Sezzjoni 59
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Sijon, fil-Kontea ta’ Jackson, nhar is-7 ta’ Awwissu, 1831. Qabel ma ngħatat din ir-rivelazzjoni, ġiet ikkonsagrata l-art, kif talabhom jagħmlu l-Mulej, u ġie ddedikat il-post fejn kellu jinbena t-tempju fil-futur. Fil-jum li fih ġiet mogħtija din ir-rivelazzjoni, mietet Polly Knight, il-mara ta’ Joseph Knight Sr., l-ewwel membru tal-Knisja li mietet f’Sijon. L-ewwel membri kkaratterizzaw din ir-rivelazzjoni bħala “struzzjoni lill-Qaddisin kif huma għandhom iħarsu jum il-Mulej u kif għandhom isumu u jitolbu.”
1–4, Il-Qaddisin fidili f’Sijon se jkunu mberkin; 5–8, Huma għandhom iħobbu u jaqdu lill-Mulej u jħarsu l-kmandamenti tiegħu; 9–19, Jekk huma jħarsu jum il-Mulej, il-Qaddisin jiġu mberkin b’mod temporali u spiritwali; 20–24, It-twajbin huma mwiegħda l-paċi f’din id-dinja u l-ħajja ta’ dejjem fid-dinja li għandha tiġi.
1 Araw, imberkin dawk li ġew f’din l-art, jgħid il-Mulej, b’ħaristhom iffukata fuq il-glorja tiegħi, skont il-kmandamenti tiegħi.
2 Għax dawk li jgħixu sejrin jiksbu l-art, u dawk li jmutu sejrin jistrieħu mit-taħbit kollu tagħhom, u l-għemejjel tagħhom sejrin imorru magħhom; u huma sejrin jiksbu kuruna fil-postijiet ta’ Missieri li jiena ħejjejt għalihom.
3 Iva, imberkin dawk, li riġlejhom jinsabu fuq l-art ta’ Sijon, li obdew l-evanġelju tiegħi; għax bħala ħlas huma sejrin jirċievu l-ġid tal-art, u dan se jingħata lilhom bil-kotra.
4 U huma sejrin ukoll jiġu mogħnija b’barkiet mill-għoli, iva, kif ukoll b’bosta kmandamenti u rivelazzjonijiet meta jkun il-waqt—dawk li huma fidili u diliġenti f’għajnejja.
5 Għalhekk, jiena nagħtihom kmandament, fejn ngħidilhom: Inti għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ħiltek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha; u lilu għandek taqdi f’isem Ġesù Kristu.
6 Inti għandek tħobb lil għajrek bħalek innifsek. La tisraqx; lanqas m’għandek tagħmel adulterju, la toqtolx jew tagħmel ħwejjeġ bħal dawn.
7 Għandek tiżżi ħajr lill-Mulej Alla tiegħek f’kollox.
8 Għandek toffri sagrifiċċju lill-Mulej Alla tiegħek fis-sewwa, sewwasew sagrifiċċju ta’ qalb maqsuma u spirtu niedem.
9 U biex inti tkun tista’ żżomm ruħek aħjar bla tinġis ’il bogħod mid-dinja, inti għandek tmur fid-dar tat-talb u toffri s-sagramenti tiegħek fil-jum imqaddes tiegħi;
10 Għax tassew li dan il-jum ġie mogħti lilek biex inti tistrieħ minn ħidmietek, u toffri qima lil Alla l-Għoli;
11 Madankollu, inti għandek toffri l-wegħdi tiegħek fis-sewwa kull jum u f’kull ħin;
12 Iżda ftakar li f’dan il-jum, jum il-Mulej, inti għandek toffri l-offerti tiegħek u s-sagramenti tiegħek lil Alla l-Għoli, u għandek tistqarr dnubietek ma’ ħutek, u quddiem il-Mulej.
13 U f’dan il-jum m’għandek tagħmel xejn aktar, għajr li tħejji l-ikel tiegħek b’qalb safja, biex is-sawma tiegħek tkun sħiħa, jew, fi kliem ieħor, biex l-hena tiegħek tkun sħiħa.
14 Tassew ngħidlek li dan huwa s-sawm u t-talb, jew fi kliem ieħor, l-hena u t-talb.
15 U jekk intom tagħmlu dawn il-ħwejjeġ b’radd ta’ ħajr, b’qalb ferħana u bi tbissima fuq ħaddejkom, mhux tfaqqgħu d-daħq, għax dan huwa dnub, iżda b’qalb ferħana u bi tbissima fuq ħaddejkom—
16 Tassew ngħidilkom, li jekk intom tagħmlu dan, intom tiksbu l-milja tal-art, il-bhejjem tar-raba’ u l-għasafar tal-ajru, u l-annimali li jitilgħu fuq is-siġar u li jimxu mal-art;
17 Iva, il-ħaxix, u kull ħaġa tajba li tikber fl-art, sew jekk għall-ikel u sew għall-ilbies, jew għad-djar, jew għall-imħażen, jew għall-ġonna tal-frott, jew għal ġonna oħra, jew għall-għelieqi tad-dwieli;
18 Iva, dak kollu li jikber fl-art, f’waqtu, inħoloq għall-benefiċċju u għall-użu tal-bniedem, kemm biex ipaxxi l-għajn kif ukoll biex iferraħ il-qalb;
19 Iva, kemm għall-ikel kif ukoll għall-ilbies, kemm għat-togħma kif ukoll għar-riħa, kemm biex isaħħaħ il-ġisem kif ukoll biex jistimula r-ruħ.
20 U huwa l-pjaċir ta’ Alla li huwa ta dan kollu lill-bniedem; għax għal dan il-għan huma ħoloqhom biex jintużaw b’għaqal, u mhux bir-rebgħa, jew b’ingann.
21 U f’xejn il-bniedem ma joffendi ’l Alla, u għal ħadd huwa ma jinkorla, għajr għal dawk li ma jagħrfux is-sehem tiegħu f’kollox, u li ma jobdux il-kmandamenti tiegħu.
22 Araw, dan huwa skont il-liġi u l-profeti; għalhekk, la tinkwetawx aktar dwar dil-ħaġa.
23 Iżda jeħtieġ li tagħrfu li min iwettaq opri tajba sejjer jingħata l-ħlas tiegħu, sewwasew il-paċi f’din id-dinja u l-ħajja ta’ dejjem fid-dinja li jmiss.
24 Jiena, il-Mulej, tkellimt, u l-Ispirtu jagħti xhieda ta’ dan. Ammen.