Skrittura
Duttrina u Patti 33


Sezzjoni 33

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Ezra Thayre u Northrop Sweet, ġewwa Fayette, New York, Ottubru 1830. Fl‑introduzzjoni għal din ir‑rivelazzjoni, l‑istorja ta’ Joseph Smith tafferma li “il‑Mulej … dejjem jinsab lest li jgħallem lil dawk li jfittxuh b’fidi u diliġenza.”

1–4, Il‑ħaddiema huma msejħa biex ixandru l‑evanġelju fil‑ħdax‑il siegħa; 5–6, Tiġi mwaqqfa l‑Knisja, u jinġabru l‑magħżulin; 7–10, Indmu, għax is‑saltna tas‑smewwiet waslet; 11–15, Il‑Knisja hi mibnija fuq il‑blata tal‑evanġelju; 16–18, Ħejju għall‑miġja tal‑Għarus.

1 Araw, jien ngħidilkom, O qaddejja tiegħi Ezra u Northrop, iftħu widnejkom u isimgħu leħen il‑Mulej Alla tagħkom, li l‑kelma tiegħu hija ħajja u qawwija, u taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, li tifred minn xulxin il‑ġogi u l‑mudullun, ir‑ruħ u l‑ispirtu; u tgħarbel il‑ħsibijiet u l‑fehmiet tal‑qalb.

2 Għax tassew, tassew, ngħidilkom li intom ġejtu msejħin biex issemmgħu leħinkom bħad‑daqq tat‑tromba, biex ixxandru l‑evanġelju tiegħi lil dan in‑nisel ta’ nkwiet u għawġ.

3 Għax araw, l‑għalqa hi bajda lesta għall‑ħsad; u ninsabu fil‑ħdax‑il siegħa, u din hi l‑aħħar darba li se nsejjaħ il‑ħaddiema fl‑għalqa tiegħi.

4 U l‑għalqa tiegħi tħassret kollha kemm hi; u m’hawn ħadd li jagħmel is‑sewwa, għajr il‑ftit; u dawn ħafna drabi jaqgħu fl‑iżball minħabba l‑frodi saċerdotali, u huma kollha nies ta’ moħħhom maqlub.

5 U tassew, tassew, ngħidilkom, li jiena waqqaft din il‑knisja u lilha ħriġt ’il barra mid‑deżert.

6 U bl‑istess mod jiena se niġbor flimkien lill‑magħżulin tiegħi mill‑erbat itruf tad‑dinja, sewwasew lil dawk kollha li jemmnu fija, u jisimgħu leħni.

7 Iva, tassew, tassew, ngħidilkom, li l‑għalqa hi bajda lesta għall‑ħsad; għalhekk, xejru bil‑minġel tagħkom, u aħsdu bil‑qawwa u s‑saħħa tagħkom kollha u b’moħħkom kollu.

8 Iftħu fommkom u jingħatalkom x’għandkom tgħidu, u intom issiru sewwasew bħal Nefi tal‑qedem, li telaq minn Ġerusalemm lejn id‑deżert.

9 Iva, iftħu fommkom u la tibqgħux lura milli tagħmlu dan, u intom tkunu mgħobbija bil‑qatet fuq daharkom, għax araw, jiena ninsab magħkom.

10 Iva, iftħu fommkom u jingħatalkom x’għandkom tgħidu, u għidu: Indmu, indmu, u ħejju t‑triq għall‑Mulej, u ddrittaw il‑mogħdijiet tiegħu; għax is‑saltna tas‑smewwiet waslet;

11 Iva, indmu u tgħammdu, intom ilkoll, għall‑maħfra ta’ dnubietkom; iva, tgħammdu sewwasew permezz tal‑ilma, u wara tasal il‑magħmudija tan‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu.

12 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, dan huwa l‑evanġelju tiegħi; u ftakru li jeħtieġ li huma jkollhom il‑fidi fija għax inkella bl‑ebda mod ma jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni;

13 U fuq din il‑blata jien se nibni l‑knisja tiegħi; iva, fuq dil‑blata intom tinsabu mibnija, u jekk intom tibqgħu fidili, is‑setgħat tal‑infern ma jegħlbukomx.

14 U għandkom tiftakru biex tħarsu l‑artikli u l‑patti tal‑knisja.

15 U ’l dawk li għandhom il‑fidi għandkom tikkonfermawhom fil‑knisja tiegħi, u jiena nsawwab fuqhom l‑Ispirtu s‑Santu.

16 U jien nagħtikom il‑Ktieb ta’ Mormon u l‑iskrittura mqaddsa biex ngħallimkom; u kollox jingħata l‑ħajja permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi.

17 Għalhekk, ibqgħu fidili, itolbu dejjem, u araw li l‑imsiebaħ tagħkom jinsabu lesti u jpetptu, u araw li m’intomx neqsin miż‑żejt, ħalli mal‑miġja tal‑Għarus intom tkunu lesti—

18 Għax araw, tassew, tassew, ngħidilkom, li jien dalwaqt ġej. Hekk għandu jkun. Ammen.