Skrittura
Duttrina u Patti 58


Sezzjoni 58

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Sijon, fil‑Kontea ta’ Jackson, nhar l‑1 ta’ Awwissu, 1831. Aktar kmieni, fl‑ewwel jum il‑Mulej, minn wara l‑wasla tal‑Profeta u n‑nies li kienu miegħu ġewwa l‑Kontea ta’ Jackson, f’Missouri, saret laqgħa reliġjuża li fiha tnejn min‑nies ġew aċċettati bħala membri permezz tal‑magħmudija. Matul dik il‑ġimgħa, waslu fosthom xi wħud mill‑Qaddisin ta’ Colesville mill‑Fergħa ta’ Thompson u xi oħrajn (ara sezzjoni 54). Bosta kienu ħerqana li jsiru jafu x’kienet ir‑rieda tal‑Mulej għalihom fil‑post il‑ġdid li bdew jinġabru fih.

1–5, Dawk li jibqgħu sħaħ fi żmien ta’ prova sejrin jiġu mżejna bil‑glorja; 6–12, Il‑Qaddisin għandhom iħejju ruħhom għat‑tieġ tal‑Ħaruf u għall‑ikla tal‑Mulej; 13–18, L‑isqfijiet huma mħallfin f’Iżrael; 19–23, Il‑Qaddisin għandhom jobdu l‑liġijiet tal‑pajjiż; 24–29, Il‑bnedmin għandhom jużaw il‑volontà tagħhom biex jagħmlu l‑ġid; 30–33, Il‑Mulej jagħti l‑ordni u jirrevoka; 34–43, Biex jindmu, il‑bnedmin jeħtieġ li jistqarru u jiċħdu dnubiethom; 44–58, Il‑Qaddisin għandhom jixtru l‑art ta’ wirthom u jinġabru ġewwa Missouri; 59–65, L‑evanġelju jeħtieġ li jiġi mxandar lil kull ħlejqa.

1 Isimgħu, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, u agħtu widen għall‑kelma tiegħi, u tgħallmu minni x’inhi r‑rieda tiegħi għalikom, kif ukoll dwar din l‑art li jiena bgħattkom fiha.

2 Għax tassew ngħidilkom, hieni dak li jħares il‑kmandamenti tiegħi, sew fil‑ħajja u sew fil‑mewt; u dak li jibqa’ fidil fi żmien ta’ prova, il‑ħlas tiegħu huwa akbar fis‑saltna tas‑smewwiet.

3 Intom għalissa ma tistgħux taraw, permezz tal‑għajnejn naturali tagħkom, il‑pjan li fassal Alla tagħkom b’relazzjoni ma’ dawk il‑ħwejjeġ li sejrin iseħħu aktar tard, u l‑glorja li intom sejrin tiksbu wara daqstant tbatija.

4 Għax wara daqstant tbatija jaslu l‑barkiet. Għalhekk għad jasal il‑jum meta intom sejrin tiġu mżejna bi glorja kbira; is‑siegħa għadha ma waslitx, iżda tinsab fil‑qrib.

5 Ftakru dan li jiena sejjer ngħidilkom, u araw li tiftħu widnejkom sew, u tirċievu dak li se jingħatalkom.

6 Araw, tassew ngħidilkom, għal dan il‑għan jiena bgħattkom—sabiex intom tkunu ubbidjenti, u biex qalbkom tkun lesta tixhed dwar il‑ħwejjeġ li sejrin iseħħu;

7 Kif ukoll biex intom ikollkom l‑unur li tħejju l‑pedament, u tagħtu xhieda, tal‑art li fuqha se tieqaf is‑Sijon ta’ Alla;

8 Kif ukoll biex tħejju mejda b’laħam imsemmen għall‑foqra; iva, mejda b’laħam imsemmen, b’inbid mill‑ifjen, biex kulħadd isir jaf li kliem il‑profeti se jiġi fis‑seħħ;

9 Iva, ikla fid‑dar tal‑Mulej, imħejjija sew, li għaliha se jkunu mistiedna l‑ġnus kollha.

10 L‑ewwel, l‑għonja u l‑imgħallmin, l‑għorrief u n‑nobbli;

11 U wara jasal jum setgħeti; mbagħad il‑foqra, il‑magħtuba, u l‑għomja, u t‑torox, jiġu għat‑tieġ tal‑Ħaruf, u jieklu mill‑ikla tal‑Mulej, bi tħejjija għall‑jum il‑kbir li għandu jiġi.

12 Araw, jien, il‑Mulej, tkellimt.

13 U x‑xhieda sejra toħroġ minn Sijon, iva, minn fomm il‑belt ta’ wirt Alla—

14 Iva, huwa għalhekk li jien bgħattkom hawn, u għażilt lill‑qaddej tiegħi Edward Partridge, u ħtartu biex jaqdi l‑missjoni tiegħu f’din l‑art.

15 Iżda jekk huwa ma jindimx minn dnubietu, li huma n‑nuqqas ta’ twemmin u l‑ebusija ta’ qalb, jeħtieġ li joqgħod attent li ma jaqax.

16 Araw jiena ħtartu għall‑missjoni tiegħu, u ma nerġax naħtru.

17 U min jiġi msejjaħ għal din il‑missjoni huwa jinħatar biex ikun mħallef f’Iżrael, bħal fi żmien il‑qedem, biex huwa jaqsam l‑art ta’ wirt Alla bejn uliedu;

18 U biex huwa jagħmel ħaqq mill‑poplu tiegħu skont ix‑xhieda tal‑ġusti, u bl‑għajnuna tal‑kunsilliera tiegħu, skont il‑liġijiet tas‑saltna li jiġu mogħtija mill‑profeti ta’ Alla.

19 Għax tassew ngħidilkom, il‑liġi tiegħi għandha tiġi mħarsa f’din l‑art.

20 Araw li l‑ebda bniedem ma jqis lilu nnifsu bħala mexxej, iżda araw li jkun Alla li jmexxi lil min jagħmel ħaqq, skont il‑fehma tar‑rieda tiegħu, jew, fi kliem ieħor, skont il‑fehma ta’ min jinsab fis‑siġġu tat‑tribunal.

21 Araw li l‑ebda bniedem ma jikser il‑liġijiet tal‑pajjiż, għax min iħares il‑liġijiet ta’ Alla m’għandux għalfejn jikser il‑liġijiet tal‑pajjiż.

22 Għalhekk, oqogħdu għall‑mexxejja li qed imexxu, sakemm jibda jsaltan dak li għandu dritt li jsaltan, u li sejjer irażżan l‑għedewwa kollha tiegħu u jqiegħdhom taħt riġlejh.

23 Araw, il‑liġijiet li intom irċevejtu mingħandi huma l‑liġijiet tal‑knisja, u f’dan id‑dawl intom għandkom tħarsuhom. Araw, hawn qiegħed l‑għerf.

24 U issa, kif diġà għidt dwar il‑qaddej tiegħi Edward Partridge, din l‑art hija l‑art fejn għandu joqgħod hu u dawk li huwa għażel bħala l‑kunsilliera tiegħu; u hija l‑art ukoll fejn għandu joqgħod dak li jien għażiltu biex imexxi l‑maħżen tiegħi;

25 Għalhekk, jeħtieġ li huma jġibu l‑familji tagħhom f’din l‑art, waqt li huma jiddiskutu dan bejniethom flimkien miegħi.

26 Għax araw, ma jaqbilx li nkun jiena li nikkmandakom f’kollox; għax dak li jiġi mġiegħel f’kollox, huwa qaddej għażżien u mhuwiex qaddej għaqli; għalhekk huwa ma jirċievi l‑ebda ħlas.

27 Tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l‑bnedmin jaħdmu b’ħerqa għal kawża tajba, u jagħmlu ħafna affarijiet minn jeddhom, u jwettqu bosta għemejjel tajbin;

28 Għax fihom tinsab il‑qawwa, li permezz tagħha huma ħielsa li jaġixxu għalihom infushom. U diment li huma jagħmlu t‑tajjeb huma bl‑ebda mod ma jitilfu ħlashom.

29 Iżda min jibqa’ ma jagħmel xejn qabel ma nordnalu jiena, u kmandament jaċċettah b’qalb mimlija dubju, u jħarsu b’nofs qalb, huwa jiġi kkundannat.

30 Jien min jien li għamilt il‑bniedem, jgħid il‑Mulej, li nħalli bla kastig lil dak li ma jobdix il‑kmandamenti tiegħi?

31 Jien min jien, jgħid il‑Mulej, li ma wettaqtx dak li wegħidt?

32 Jien nordna lill‑bnedmin u huma ma jobdux; jiena nreġġa’ lura u huma ma jiksbu l‑ebda barka.

33 Imbagħad huma jgħidu f’qalbhom: Din mhijiex il‑ħidma tal‑Mulej, għax il‑wegħdiet tiegħu ma ġewx fis‑seħħ. Iżda dawn ħażin għalihom, għax ħlashom se jeħduh minn isfel, u mhux minn fuq.

34 U issa jien se nagħtikom aktar informazzjoni dwar din l‑art.

35 Huwa fl‑għerf tiegħi li l‑qaddej tiegħi Martin Harris ikun ta’ eżempju għall‑knisja, billi jpoġġi flusu f’idejn l‑isqof tal‑knisja.

36 Kif ukoll, din hija liġi għal kull bniedem li jiġi biex jiret din l‑art; u hu għandu jagħmel bi flusu skont kif titlob il‑liġi.

37 U huwa fl‑għerf tiegħi wkoll li jinxtraw artijiet ġewwa Independence, bħala post għall‑maħżen, kif ukoll għall‑post fejn isir l‑istampar.

38 U l‑qaddej tiegħi Martin Harris sejjer jirċievi aktar struzzjonijiet permezz tal‑Ispirtu, biex huwa jkun jista’ jirċievi sehmu kif inhu xieraq li jirċievi.

39 U jeħtieġ li huwa jindem minn dnubietu, għax huwa jfittex it‑tifħir tad‑dinja.

40 U jeħtieġ ukoll li l‑qaddej tiegħi William W. Phelps iwettaq dmiru fl‑uffiċċju li jien ħtartu għalih, u huwa jirċievi l‑art bħala wirtu;

41 U huwa wkoll jeħtieġ li jindem, għax jien, il‑Mulej, m’iniex kuntent bih, għax hu jara li jkun aktar importanti minn ħaddieħor, u mhuwiex umli biżżejjed quddiemi.

42 Araw, min jindem minn dnubietu, huwa jikseb il‑maħfra, u jien, il‑Mulej, ma niftakarhomx aktar.

43 B’dal mod tkunu tafu jekk bniedem nidimx minn dnubietu—araw, huwa jistqarrhom u jiċħadhom.

44 U issa, dwar il‑kumplament tal‑presbiteri tal‑knisja tiegħi, tassew ngħidilkom li ż‑żmien li fih jiksbu din l‑art bħala wirthom għad baqagħlu s‑snin biex jasal, sakemm huma ma jurux ix‑xewqa li jiksbuha permezz tat‑talb ta’ fidi, u l‑Mulej jagħtihom dak li jixtiequ.

45 Għax, araw, huma sejrin igerrxu lill‑popli minn truf l‑art.

46 Għalhekk, araw li tinġabru flimkien; u dawk li ma ġewx magħżulin biex jibqgħu f’din l‑art, jeħtieġ li jmorru jxandru l‑evanġelju fl‑inħawi tal‑madwar; u wara li jagħmlu dan jeħtieġ li jerġgħu lura lejn djarhom.

47 Jeħtieġ li huma jxandru l‑kelma tul it‑triq, u jaqsmu x‑xhieda tagħhom tal‑verità f’kull post, u għandhom jitolbu lill‑għonja, lil dawk ta’ klassi għolja u baxxa, u lill‑foqra sabiex jindmu.

48 U jeħtieġ li huma jibnu l‑knejjes, jekk in‑nies li jgħammru fuq l‑art jindmu.

49 U jeħtieġ li jinħatar aġent, permezz ta’ leħen il‑knisja, għall‑knisja f’Ohio, sabiex huwa jirċievi għandu l‑flus biex jinxtraw l‑artijiet f’Sijon.

50 U jiena nagħti kmandament lill‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon, biex huwa jikteb deskrizzjoni tal‑art ta’ Sijon, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ x’inhi r‑rieda ta’ Alla, kif jiġi żvelat lilu permezz tal‑Ispirtu;

51 U jikteb ukoll ittra, flimkien ma’ lista bil‑kontribuzzjonijiet, biex tiġi ppreżentata lill‑knejjes kollha biex huwa jiġbor il‑flus li jitpoġġew f’idejn l‑isqof, jew f’idejn l‑aġent, kif jidhirlu hu, jew skont l‑istruzzjonijiet tiegħu, biex ikunu jistgħu jinxtraw artijiet li jirtuhom ulied Alla.

52 Għax, araw, tassew ngħidilkom, il‑Mulej irid li d‑dixxipli u wlied il‑bnedmin jiftħu qalbhom b’tali mod li meta ż‑żmien jippermetti huma jixtru dawn l‑inħawi kollha tal‑pajjiż.

53 Araw, hawn qiegħed l‑għerf. Jeħtieġ li huma jagħmlu dan ma jmorrux ma jirċievu l‑ebda wirt, għajr permezz tat‑tixrid tad‑demm.

54 U għal darb’oħra, la darba huma jiksbu l‑art, jeħtieġ li jintbagħtu ħaddiema ta’ kull tip f’din l‑art, biex jaħdmu għall‑qaddisin ta’ Alla.

55 Jeħtieġ li dan kollu jsir b’ordni; u jeħtieġ li minn żmien għall‑ieħor isir magħruf, mill‑isqof jew mill‑aġent tal‑knisja, x’opportunitajiet wieħed jista’ jsib f’din l‑art.

56 U jeħtieġ li l‑ħidma tal‑ġabra ma ssirx b’għaġla, jew b’ħeffa; iżda jeħtieġ li ssir skont il‑parir li jingħata mill‑presbiteri tal‑knisja waqt il‑konferenzi, skont l‑għarfien li huma jirċievu minn żmien għall‑ieħor.

57 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon jikkonsagra u jiddedika din l‑art, u l‑post għat‑tempju, għall‑Mulej.

58 U jeħtieġ li tissejjaħ laqgħa għall‑konferenza; u wara li jsir dan jeħtieġ li l‑qaddejja tiegħi Sidney Rigdon u Joseph Smith, Jun., jerġgħu lura, flimkien ma’ Oliver Cowdery, biex iwettqu l‑kumplament tal‑ħidma li jiena tlabthom jagħmlu ġewwa arthom, kif ukoll dak kollu li huma ntalbu jagħmlu waqt il‑konferenzi.

59 U ħadd m’għandu jerġa’ lura qabel ma huwa jaqsam ix‑xhieda tiegħu tul it‑triq, dwar dak li huwa jaf u li huwa jemmen bla ebda dubju.

60 Jeħtieġ li dak li ġie msawwab fuq Ziba Peterson jittieħed mingħandu; u jeħtieġ li huwa jkun membru fil‑knisja, u li huwa jaħdem permezz ta’ jdejh, flimkien mal‑aħwa, sakemm huwa jumilja ruħu biżżejjed għad‑dnubiet kollha tiegħu; għax huwa baqa’ ma stqarrx dnubietu, u jaħseb li jista’ jaħbihom.

61 Jeħtieġ li l‑kumplament tal‑presbiteri ta’ din il‑knisja li ġejjin f’din l‑art, li xi wħud minnhom huma mberkin bil‑kbir u bil‑kotra, jiltaqgħu wkoll għal konferenza f’din l‑art.

62 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Edward Partridge imexxi l‑konferenza li huma jagħmlu.

63 U jeħtieġ li huma wkoll jerġgħu lura, u jxandru l‑evanġelju tul it‑triq, fejn huma jagħtu xhieda tal‑ħwejjeġ li ġew żvelati lilhom.

64 Għax il‑ħoss tabilħaqq għandu jitlaq minn dan il‑post u jasal f’kull naħa tad‑dinja, sa truf l‑art—l‑evanġelju jeħtieġ li jiġi mxandar lil kull ħlejqa, u s‑sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu.

65 U araw Bin il‑Bniedem għandu jiġi. Ammen.