Sezzjoni 68
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Hiram, Ohio, nhar l‑1 ta’ Novembru, 1831, bi tweġiba għal talba biex il‑Mulej jiżvela x’kienet ir‑rieda tiegħu għal Orson Hyde, Luke S. Johnson, Lyman E. Johnson, u William E. McLellin. Minkejja li parti sewwa minn din ir‑rivelazzjoni kienet indirizzata lil dawn l‑erba’ rġiel, ħafna mill‑kontenut jappartjeni lill‑Knisja kollha. Din ir‑rivelazzjoni ġiet estiża taħt id‑direzzjoni ta’ Joseph Smith meta hija ġiet ippubblikata fl‑edizzjoni tal‑1835 tad‑Duttrina u Patti.
1–5, Kliem il‑presbiteri meta jkun taħt l‑influwenza tal‑Ispirtu s‑Santu għandu jitqies bħala skrittura; 6–12, Il‑presbiteri għandhom ixandru l‑kelma u jgħammdu, u s‑sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu tassew; 13–24, L‑iben il‑kbir minn fost l‑ulied subien ta’ Aron jista’ jservi bħala l‑Isqof li Jippresedi (jiġifieri, jista’ jħaddan l‑imfietaħ tal‑presidenza bħala isqof) taħt id‑direzzjoni tal‑Ewwel Presidenza; 25–28, Il‑ġenituri huma ordnati jgħallmu l‑evanġelju lil uliedhom; 29–35, Il‑Qaddisin għandhom josservaw Jum il‑Mulej, jaħdmu bil‑ħrara, u jitolbu.
1 Il‑qaddej tiegħi, Orson Hyde, ġie msejjaħ permezz tal‑ordinazzjoni tiegħu biex imur ixandar l‑evanġelju ta’ dejjem, permezz tal‑Ispirtu ta’ Alla l‑ħaj, minn poplu għall‑ieħor, u minn art għall‑oħra, fil‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena, fis‑sinagogi tagħhom, u għandu jiddiskuti magħhom u jfissrilhom l‑iskrittura kollha.
2 U araw, dan għandu jkun eżempju li fuqu għandhom jimxu dawk kollha li ġew ordnati għal dan is‑saċerdozju, dawk li l‑missjoni li ġew maħturin għaliha hi li jmorru jxandru l‑kelma—
3 U dan għandu jkun ta’ eżempju għalihom, li huma għandhom jiftħu fommhom meta jkunu taħt l‑influwenza tal‑Ispirtu s‑Santu.
4 U dak kollu li huma jgħidu meta jkunu taħt l‑influwenza tal‑Ispirtu s‑Santu għandu jitqies bħala skrittura, u jkun ir‑rieda tal‑Mulej, u l‑moħħ tal‑Mulej, u l‑kelma tal‑Mulej, u l‑leħen tal‑Mulej, u l‑qawwa ta’ Alla għas‑salvazzjoni.
5 Araw, din hija l‑wegħda tal‑Mulej għalikom, O qaddejja tiegħi.
6 Għalhekk, agħmlu l‑qalb, u tibżgħux, għax jiena l‑Mulej ninsab magħkom, u nieqaf magħkom; u intom għandkom tixhdu għalija, l‑istess Ġesù Kristu, li jiena Bin Alla l‑ħaj, li kont, li għadni, u li għandi niġi.
7 Din hija l‑kelma tal‑Mulej għalik, O qaddej tiegħi Orson Hyde, kif ukoll għalik O qaddej tiegħi Luke Johnson, kif ukoll għalik O qaddej tiegħi Lyman Johnson, u kif ukoll għalik O qaddej tiegħi William E. McLellin, u għall‑presbiteri fidili kollha tal‑knisja tiegħi—
8 Morru fid‑dinja kollha, xandru l‑evanġelju lil kull ħlejqa, u agħmlu dan bl‑awtorità li jiena tajtkom, u għammdu fl‑isem tal‑Missier, u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu.
9 U min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.
10 U min jemmen jiġi mbierek bis‑sinjali, li jsieħbu lil dak li jemmen, sewwasew kif hemm miktub.
11 U jingħata lilkom li intom tagħrfu s‑sinjali taż‑żminijiet, u s‑sinjali tal‑miġja ta’ Bin il‑Bniedem;
12 U lilkom kollha tingħata l‑qawwa li tissiġillaw lil dawk kollha li l‑Missier jgħidilkom sabiex tissiġillaw għall‑ħajja ta’ dejjem. Ammen.
13 U issa, dawn huma l‑ħwejjeġ li għandhom jiżdiedu mal‑patti u l‑kmandamenti—
14 Għad baqa’ isqfijiet oħra li aktar tard, fiż‑żmien dovut tal‑Mulej, għandhom jinħatru fil‑knisja, sabiex jimministraw sewwasew bħall‑ewwel wieħed;
15 Għalhekk huma għandhom ikunu qassisin il‑kbar denji, u għandhom jingħażlu mill‑Ewwel Presidenza tas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek, sakemm huma ma jkunux ġejjin litteralment min‑nisel ta’ Aron.
16 U jekk huma jkunu ġejjin litteralment min‑nisel ta’ Aron huma għandhom id‑dritt legali għall‑veskovat, jekk huma l‑iben il‑kbir minn fost l‑ulied subien ta’ Aron;
17 Għax l‑iben il‑kbir għandu d‑dritt tal‑presidenza fuq dan is‑saċerdozju, u tal‑imfietaħ jew l‑awtorità tal‑istess saċerdozju.
18 L‑ebda bniedem m’għandu dritt legali għal dan l‑uffiċċju, li jħaddan l‑imfietaħ ta’ dan is‑saċerdozju, ħlief dak li ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron u li huwa l‑iben il‑kbir ta’ Aron.
19 Iżda, peress li qassis il‑kbir tas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek għandu l‑awtorità li jiffunzjona fl‑uffiċċji iżgħar kollha huwa jista’ jiffunzjona fl‑uffiċċju ta’ isqof meta ma jinstab ħadd li jkun ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron, dejjem jekk huwa jiġi maħtur u ordnat għal din is‑setgħa, minn taħt idejn l‑Ewwel Presidenza tas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek.
20 U dawk li jkunu ġejjin litteralment min‑nisel ta’ Aron għandhom ukoll jingħażlu minn din il‑Presidenza, u għandhom jinstabu denji, u għandhom jiġu midluka u ordnati minn taħt idejn din il‑Presidenza, inkella huma ma jkunux awtorizzati b’mod legali biex jiffunzjonaw fis‑saċerdozju tagħhom.
21 Iżda, bis‑saħħa tad‑digriet dwar id‑dritt tagħhom għas‑saċerdozju li jgħaddi minn missier għall‑iben, huma jistgħu jesieġu d‑dritt tagħhom li jiġu midluka jekk f’xi ħin huma jipprovdu l‑arblu tar‑razza tagħhom, jew jekk jiġi determinat dan permezz ta’ rivelazzjoni mill‑Mulej minn idejn il‑Presidenza li ssemmiet aktar ’il fuq.
22 U għal darb’oħra, l‑ebda isqof jew qassis il‑kbir li jinħatar għal dan il‑ministeru m’għandu jgħaddi ġuri jew jiġi kkundannat għal xi reat, qabel ma l‑ewwel jidher quddiem l‑Ewwel Presidenza tal‑knisja;
23 U jekk huwa jinstab ħati quddiem din il‑Presidenza, permezz ta’ xhieda li ma tistax tiġi skreditata, huwa għandu jiġi kkundannat;
24 U jekk huwa jindem, huwa jiġi maħfur, skont il‑patti u l‑kmandamenti tal‑knisja.
25 U għal darb’oħra, jekk il‑ġenituri jkollhom it‑tfal f’Sijon, jew f’xi wieħed mill‑pali tagħha li ġie organizzat, u ma jgħallmuhomx sabiex jifhmu d‑duttrina tal‑indiema, u l‑fidi fi Kristu Bin Alla l‑ħaj, u tal‑magħmudija u d‑don tal‑Ispirtu s‑Santu permezz tat‑tqegħid tal‑idejn, meta wliedhom ikollhom tmien snin, id‑dnub ikun fuq ras il‑ġenituri.
26 U din għandha tkun liġi għal dawk kollha li jgħammru f’Sijon, jew f’xi wieħed mill‑pali tagħha li ġie organizzat.
27 U wliedhom għandhom jitgħammdu għall‑maħfra ta’ dnubiethom, meta jkollhom tmien snin, u għandhom jirċievu t‑tqegħid tal‑idejn.
28 U għandhom jgħallmu lil uliedhom ukoll sabiex jitolbu, u jimxu bla ħtija quddiem il‑Mulej.
29 U dawk kollha li jgħammru f’Sijon għandhom josservaw ukoll jum il‑Mulej u jqaddsuh.
30 U dawk kollha li jgħammru f’Sijon għandhom jiftakru biex iwettqu ħidmiethom, jekk huma jiġu msejħa għall‑ħidma, bil‑fedeltà kollha; għax il‑Mulej jibqa’ jiftakar lil min ix‑xogħol jaħarbu.
31 Issa, jien, il‑Mulej, m’iniex kuntent b’dawk li jgħammru f’Sijon, għax fosthom hemm min ix‑xogħol jaħarbu; u wliedhom ukoll qed jikbru fil‑ħażen; huma mhumiex ifittxu b’ħerqa l‑ġid li jibqa’ għal dejjem, iżda għajnejhom mimlijin regħba.
32 Dawn il‑ħwejjeġ m’għandhomx ikunu, u għandhom jieqfu jiġru fosthom; għalhekk, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery imur ixandar dan il‑kliem fl‑art ta’ Sijon.
33 U jiena nagħtihom kmandament—li l‑imħallef tal‑poplu tiegħi għandu jibqa’ jiftakar lil min ma joffrix talbu lill‑Mulej meta jkun il‑waqt li huwa jagħmel dan.
34 Dan il‑kliem huwa kollu minnu u ta’ min joqgħod fuqu; għalhekk, la tmorrux kontra dan il‑kliem, u araw li ma tneħħu xejn minnu.
35 Araw, jien l‑Alfa u l‑Omega, u jiena ġej dalwaqt. Ammen.