Sezzjoni 62
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, max-xatt tax-Xmara Missouri, f’Chariton, Missouri, nhar it-13 ta’ Awwissu, 1831. F’dan il-jum, il-Profeta u dawk li kienu miegħu, li kienu fi triqithom minn Independence għal Kirtland, iltaqgħu ma’ diversi presbiteri li kienu fi triqithom lejn l-art ta’ Sijon, u wara li sellmu lil xulxin b’ferħ, irċevew din ir-rivelazzjoni.
1–3, It-testimonjanzi huma ddokumentati fis-smewwiet; 4–9, Il-presbiteri għandhom jitilqu għal għonq it-triq u jmorru jxandru skont il-ġudizzju tagħhom u kif jiġu mmexxija mill-Ispirtu.
1 Araw, u agħtu widen, O presbiteri tal-knisja tiegħi, jgħid il-Mulej Alla tagħkom, l-istess Ġesù Kristu, l-avukat tagħkom, li jaf id-dgħufija tal-bniedem u jaf kif jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.
2 U tassew li għajnejja jinsabu fuq dawk li sa issa għadhom ma telgħux lejn l-art ta’ Sijon; għalhekk il-missjoni tagħkom għadha mhux kompluta.
3 Madankollu, henjin intom, għax it-testimonjanza li intom tajtu hija ddokumentata fis-smewwiet biex jifluha l-anġli; u huma jifirħu minħabba fikom, u dnubietkom ikunu maħfura.
4 U issa komplu fi triqtkom. Morru nġabru flimkien fl-art ta’ Sijon; u agħmlu laqgħa biex flimkien tifirħu, u offru s-sagrament lil Alla l-Għoli.
5 U mbagħad tistgħu terġgħu lura biex taqsmu x-xhieda tagħkom, iva, jew ilkoll flimkien jew tnejn tnejn, kif tħossu li hu l-aħjar, għalija xorta; araw biss li tibqgħu fidili, u xxandru l-bxara t-tajba lil dawk li jgħammru fuq l-art, jew fost il-kongregazzjonijiet tal-ħżiena.
6 Araw, jien, il-Mulej, ġbartkom flimkien biex tkun tista’ tiġi fis-seħħ il-wegħda, li l-fidili fostkom għandhom jiġu mħarsa u għandhom jithennew flimkien fl-art ta’ Missouri. Jien, il-Mulej, nagħmel wegħda mal-fidili u jiena ma ngħidx kelma b’oħra.
7 Jien, il-Mulej, lest, jekk xi ħadd fostkom jixtieq jirkeb iż-żwiemel, jew il-bgħula, jew il-karrijiet, li lilu nagħti din il-barka, jekk huwa jinsab lest li jirċeviha minn id il-Mulej b’qalb mimlija gratitudni f’kull ħaġa.
8 Jien se nħalli dawn il-ħwejjeġ f’idejkom biex intom tagħmlu skont il-ġudizzju tagħkom u kif tiġu mmexxija mill-Ispirtu.
9 Araw, is-saltna f’idejkom. U araw, jiena ninsab dejjem ma’ min hu fidil lejja. Hekk għandu jkun. Ammen.