Sezzjoni 50
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar id‑9 ta’ Marzu, 1831. L‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara li xi wħud mill‑presbiteri ma fehmux il‑manifestazzjonijiet ta’ spirti differenti madwar id‑dinja u li din ir‑rivelazzjoni ngħatat bi tweġiba għat‑talba speċjali tiegħu dwar dil‑ħaġa. Dak li kien jissejjaħ fenomenu spiritwali ma kienx xi ħaġa rari fost il‑membri, fejn xi wħud stqarrew li kellhom ċerti dehriet u rivelazzjonijiet.
1–5, Madwar id‑dinja hawn bosta spirti foloz; 6–9, Ħażin għalihom l‑ipokriti u dawk li tkeċċew mill‑Knisja; 10–14, Il‑presbiteri għandhom ixandru l‑evanġelju permezz tal‑Ispirtu; 15–22, Kemm ix‑xandâra kif ukoll is‑semmiegħa jeħtieġ li jkunu mnebbħa permezz tal‑Ispirtu; 23–25, Dak li ma jedifikax mhuwiex ġej minn Alla; 26–28, Il‑fidili jippossedu kull ħaġa; 29–36, It‑talb ta’ min hu safi jinstama’; 37–46, Kristu huwa r‑Ragħaj it‑Tajjeb u l‑Blata ta’ Iżrael.
1 Isimgħu, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, u iftħu widnejkom sew għal‑leħen ta’ Alla l‑ħaj; u agħtu widen għal kliem il‑għerf li se jingħata lilkom, dwar dak li intom tlabtu u li qbiltu li għandu x’jaqsam mal‑knisja, u dwar l‑ispirti li jinsabu jgħammru madwar id‑dinja.
2 Araw, tassew ngħidilkom, li hemm bosta spirti li huma spirti foloz, li jinsabu jgħammru madwar id‑dinja, iqarrqu b’niesha.
3 U Satana wkoll ipprova jqarraq bikom, biex ikun jista’ jaħkimkom taħt idejh.
4 Araw, jiena, il‑Mulej, ħarist lejkom u stajt nara l‑abominazzjonijiet li hemm fil‑knisja li ġġib ismi.
5 Iżda henjin dawk li jibqgħu fidili, anke fi żmien ta’ prova, sew fil‑ħajja u sew fil‑mewt, għax huma għad jirtu l‑ħajja ta’ dejjem.
6 Iżda ħażin għalihom il‑qarrieqa u l‑ipokriti, għax, jgħid il‑Mulej, jiena nagħmel ħaqq minnhom.
7 Araw, tassew ngħidilkom, li fostkom hemm l‑ipokriti, li qarrqu b’xi wħud, u taw ċans lill‑avversarju li jaħkimhom f’idejh; iżda araw, dawn sejrin jinġiebu lura;
8 Iżda l‑ipokriti sejrin joħorġu għad‑dawl u se jisfaw imkeċċija, jew fil‑ħajja jew fil‑mewt, skont ir‑rieda tiegħi; u ħażin għalihom dawk li jisfaw imkeċċija mill‑knisja tiegħi, għax dawn huma dawk li ħallew id‑dinja tegħlibhom.
9 Għalhekk, jeħtieġ li kull bniedem joqgħod attent li ma jagħmilx dak li f’għajnejja jmur kontra l‑verità u s‑sewwa.
10 U issa ejjew, jgħid il‑Mulej, permezz tal‑Ispirtu, għand il‑presbiteri tal‑knisja tiegħu, u ejjew nirraġunaw flimkien, biex intom tkunu tistgħu tifhmu;
11 Ejjew nirraġunaw kif bniedem jirraġuna ma’ bniedem ieħor, wiċċ imb wiċċ.
12 Issa, meta bniedem jirraġuna huwa jiġi mifthiem min‑nies, għaliex huwa jirraġuna bħala bniedem; u l‑istess jien, il‑Mulej, jiena nirraġuna magħkom biex intom tkunu tistgħu tifhmuni.
13 Għalhekk, jiena l‑Mulej nistaqsikom din il‑mistoqsija—intom għal xiex ġejtu ordnati?
14 Biex ixxandru l‑evanġelju tiegħu permezz tal‑Ispirtu, l‑istess Farrâġ li ġie mibgħut biex jgħallem il‑verità.
15 U mbagħad intom tirċievu għandkom spirti li ma tistgħux tifhmuhom, u tirċevuhom bħallikieku ġejjin minn Alla; u f’dan intom iġġustifikati?
16 Araw, jeħtieġ li twieġbu din il‑mistoqsija intom stess; madankollu, jiena se nuri ħniena minnkom; dak li hu dgħajjef fostkom, minn issa ’l quddiem se jikseb is‑saħħa.
17 Tassew ngħidilkom, dak li hu ordnat minni u hu mibgħut biex ixandar il‑kelma tal‑verità permezz tal‑Farràġ, fl‑Ispirtu tal‑verità, huwa dan jagħmlu permezz tal‑Ispirtu tal‑verità jew b’xi mod ieħor?
18 Jekk b’xi mod ieħor, mela dan mhux ġej minn Alla.
19 U għal darb’oħra, dak li jirċievi l‑kelma tal‑verità, huwa jirċeviha permezz tal‑Ispirtu tal‑verità jew b’xi mod ieħor?
20 Jekk b’xi mod ieħor, mela mhux ġej minn Alla.
21 Għalhekk, għalfejn ma tistgħux tifhmu u tagħrfu li dak li jirċievi l‑kelma permezz tal‑Ispirtu tal‑verità jirċeviha kif tiġi mxandra lilu permezz tal‑Ispirtu tal‑verità?
22 Għalhekk, dak li jxandar u dak li jirċievi, jifhmu lil xulxin u t‑tnejn li huma jiġu edifikati u jithennew flimkien.
23 U dak li ma jedifikax mhuwiex ġej minn Alla, u huwa dlam.
24 Dak li ġej minn Alla huwa dawl; u dak li jirċievi d‑dawl, u jibqa’ qrib ta’ Alla, jirċievi aktar dawl; u dak id‑dawl jibqa’ dejjem jitqawwa fid‑dija tiegħu sal‑milja tal‑jum.
25 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, u jiena ngħid dan biex intom tkunu tistgħu tkeċċu d‑dlam minn fostkom;
26 Dak li hu ordnat minn Alla u jiġi mibgħut, huwa jiġi maħtur biex ikun l‑akbar wieħed, minkejja li huwa l‑iżgħar wieħed u l‑qaddej ta’ kulħadd.
27 Għalhekk, hu jippossedi kull ħaġa; għax kull ħaġa toqgħod għalih, kemm fis‑sema u kemm fl‑art, il‑ħajja u d‑dawl, l‑Ispirtu u l‑qawwa, li jintbagħtu skond ir‑rieda tal‑Missier permezz ta’ Ġesù Kristu, Ibnu.
28 Iżda l‑ebda bniedem ma jista’ jippossedi kull ħaġa jekk l‑ewwel ma jiġix imsaffi u mnaddaf minn kull dnub.
29 U jekk intom safja u mnaddfin minn kull dnub, intom tistgħu titolbu dak kollu li tridu f’isem Ġesù u jingħatalkom.
30 Iżda kunu afu dan, intom jingħatalkom dak kollu li titolbu għalih; u hekk kif intom tiġu maħtura biex tmexxu, l‑ispirti joqogħdu għalikom.
31 Għalhekk, għad jiġri li jekk intom taraw xi spirtu li ma tistgħux tifhmuh, u ma tirċevux għandkom dak l‑ispirtu, intom għandkom titolbu lill‑Missier f’isem Ġesù; u jekk huwa ma jiżvelax magħkom dak l‑ispirtu, hemmhekk tkunu tafu li huwa mhuwiex ġej minn Alla.
32 U intom tingħataw qawwa fuq dak l‑ispirtu; u għandkom ixxandru b’leħen għoli li dak l‑ispirtu mhuwiex ġej minn Alla—
33 Mhux bi kliem ta’ żebliħ, biex ma tħalluhx jirbaħkom, lanqas billi toqogħdu tiftaħru jew tifirħu, biex ma tħalluhx jegħlibkom.
34 Dak li jingħata minn Alla, għandu jagħraf li dak li huwa ngħata ġej minn Alla; u hu għandu jithenna li f’għajnejn Alla huwa jinsab denn li jingħata lilu.
35 U jekk intom tagħtu widen u tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ li intom ingħatajtu, u li għad tridu tingħataw—u tingħata lilkom is‑saltna mill‑Missier, u l‑qawwa li tegħlbu kull ħaġa li mhijiex ġejja minnu—
36 Araw, tassew ngħidilkom, hienja intom li bħalissa qed tisimgħu dan kliemi minn fomm il‑qaddej tiegħi, għax dnubietkom huma maħfura.
37 Hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Joseph Wakefield, li fih sibt l‑għaxqa tiegħi, u l‑qaddej tiegħi Parley P. Pratt imorru fost il‑knejjes u jsaħħuhom permezz ta’ kliem ta’ twissija;
38 U hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi John Corrill, jew il‑qaddejja tiegħi kollha li huma ordnati għal din il‑kariga imorru jaħdmu fil‑għalqa; u ara li l‑ebda bniedem ma jipprova jżommhom milli jagħmlu dak li jiena ħtarthom biex jagħmlu—
39 Għalhekk, f’din il‑ħaġa l‑qaddej tiegħi Edward Partridge mhuwiex korrett; madankollu jeħtieġ li huwa jindem u huwa jikseb il‑maħfra.
40 Araw, intom tfal ċkejknin u għalissa ma tistgħux tifhmu kollox; jeħtieġ li intom tikbru fil‑grazzja u fl‑għarfien tal‑verità.
41 La tibżgħux, O ċkejknin uliedi, għaliex intom tiegħi, u jiena rbaħt id‑dinja, u intom fost dawk li tani Missieri;
42 U m’hemm ħadd fost dawk li tani Missieri li se jintilef.
43 U l‑Missier u jiena ħaġa waħda. Jiena ninsab fil‑Missier u l‑Missier jinsab fija; u diment li intom tirċievu lili, intom tkunu fija u jiena fikom.
44 Għalhekk, jiena ninsab f’nofskom, u jiena r‑ragħaj it‑tajjeb u l‑blata ta’ Iżrael. Min jibni fuq din il‑blata ma jitfixkel qatt.
45 U jasal il‑jum li fih intom tisimgħu leħni u lili taraw, u tagħrfu li jiena hu.
46 Għalhekk, ishru, sabiex intom tkunu tinsabu lesti. Hekk għandu jkun. Ammen.