Sezzjoni 64
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lill‑presbiteri tal‑Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar il‑11 ta’ Settembru, 1831. Il‑Profeta kien qed iħejji biex imur joqgħod f’Hiram, Ohio, biex ikompli jaħdem fuq it‑traduzzjoni tal‑Bibbja, li kien ilu ma jaħdem fuqha kemm kien ilu ġewwa Missouri. Grupp ta’ aħwa li ġew ordnati sabiex jerħulha lejn Sijon (Missouri) kienu jinsabu għaddejjin b’ħerqa bit‑tħejjijiet tagħhom ħalli jitilqu flimkien f’Ottubru. F’dan iż‑żmien mill‑aktar impenjattiv, ġiet mogħtija din ir‑rivelazzjoni.
1–11, Il‑Qaddisin huma ordnati sabiex jaħfru lil xulxin, għax jekk ma jagħmlux dan huma jkunu ħatja tal‑akbar dnub; 12–22, Min ma jindimx għandu jinġieb quddiem il‑Knisja; 23–25, Min iħallas id‑dieċmi mhuwiex se jinħaraq f’jum il‑miġja tal‑Mulej; 26–32, Il‑Qaddisin jiġu mwissija kontra d‑dejn; 33–36, Ix‑xewwiexa se jitqaċċtu ’l barra minn Sijon; 37–40, Il‑Knisja sejra tagħmel ħaqq mill‑ġnus; 41–43, Sijon għad twarrad.
1 Araw, dan jgħidilkom il‑Mulej Alla tagħkom, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, agħtu widen u isimgħu, u aċċettaw ir‑rieda tiegħi għalikom.
2 Għax tassew ngħidilkom, jiena rridkom li tirbħu lid‑dinja; għalhekk jiena se jkolli ħniena minnkom.
3 Hemm dawk fostkom li waqgħu fid‑dnub; iżda tassew ngħidilkom, għal did‑darba, f’ġieħ il‑glorja tiegħi, u għas‑salvazzjoni tal‑erwieħ, jiena ħfirtilkom dnubietkom.
4 Jiena se nuri ħniena minnkom, għax lilkom jiena tajtkom is‑saltna.
5 U l‑imfietaħ tal‑misteri tas‑saltna mhumiex se jittieħdu mingħand il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., bil‑mod li fassalt jien, waqt li huwa għadu ħaj, diment li huwa jibqa’ jobdi l‑ordinanzi tiegħi.
6 Hemm dawk fostkom li ppruvaw jaqbduh f’xi ħaġa għal xejn b’xejn;
7 Madankollu, huwa waqa’ fid‑dnub; iżda tassew ngħidilkom, jien, il‑Mulej, naħfer id‑dnubiet ta’ dawk li jistqarru dnubiethom quddiemi u jitolbu maħfra, li ma jaqgħux fid‑dnub li jwassal għall‑mewt.
8 Id‑dixxipli tiegħi, fi żmien il‑qedem, ippruvaw jaqbdu ’l xulxin f’xi ħaġa u ma ħafrux lil xulxin f’qalbhom; u għal dan il‑ħażen huma batew u ġew ikkastigati bil‑kbir.
9 Għalhekk, jiena ngħidilkom, li intom għandkom taħfru lil xulxin; għax min ma jaħfirx lil ħuh minn ħżunitu jisfa kkundannat quddiem il‑Mulej; għax huwa jkun ħati tal‑akbar dnub.
10 Jiena, il‑Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda intom ordnati li taħfru lil kulħadd.
11 U għandkom tgħidu f’qalbkom—inħalli ’l Alla jiġġudika bejni u bejnek, u jkun hu li jħallsek skont għemilek.
12 U min ma jindimx minn dnubietu, u ma jistqarrx dnubietu, għandkom iġġibuh quddiem il‑knisja, u tagħmlu bih kif tgħidilkom l‑iskrittura, jew permezz ta’ kmandament jew inkella permezz tar‑rivelazzjoni.
13 U intom għandkom tagħmlu dan biex ikun igglorifikat Alla—mhux biex ma taħfrux, u ma turux ħniena, iżda biex intom tkunu ġġustifikati f’għajnejn il‑liġi, ħalli ma toffendux lil dak li takom il‑liġi—
14 Tassew ngħidilkom, huwa għalhekk li intom għandkom tagħmlu dan.
15 Araw, jien, il‑Mulej, urejt l‑għadab tiegħi ma’ dak li kien il‑qaddej tiegħi, Ezra Booth, kif ukoll mal‑qaddej tiegħi Isaac Morley, għax huma la ħarsu l‑liġi u lanqas il‑kmandament;
16 F’qalbhom huma ppruvaw isibu l‑ħażen f’ħaddieħor, u jien, il‑Mulej, żammejt lura l‑Ispirtu tiegħi minnhom. F’dak li ma kien fih l‑ebda ħażen ħarsu lejh bħala ħażen; madankollu lill‑qaddej tiegħi Isaac Morley jiena ħfirtlu.
17 U l‑istess lill‑qaddej tiegħi Edward Partridge, araw, huwa waqa’ fid‑dnub, u Satana jipprova jara kif jeqridlu ruħu; iżda meta dawn il‑ħwejjeġ jiġu żvelati lilhom, u huma jindmu mill‑ħażen, huma jiksbu l‑maħfra.
18 U issa, tassew ngħidilkom li jiena nħoss li jkun jaqbel li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert, wara ftit ġimgħat, għandu jerġa’ lura fuq xogħlu bħala aġent fl‑art ta’ Sijon.
19 U dak li huwa ra u sema’ jkun jista’ jiġi żvelat lid‑dixxipli tiegħi, biex huma ma jinqerdux. U hu sewwasew għal dan il‑għan li jiena għidt dan kollu.
20 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom, li l‑qaddej tiegħi Isaac Morley mhuwiex se jiġi mġarrab aktar milli jiflaħ, u mhu se jingħata l‑ebda parir ħażin li jispiċċa jagħmel ħsara lilkom, għalhekk jien ordnajt biex ir‑razzett tiegħu ma jinbiegħx.
21 Jien ma rridx li l‑qaddej tiegħi Frederick G. Williams ibiegħ ir‑razzett tiegħu, għax jien, il‑Mulej, irrid li għal ħames snin sħaħ jibqa’ jkolli fortizza ġewwa l‑art ta’ Kirtland, li fihom jien ma neqridx lill‑ħżiena, biex b’hekk inkun nista’ neħlisha lil xi wħud minnhom.
22 U wara dakinhar, jien, il‑Mulej, ma nikkunsidrax ħati lil min, b’qalb sinċiera, jerħilha lejn l‑art ta’ Sijon; għax jien, il‑Mulej, lil ulied il‑bnedmin nitlobhom sabiex jagħtuni qalbhom.
23 Araw, iż‑żmien ta’ bħalissa nsejħulu llum, sa jum il‑miġja ta’ Bin il‑Bniedem, u dan hu tassew jum ta’ sagrifiċċju, u jum li fih il‑poplu tiegħi jħallas id‑dieċmi; għax min iħallas id‑dieċmi mhuwiex se jinħaraq f’jum il‑miġja tiegħu.
24 Għax wara ż‑żmien ta’ llum jasal il‑ħruq—hawn qed nitkellem skont dak li jgħid il‑Mulej—għax tassew ngħidilkom, għada l‑kburin kollha u dawk li jagħmlu l‑ħażen sejrin jinħarqu bħat‑tiben; u se nkun jiena li se naħraqhom, għax jiena l‑Mulej tal‑Eżerċti; u mhu se neħilsha lil ħadd li jibqa ġewwa Babilonja.
25 Għalhekk, jekk temmnu fija, għandkom twettqu l‑ħidma tiegħi, waqt li għadkom fiż‑żmien li nsejħulu llum.
26 U ma jaqbilx li l‑qaddejja tiegħi, Newel K. Whitney u Sidney Gilbert ibigħu l‑ħanut u l‑ġid li għandhom hawnhekk; għax ma jkunx għaqli li jsir dan, qabel mal‑kumplament tal‑knisja, li se jibqgħu f’dan il‑post, jitilgħu lkoll fl‑art ta’ Sijon.
27 Araw, fil‑liġijiet tiegħi jingħad, jew aħjar mhuwiex permess li intom tiddejnu mingħand l‑għedewwa tagħkom;
28 Iżda araw, qatt ma ntqal, fl‑ebda ħin, li l‑Mulej ma jistax jieħu lura għandu meta jrid hu, u jrodd lura kif jidhirlu hu.
29 Għalhekk, bħala aġenti, intom tinsabu taqdu lill‑Mulej f’ħidmietu; u dak kollu li tagħmlu skont ir‑rieda tal‑Mulej huwa l‑ħidma tal‑Mulej.
30 U huwa għażilkom biex intom tipprovdu għall‑qaddisin tiegħu f’dawn l‑aħħar żminijiet, ħalli huma jkunu jistgħu jiksbu sehemhom fl‑art ta’ Sijon.
31 U araw, jien, il‑Mulej, ngħidilkom, u kliemi ta’ min joqgħod fuqu u ma jonqos qatt, li huma għad jiksbu sehemhom.
32 Iżda kollox jiġi fis‑seħħ fi żmienu.
33 Għalhekk, qatt tieqfu tagħmlu t‑tajjeb, għaliex intom qed tħejju l‑pedament ta’ ħidma kbira. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.
34 Araw, il‑Mulej jitlob minnkom qalb u moħħ li lesti biex jaqduh; u dawk li għandhom din ir‑rieda, u huma ubbidjenti, sejrin jieklu l‑frott bnin tal‑art ta’ Sijon f’dawn l‑aħħar żminijiet.
35 U x‑xewwiexa se jitqaċċtu ’l barra mill‑art ta’ Sijon, u se jisfaw mkeċċija, u mhux se jkollhom sehem mill‑art.
36 Għax tassew ngħidilkom, li x‑xewwiexa mhumiex ġejjin minn demm Efrajm, għalhekk huma jispiċċaw jitneħħew.
37 Araw, jien, il‑Mulej, f’dawn l‑aħħar żminijiet poġġejt il‑knisja tiegħi bħal imħallef bilqiegħda fuq għolja, jew fil‑għoli, biex tagħmel ħaqq mill‑ġnus.
38 Għax għad jiġri li dawk li jgħammru f’Sijon sejrin jagħmlu ħaqq minn dak kollu li jappartjeni lil Sijon.
39 U huma se juru bi prova min huma l‑giddibin u l‑ipokriti, u se jiġu magħrufa dawk li mhumiex appostli u profeti.
40 U anke l‑isqof, li huwa mħallef, u l‑kunsilliera tiegħu, jekk huma ma jkunux fidili f’dak li ġie fdat f’idejhom, huma se jiġu kkundannati, u jitpoġġew oħrajn minflokhom.
41 Għax, araw, jien ngħidilkom li Sijon għad twarrad, u l‑glorja tal‑Mulej se tkun fuqha;
42 U hija se tkun bħal bandiera għall‑popli, u se jersqu lejha nies minn kull ġens taħt is‑sema.
43 U jasal il‑jum meta l‑ġnus tal‑art sejrin jitriegħdu minħabba fiha, u huma se jinħakmu mill‑biża’ minħabba s‑setgħanin tagħha. Il‑Mulej qal dan. Ammen.