Introduzzjoni
Id‑Duttrina u Patti huwa ġabra ta’ rivelazzjonijiet divini u dikjarazzjonijiet ispirati li ġew mogħtija għat‑twaqqif u r‑regolazzjoni tas‑saltna ta’ Alla fuq l‑art fl‑aħħar żminijiet. Minkejja li l‑parti l‑kbira tas‑sezzjonijiet huma indirizzati lill‑membri tal‑Knisja ta’ Ġesù Kristu tal‑Qaddisin tal‑Aħħar Żmien, il‑messaġġi, it‑twissijiet, u l‑kliem ta’ inkuraġġiment huma għall‑benefiċċju tal‑umanità kollha u fihom insibu stedina għan‑nies kollha biex jisimgħu leħen il‑Mulej Ġesù Kristu ikellimhom għall‑benesseri temporali tagħhom u għas‑salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom.
Bosta mir‑rivelazzjonijiet f’din il‑ġabra twasslu permezz ta’ Joseph Smith Jr., l‑ewwel profeta u president tal‑Knisja ta’ Ġesù Kristu tal‑Qaddisin tal‑Aħħar Żmien. Oħrajn ingħataw permezz ta’ xi wħud mis‑suċċessuri tiegħu fil‑Presidenza (ara intestaturi għal D&P 135, 136, u 138, u Dikjarazzjonijiet Uffiċjali 1 u 2).
Il‑ktieb tad‑Duttrina u Patti huwa wieħed mill‑kitbiet kanoniċi tal‑Knisja flimkien mal‑Bibbja Mqaddsa, il‑Ktieb ta’ Mormon, u l‑Ġawhra li Tiswa Ħafna. Madankollu, id‑Duttrina u Patti huwa ktieb uniku għaliex mhuwiex traduzzjoni ta’ dokument antik, iżda huwa ta’ oriġni moderna u ġie mogħti minn Alla permezz tal‑profeti magħżulin tiegħu għar‑restawrazzjoni tal‑ħidma qaddisa tiegħu u għat‑twaqqif tas‑saltna ta’ Alla fuq l‑art f’dawn iż‑żminijiet. Fir‑rivelazzjonijiet, wieħed jista’ jisma’ l‑leħen ġentili madankollu mill‑aktar determinat tal‑Mulej Ġesù Kristu, jitkellem mill‑ġdid fid‑dispensazzjoni tal‑milja taż‑żminijiet; u l‑ħidma li ngħata bidu għalija hawnhekk hi bi tħejjija għat‑Tieni Miġja tiegħu, biex iġġib fis‑seħħ, u skont, kliem il‑profeti qaddisa kollha sa mill‑bidu tad‑dinja.
Joseph Smith Jr. twieled nhar it‑23 ta’ Diċembru, 1805, ġewwa Sharon, fil‑Kontea ta’ Windsor, Vermont. Tul l‑ewwel żminijiet ta’ ħajtu, huwa mar joqgħod flimkien mal‑familja tiegħu fejn illum hemm Manchester, fil‑punent ta’ New York. Kien sewwasew waqt li kien qed jgħix hemm fir‑rebbiegħa tal‑1820, meta kellu erbatax‑il sena, li huwa kellu l‑ewwel dehra, li fiha ġew iżuruh personalment Alla, il‑Missier Etern, u Ibnu Ġesù Kristu. F’din id‑dehra huwa ġie mgħarraf li l‑vera Knisja ta’ Ġesù Kristu li kienet ġiet imwaqqfa fi żmien it‑Testment il‑Ġdid, u li kienet tħaddan fiha l‑milja tal‑evanġelju, ma kenitx tinsab aktar fuq l‑art. Huwa kellu manifestazzjonijiet divini oħra li fihom huma rċieva struzzjonijiet minn bosta anġli; huwa ġie mgħarraf li Alla kellu ħidma speċjali għalih xi jwettaq fid‑dinja u li permezz tiegħu l‑Knisja ta’ Ġesù Kristu se terġa’ tiġi rrestawrata fid‑dinja.
Wara xi żmien, Joseph Smith rnexxielu bl‑għajnuna divina jittraduċi u jippubblika l‑Ktieb ta’ Mormon. Fil‑frattemp hu u Oliver Cowdery ġew ordnati għas‑Saċerdozju ta’ Aron minn Ġwanni l‑Battista f’Mejju 1829 (ara D&P 13), u ftit wara huma ġew ordnati wkoll għas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek mill‑Appostli tal‑qedem Pietru, Ġakbu u Ġwanni (ara D&P 27:12). Wara saru ordinazzjonijiet oħra li fihom huma ngħataw imfietaħ tas‑saċerdozju oħra minn Mosè, Elija, Elijas, u bosta profeti oħra tal‑qedem (ara D&P 110; 128:18, 21). Dawn l‑ordinazzjonijiet kienu, fil‑fatt, restawrazzjoni ta’ awtorità divina mogħtija lill‑bniedem fid‑dinja. Nhar is‑6 ta’ April, 1830, kif kien immexxi minn Alla, il‑Profeta Joseph Smith organizza l‑Knisja, u b’hekk il‑vera Knisja ta’ Ġesù Kristu reġgħet għal darb’oħra bdiet topera bħala istituzzjoni fost il‑bnedmin, b’awtorità li tgħallem l‑evanġelju u tamministra l‑ordinanzi tas‑salvazzjoni. (Ara D&P 20 u l‑Ġawhra li Tiswa Ħafna, Joseph Smith—Storja 1.)
Dawn ir‑rivelazzjonijiet sagri ngħataw bi tweġiba għat‑talb, fi żminijiet ta’ bżonn, u kienu riżultat ta’ sitwazzjonijiet reali li jinvolvu fihom nies reali. Il‑Profeta u l‑mexxejja sħabu fittxew il‑gwida divina, u dawn ir‑rivelazzjonijiet juru biċ‑ċar li huma kisbu sewwasew din il‑gwida. Fir‑rivelazzjonijiet, wieħed jista’ jara r‑restawrazzjoni u l‑iżvolġiment tal‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l‑bidu tad‑dispensazzjoni tal‑milja taż‑żminijiet. F’dawn ir‑rivelazzjonijiet nistgħu naraw ukoll il‑mixja lejn il‑punent tal‑Knisja minn New York u Pennsylvania għal Ohio, għal Missouri, għal Illinois, u finalment għall‑Great Basin tal‑punent tal‑Amerika, u d‑diffikultajiet kbar li ħabbtu wiċċhom magħhom il‑Qaddisin biex jibnu Sijon fuq l‑art fi żmienna.
Bosta mill‑ewwel sezzjonijiet jittrattaw ħwejjeġ relatati mat‑traduzzjoni u l‑pubblikazzjoni tal‑Ktieb ta’ Mormon (ara sezzjonijiet 3, 5, 10, 17, u 19). Xi sezzjonijiet li jiġu wara jirriflettu l‑ħidma tal‑Profeta Joseph Smith biex huwa jagħmel traduzzjoni spirata tal‑Bibbja, fi żmien meta huwa rċieva numru ta’ sezzjonijiet li jgħallmu duttrina mill‑aktar importanti (ara, per eżempju, sezzjonijiet 37, 45, 73, 76, 77, 86, 91, u 132, li lkoll kemm huma għandhom rabta diretta mat‑traduzzjoni tal‑Bibbja.
Dawn ir‑rivelazzjonijiet jelenkaw id‑duttrina tal‑evanġelju bi spjegazzjoni ta’ ċerti suġġetti fundamentali bħan‑natura tad‑Divinità, l‑oriġni tal‑bniedem, ir‑realtà ta’ Satana, l‑għan tal‑ħajja mortali, il‑ħtieġa għall‑ubbidjenza u għall‑indiema, il‑ħidma tal‑Ispirtu s‑Santu, l‑ordinanzi u l‑għemejjel relatati mas‑salvazzjoni, id‑destin tad‑dinja, il‑kundizzjonijiet futuri tal‑bniedem wara l‑Qawmien u Jum il‑Ħaqq, l‑eternità fir‑relazzjoni taż‑żwieġ, u n‑natura eterna tal‑familja. Bl‑istess mod, l‑iżvolġiment gradwali tal‑istruttura amministrattiva tal‑Knisja nistgħu narawh permezz tas‑sejħa tal‑isqfijiet, tal‑Ewwel Presidenza, tal‑Kunsill tat‑Tnax u tas‑Sebgħin, u t‑twaqqif tal‑karigi u l‑kworums li jippresedu. Finalment, ix‑xhieda li ngħatat ta’ Ġesù Kristu—id‑divinità tiegħu, il‑majestà tiegħu, il‑perfezzjoni tiegħu, l‑imħabba tiegħu, u l‑qawwa feddejja tiegħu—tagħmel minn dan il‑ktieb, wieħed mill‑aktar importanti għall‑familja umana u “ta’ siwi għall‑Knisja aktar mill‑ġid kollu tad‑Dinja” (ara intestatura għal D&P 70).
Ir‑rivelazzjonijiet ġew oriġinalment miktuba mill‑iskribi ta’ Joseph Smith, u l‑membri tal‑Knisja qasmu b’ħerqa bejniethom kopji miktubin bl‑idejn. Biex jiġbruhom b’mod aktar permanenti, l‑iskribi ma damux ma kkupjaw dawn ir‑rivelazzjonijiet f’kotba tal‑manuskritti, liema kotba ntużaw mill‑mexxejja tal‑Knisja biex iħejju għall‑istampar tar‑rivelazzjonijiet. Joseph u l‑Qaddisin tal‑ewwel żminijiet kienu jħarsu lejn ir‑rivelazzjonijiet bl‑istess mod kif kienu jħarsu lejn il‑Knisja: ħajjin, dinamiċi, u suġġett għal aktar raffinament permezz ta’ aktar rivelazzjoni. Huma setgħu jagħrfu wkoll li waqt il‑proċess tal‑ikkupjar tar‑rivelazzjonijiet u t‑tħejjija tagħhom għall‑pubblikazzjoni setgħu saru xi żbalji mhux intenzjonati. B’hekk, fl‑1831 il‑membri tal‑konferenza tal‑Knisja talbu lil Joseph biex “jikkoreġi l‑iżbalji li seta’ jsib bl‑għajnuna tal‑Ispirtu s‑Santu.”
Wara li r‑rivelazzjonijiet ġew irreveduti u kkoreġuti, il‑membri tal‑Knisja f’Missouri bdew jistampaw ktieb li jġib l‑isemA Book of Commandments for the Government of the Church of Christ, li kien fih ħafna mill‑ewwel rivelazzjonijiet tal‑Profeta. Dan l‑ewwel attentat biex jiġu ppubblikati r‑rivelazzjonijiet ġie fi tmiemu, madankollu, meta marmalja qerdu l‑uffiċċju tal‑Istampar tal‑Qaddisin ġewwa l‑kontea ta’ Jackson, nhar l‑20 ta’ Lulju, 1833.
Meta Joseph Smith u mexxejja oħra tal‑Knisja semgħu bil‑qerda tal‑uffiċċju tal‑istampar f’Missouri, huma bdew iħejju biex jippubblikaw ir‑rivelazzjonijiet f’Kirtland, Ohio. Biex jikkoreġi għal darb’oħra ċerti żbalji, jiċċara ċertu kliem, u jirrikonoxxi l‑iżvilupp li sar fid‑duttrina u l‑organizzazzjoni tal‑Knisja, Joseph Smith beda jissorvelja l‑editjar tat‑test ta’ xi wħud mir‑rivelazzjonijiet bi tħejjija għall‑pubblikazzjoni tagħhom fl‑1835 bħala Doctrine and Covenants of the Church of the Latter Day Saints. Joseph Smith awtorizza edizzjoni oħra tad‑Duttrina u Patti, li ġiet ippubblikata ftit xhur biss wara l‑martirju tal‑Profeta fl‑1844.
Il‑Qaddisin tal‑Aħħar Żmien tal‑ewwel żminijiet għożżew bil‑kbir dawn ir‑rivelazzjonijiet u bdew iqisuhom bħala messaġġi minn Alla. Darba waħda, għall‑aħħar tas‑sena 1831, bosta presbiteri tal‑Knisja taw xhieda solenni li l‑Mulej kien qasam ix‑xhieda tiegħu magħhom tal‑verità ta’ dawn ir‑rivelazzjonijiet. Din ix‑xhieda ġiet ippubblikata fl‑edizzjoni tal‑1835 tad‑Duttrina u Patti bħala testimonjanza miktuba tat‑Tnax‑il Appostlu:
Testimonjanza mogħtija mit‑
Tnax‑il Appostlu tal‑Verità tal‑
Ktieb tad‑Duttrina u Patti
It‑Testimonjanza mogħtija mix‑Xhieda tal‑Ktieb tal‑Kmandamenti tal‑Mulej, liema kmandamenti Huwa tahom lill‑Knisja tiegħu permezz ta’ Joseph Smith, Jun., li ġie maħtur permezz ta’ leħen il‑Knisja għal dan il‑għan:
Aħna, għalhekk, inħossu li għandna naqsmu x‑xhieda tagħna mad‑dinja kollha umana, ma’ kull ħlejqa fuq wiċċ l‑art, li l‑Mulej qasam ix‑xhieda tiegħu magħna, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu li ġie msawwab fuqna, li dawn il‑kmandamenti li ngħataw ġew mnebbħa minn Alla, u huma ta’ siwi għall‑bnedmin kollha u huma vera tabilħaqq.
Aħna nagħtu din ix‑xhieda lid‑dinja, bil‑Mulej l‑għajnuna tagħna; u huwa permezz tal‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, li aħna ġejna mogħtija dan il‑privileġġ li naqsmu din ix‑xhieda mad‑dinja, u minħabba f’hekk aħna nifirħu bil‑kbir u nitolbu dejjem lill‑Mulej li x‑xhieda tagħna tkun ta’ siwi għal ulied il‑bnedmin.
L‑ismijiet tat‑Tnax kienu:
-
Thomas B. Marsh
-
David W. Patten
-
Brigham Young
-
Heber C. Kimball
-
Orson Hyde
-
William E. McLellin
-
Parley P. Pratt
-
Luke S. Johnson
-
William Smith
-
Orson Pratt
-
John F. Boynton
-
Lyman E. Johnson
Fl‑edizzjonijiet suċċessivi tad‑Duttrina u Patti, ġew miżjuda wkoll ċerti rivelazzjonijiet jew ħwejjeġ oħra importanti, hekk kif ġew mogħtija u aċċettati minn assemblea kompetenti jew mill‑konferenzi tal‑Knisja. Fl‑edizzjoni tal‑1876, imħejjija mill‑Presbiteru Orson Pratt taħt id‑direzzjoni ta’ Brigham Young, ir‑rivelazzjonijiet ġew irranġati b’mod kronoloġiku u saru wkoll intestaturi ġodda b’introduzzjonijiet storiċi.
Mill‑edizzjoni tal‑1835, ġiet inkluża magħhom ukoll serje ta’ seba’ lezzjonijiet teologiċi; dawn ingħataw l‑isem Lectures on Faith. Dawn ġew imħejjija biex jintużaw fl‑Iskola tal‑Profeti f’Kirtland, Ohio, mill‑1834 sa l‑1835. Minkejja li huma kienu ta’ siwi bħala duttrina u tagħlim, dawk il‑lezzjonijiet ilhom li tneħħew mid‑Duttrina u Patti sa mill‑edizzjoni tal‑1921 peress li huma ma ġewx mogħtija, jew ippreżentati, bħala rivelazzjonijiet għall‑Knisja kollha.
Fl‑edizzjoni bl‑Ingliż tal‑1981 tad‑Duttrina u Patti, ġew inkulżi wkoll għall‑ewwel darba tliet dokumenti. Dawn huma sezzjonijiet 137 u 138, li jiddikjaraw id‑duttrina fundamentali tas‑salvazzjoni għall‑mejtin; u Dikjarazzjoni Uffiċjali 2, li tħabbar li l‑membri rġiel denji kollha tal‑Knisja setgħu jiġu ordnati għas‑saċerdozju irrispettivament ir‑razza jew il‑kulur tagħhom.
F’kull edizzjoni ġdida tad‑Duttrina u Patti ġew ikkoreġuti wkoll ċerti żbalji li saru fil‑passat u ġiet miżjuda ċerta informazzjoni ġdida, partikolarment fil‑partijiet storiċi tal‑intestaturi tas‑sezzjonijiet. Fl‑edizzjoni preżenti komplew jiġu ċċarati d‑dati u l‑ismijiet tal‑postijiet u sar ukoll ċertu tibdil ieħor. Dan it‑tibdil sar biex il‑materjal ikun f’konforma mal‑aktar informazzjoni storika preċiża. Features speċjali oħra ta’ din l‑aħħar edizzjoni jinkludu mapep riveduti li juru l‑postijiet ġeografiċi ewlenin li fihom ġew mogħtija r‑rivelazzjonijiet, kif ukoll ritratti ta’ siti storiċi tal‑Knisja, referenzi ma’ skrittura oħra, intestaturi tas‑sezzjonijiet, u summarji skont is‑suġġett aktar preċiżi milli kien hemm qabel, u lkoll kemm huma ġew imfassla biex jgħinu lill‑qarrejja jifhmu l‑messaġġ tal‑Mulej, u jifirħu permezz tiegħu, kif ġie mogħti fid‑Duttrina u Patti. L‑informazzjoni għall‑intestaturi tas‑sezzjonijiet ġiet meħuda mill‑Istorja tal‑Manuskritti tal‑Knisja u mill‑History of the Church li ġiet ippubblikata, (li flimkien nirreferu għalihom fl‑intestaturi bħala l‑istorja ta’ Joseph Smith.) Joseph Smith Papers.