Skrittura
Duttrina u Patti 34


Sezzjoni 34

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Orson Pratt, ġewwa Fayette, New York, 4 ta’ Novembru, 1830. Dak iż‑żmien Brother Pratt kellu dsatax‑il sena. Huwa kien ikkonverta u tgħammed meta sitt ġimgħat qabel hu kien sema’ għall‑ewwel darba l‑evanġelju rrestawrat jiġi mxandar minn ħuh il‑kbir, Parley P. Pratt. Din ir‑rivelazzjoni ngħatat fid‑dar ta’ Peter Whitmer Sr.

1–4, Il‑fidili jsiru wlied Alla permezz tal‑Espjazzjoni; 5–9, Ix‑xandir tal‑evanġelju jħejji t‑triq għat‑Tieni Miġja; 10–12, Il‑profezija tasal permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.

1 Ibni Orson, agħti widen, isma’ u ara dak li jiena sejjer ngħidilek, jien li jien il‑Mulej Alla, l‑istess Ġesù Kristu l‑Feddej tiegħek;

2 Id‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja, dawl li jiddi fid‑dlam imma d‑dlam ma jegħlbux;

3 Li hekk ħabb lid‑dinja li ta ħajtu, biex dawk kollha li jemmnu jkunu jistgħu jsiru wlied Alla. Għalhekk inti ibni;

4 U hieni int għax emmint;

5 U inti hieni aktar għax ġejt imsejjaħ biex ixxandar l‑evanġelju tiegħi—

6 Biex issamma’ leħnek bħad‑daqq tat‑tromba, b’ħoss qawwi u jgħajjat, u biex ixxandar l‑indiema lil dan in‑nisel ta’ nkwiet u għawġ, u biex tħejji triq il‑Mulej għat‑tieni miġja tiegħu.

7 Għax ara, tassew, tassew, ngħidlek, li ż‑żmien jinsab fil‑qrib, meta jiena se niġi fi sħaba b’qawwa u glorja kbira.

8 U jum il‑miġja tiegħi se jkun jum mill‑aktar kbir, għax il‑ġnus kollha għad jitriegħdu.

9 Iżda qabel jasal dak il‑jum il‑kbir, ix‑xemx se tinbidel fi dlam, u l‑qamar f’demm; u l‑kwiekeb se jibqgħu lura milli jiddu, u wħud minnhom se jaqgħu, u qerda kbira hemm tistenna lill‑ħżiena.

10 Għalhekk, għolli leħnek u żżommx lura, għax il‑Mulej Alla qal dan; għalhekk mur ħabbar dak li se jiġi żvelat lilek permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.

11 U jekk tibqa’ fidil, ara, jiena nkun miegħek sakemm niġi—

12 U tassew, tassew, ngħidlek, jiena dalwaqt ġej. Jiena l‑Mulej u l‑Feddej tiegħek. Hekk għandu jkun. Ammen.