Skrittura
Duttrina u Patti 31


Id‑
Duttrina u Patti

Sezzjoni 31

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Thomas B. Marsh, f’Settembru 1830. Dan seħħ eżatt wara konferenza tal‑Knisja (ara l‑intestatura għal sezzjoni 30). Thomas B. Marsh kien ġie mgħammed aktar kmieni fix‑xahar u kien ġie ordnat bħala presbiteru fil‑Knisja qabel ma ngħatat din ir‑rivelazzjoni.

1–6, Thomas B. Marsh jiġi msejjaħ biex ixandar l‑evanġelju u jingħata s‑serħan il‑moħħ li fejn tidħol familtu kollox kien se jkun sew; 7–13, Huwa jintalab sabiex juri s‑sabar, jitlob dejjem, u jimxi wara l‑Farrâġ.

1 Thomas, ibni, hieni int minħabba l‑fidi tiegħek fil‑ħidma tiegħi.

2 Ara, inti batejt ħafna minħabba familtek; madankollu, jiena nbierek lilek u lil familtek, iva, sewwasew liċ‑ċkejknin tiegħek; u jasal il‑jum li fih huma jemmnu u jagħrfu l‑verità u jkunu ħaġa waħda miegħek fil‑knisja tiegħi.

3 Għolli qalbek ’il fuq u ifraħ, għax is‑siegħa tal‑missjoni tiegħek waslet; u lsienek sejjer jinħall, u inti għandek ixxandar hena mill‑aktar kbira lil dan in‑nisel.

4 Inti għandek ixxandar il‑ħwejjeġ li ġew żvelati lill‑qaddej tiegħi, Joseph Smith, Jun. Inti għandek tibda xxandar dan minn issa ’l quddiem, iva, biex tkun tista’ taħsad fl‑għalqa li diġà hija bajda, lesta biex tinħaraq.

5 Għalhekk, xejjer il‑minġel tiegħek b’ruħek kollha, u dnubietek ikunu maħfura, u inti tkun mgħobbi bil‑qatet fuq dahrek, għax il‑ħaddiem ħaqqu ħlasu. Għalhekk, familtek għad tgħix.

6 Ara, tassew, ngħidlek, ħallihom weħidhom għal ftit, u mur xandar il‑kelma tiegħi, u jiena nħejji post għalihom.

7 Iva, jiena niftaħ qlub in‑nies, u lilek huma jilqgħu fosthom. U jiena nwaqqaf knisja permezz tiegħek;

8 U inti għandek issaħħaħhom u tħejjihom għaż‑żmien meta huma jeħtieġ li jinġabru flimkien.

9 Stabar fit‑tbatija tiegħek, u la tweġibx bit‑tagħjir lil min jgħajrek. Mexxi darek bi ħlewwa, u żomm sħiħ.

10 Ara, jien ngħidlek li inti għandek tfejjaq lill‑knisja, iżda mhux lin‑nies tad‑dinja, għax huma mhumiex se jilqgħuk.

11 Mur fi triqtek fejn irridek jien, u l‑Farrâġ sejjer jurik x’għandek tagħmel u fejn għandek tmur.

12 Itlob dejjem, biex ma tidħolx fit‑tiġrib u titlef il‑ħlas tiegħek.

13 Ibqa’ fidil sal‑aħħar, u ara, jiena nkun miegħek. Dan il‑kliem mhux ġej minn xi bniedem jew mill‑bnedmin, iżda ġej minni, l‑istess Ġesù Kristu, il‑Feddej tiegħek, permezz tar‑rieda tal‑Missier. Ammen.