtland, li fihom jien ma neqridx lill-ħżiena, biex b’hekk inkun nista’ neħlisha lil xi wħud minnhom.

22 U wara dakinhar, jien, il-Mulej, ma nikkunsidrax ħati lil min, b’qalb sinċiera, jerħilha lejn l-art ta’ Sijon; għax jien, il-Mulej, lil ulied il-bnedmin nitlobhom sabiex jagħtuni qalbhom.

23 Araw, iż-żmien ta’ bħalissa nsejħulu llum, sa jum il-miġja ta’ Bin il-Bniedem, u dan hu tassew jum ta’ sagrifiċċju, u jum li fih il-poplu tiegħi jħallas id-dieċmi; għax min iħallas id-dieċmi mhuwiex se jinħaraq f’jum il-miġja tiegħu.

24 Għax wara ż-żmien ta’ llum jasal il-ħruq—hawn qed nitkellem skont dak li jgħid il-Mulej—għax tassew ngħidilkom, għada l-kburin kollha u dawk li jagħmlu l-ħażen sejrin jinħarqu bħat-tiben; u se nkun jiena li se naħraqhom, għax jiena l-Mulej tal-Eżerċti; u mhu se neħilsha lil ħadd li jibqa ġewwa Babilonja.

25 Għalhekk, jekk temmnu fija, għandkom twettqu l-ħidma tiegħi, waqt li għadkom fiż-żmien li nsejħulu llum.

26 U ma jaqbilx li l-qaddejja tiegħi, Newel K. Whitney u Sidney Gilbert ibigħu l-ħanut u l-ġid li għandhom hawnhekk; għax ma jkunx għaqli li jsir dan, qabel mal-kumplament tal-knisja, li se jibqgħu f’dan il-post, jitilgħu lkoll fl-art ta’ Sijon.

27 Araw, fil-liġijiet tiegħi jingħad, jew aħjar mhuwiex permess li intom tiddejnu mingħand l-għedewwa tagħkom;

28 Iżda araw, qatt ma ntqal, fl-ebda ħin, li l-Mulej ma jistax jieħu lura għandu meta jrid hu, u jrodd lura kif jidhirlu hu.

29 Għalhekk, bħala aġenti, intom tinsabu taqdu lill-Mulej f’ħidmietu; u dak kollu li tagħmlu skont ir-rieda tal-Mulej huwa l-ħidma tal-Mulej.

30 U huwa għażilkom biex intom tipprovdu għall-qaddisin tiegħu f’dawn l-aħħar żminijiet, ħalli huma jkunu jistgħu jiksbu sehemhom fl-art ta’ Sijon.

31 U araw, jien, il-Mulej, ngħidilkom, u kliemi ta’ min joqgħod fuqu u ma jonqos qatt, li huma għad jiksbu sehemhom.

32 Iżda kollox jiġi fis-seħħ fi żmienu.

33 Għalhekk, qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għaliex intom qed tħejju l-pedament ta’ ħidma kbira. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.

34 Araw, il-Mulej jitlob minnkom qalb u moħħ li lesti biex jaqduh; u dawk li għandhom din ir-rieda, u huma ubbidjenti, sejrin jieklu l-frott bnin tal-art ta’ Sijon f’dawn l-aħħar żminijiet.

35 U x-xewwiexa se jitqaċċtu ’l barra mill-art ta’ Sijon, u se jisfaw mkeċċija, u mhux se jkollhom sehem mill-art.

36 Għax tassew ngħidilkom, li x-xewwiexa mhumiex ġejjin minn demm Efrajm, għalhekk huma jispiċċaw jitneħħew.

37 Araw, jien, il-Mulej, f’dawn l-aħħar żminijiet poġġejt il-knisja tiegħi bħal imħallef bilqiegħda fuq għolja, jew fil-għoli, biex tagħmel ħaqq mill-ġnus.

38 Għax għad jiġri li dawk li jgħammru f’Sijon sejrin jagħmlu ħaqq minn dak kollu li jappartjeni lil Sijon.

39 U huma se juru bi prova min huma l-giddibin u l-ipokriti, u se jiġu magħrufa dawk li mhumiex appostli u profeti.

40 U anke l-isqof, li huwa mħallef, u l-kunsilliera tiegħu, jekk huma ma jkunux fidili f’dak li ġie fdat f’idejhom, huma se jiġu kkundannati, u jitpoġġew oħrajn minflokhom.

41 Għax, araw, jien ngħidilkom li Sijon għad twarrad, u l-glorja tal-Mulej se tkun fuqha;

42 U hija se tkun bħal bandiera għall-popli, u se jersqu lejha nies minn kull ġens taħt is-sema.

43 U jasal il-jum meta l-ġnus tal-art sejrin jitriegħdu minħabba fiha, u huma se jinħakmu mill-biża’ minħabba s-setgħanin tagħha. Il-Mulej qal dan. Ammen.