Sezzjoni 59
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Sijon, fil‑Kontea ta’ Jackson, nhar is‑7 ta’ Awwissu, 1831. Qabel ma ngħatat din ir‑rivelazzjoni, ġiet ikkonsagrata l‑art, kif talabhom jagħmlu l‑Mulej, u ġie ddedikat il‑post fejn kellu jinbena t‑tempju fil‑futur. Fil‑jum li fih ġiet mogħtija din ir‑rivelazzjoni, mietet Polly Knight, il‑mara ta’ Joseph Knight Sr., l‑ewwel membru tal‑Knisja li mietet f’Sijon. L‑ewwel membri kkaratterizzaw din ir‑rivelazzjoni bħala “struzzjoni lill‑Qaddisin kif huma għandhom iħarsu jum il‑Mulej u kif għandhom isumu u jitolbu.”
1–4, Il‑Qaddisin fidili f’Sijon se jkunu mberkin; 5–8, Huma għandhom iħobbu u jaqdu lill‑Mulej u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu; 9–19, Jekk huma jħarsu jum il‑Mulej, il‑Qaddisin jiġu mberkin b’mod temporali u spiritwali; 20–24, It‑twajbin huma mwiegħda l‑paċi f’din id‑dinja u l‑ħajja ta’ dejjem fid‑dinja li għandha tiġi.
1 Araw, imberkin dawk li ġew f’din l‑art, jgħid il‑Mulej, b’ħaristhom iffukata fuq il‑glorja tiegħi, skont il‑kmandamenti tiegħi.
2 Għax dawk li jgħixu sejrin jiksbu l‑art, u dawk li jmutu sejrin jistrieħu mit‑taħbit kollu tagħhom, u l‑għemejjel tagħhom sejrin imorru magħhom; u huma sejrin jiksbu kuruna fil‑postijiet ta’ Missieri li jiena ħejjejt għalihom.
3 Iva, imberkin dawk, li riġlejhom jinsabu fuq l‑art ta’ Sijon, li obdew l‑evanġelju tiegħi; għax bħala ħlas huma sejrin jirċievu l‑ġid tal‑art, u dan se jingħata lilhom bil‑kotra.
4 U huma sejrin ukoll jiġu mogħnija b’barkiet mill‑għoli, iva, kif ukoll b’bosta kmandamenti u rivelazzjonijiet meta jkun il‑waqt—dawk li huma fidili u diliġenti f’għajnejja.
5 Għalhekk, jiena nagħtihom kmandament, fejn ngħidilhom: Inti għandek tħobb lill‑Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ħiltek kollha, b’moħħok kollu, u bil‑qawwa tiegħek kollha; u lilu għandek taqdi f’isem Ġesù Kristu.
6 Inti għandek tħobb lil għajrek bħalek innifsek. La tisraqx; lanqas m’għandek tagħmel adulterju, la toqtolx jew tagħmel ħwejjeġ bħal dawn.
7 Għandek tiżżi ħajr lill‑Mulej Alla tiegħek f’kollox.
8 Għandek toffri sagrifiċċju lill‑Mulej Alla tiegħek fis‑sewwa, sewwasew sagrifiċċju ta’ qalb maqsuma u spirtu niedem.
9 U biex inti tkun tista’ żżomm ruħek aħjar bla tinġis ’il bogħod mid‑dinja, inti għandek tmur fid‑dar tat‑talb u toffri s‑sagramenti tiegħek fil‑jum imqaddes tiegħi;
10 Għax tassew li dan il‑jum ġie mogħti lilek biex inti tistrieħ minn ħidmietek, u toffri qima lil Alla l‑Għoli;
11 Madankollu, inti għandek toffri l‑wegħdi tiegħek fis‑sewwa kull jum u f’kull ħin;
12 Iżda ftakar li f’dan il‑jum, jum il‑Mulej, inti għandek toffri l‑offerti tiegħek u s‑sagramenti tiegħek lil Alla l‑Għoli, u għandek tistqarr dnubietek ma’ ħutek, u quddiem il‑Mulej.
13 U f’dan il‑jum m’għandek tagħmel xejn aktar, għajr li tħejji l‑ikel tiegħek b’qalb safja, biex is‑sawma tiegħek tkun sħiħa, jew, fi kliem ieħor, biex l‑hena tiegħek tkun sħiħa.
14 Tassew ngħidlek li dan huwa s‑sawm u t‑talb, jew fi kliem ieħor, l‑hena u t‑talb.
15 U jekk intom tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ b’radd ta’ ħajr, b’qalb ferħana u bi tbissima fuq ħaddejkom, mhux tfaqqgħu d‑daħq, għax dan huwa dnub, iżda b’qalb ferħana u bi tbissima fuq ħaddejkom—
16 Tassew ngħidilkom, li jekk intom tagħmlu dan, intom tiksbu l‑milja tal‑art, il‑bhejjem tar‑raba’ u l‑għasafar tal‑ajru, u l‑annimali li jitilgħu fuq is‑siġar u li jimxu mal‑art;
17 Iva, il‑ħaxix, u kull ħaġa tajba li tikber fl‑art, sew jekk għall‑ikel u sew għall‑ilbies, jew għad‑djar, jew għall‑imħażen, jew għall‑ġonna tal‑frott, jew għal ġonna oħra, jew għall‑għelieqi tad‑dwieli;
18 Iva, dak kollu li jikber fl‑art, f’waqtu, inħoloq għall‑benefiċċju u għall‑użu tal‑bniedem, kemm biex ipaxxi l‑għajn kif ukoll biex iferraħ il‑qalb;
19 Iva, kemm għall‑ikel kif ukoll għall‑ilbies, kemm għat‑togħma kif ukoll għar‑riħa, kemm biex isaħħaħ il‑ġisem kif ukoll biex jistimula r‑ruħ.
20 U huwa l‑pjaċir ta’ Alla li huwa ta dan kollu lill‑bniedem; għax għal dan il‑għan huma ħoloqhom biex jintużaw b’għaqal, u mhux bir‑rebgħa, jew b’ingann.
21 U f’xejn il‑bniedem ma joffendi ’l Alla, u għal ħadd huwa ma jinkorla, għajr għal dawk li ma jagħrfux is‑sehem tiegħu f’kollox, u li ma jobdux il‑kmandamenti tiegħu.
22 Araw, dan huwa skont il‑liġi u l‑profeti; għalhekk, la tinkwetawx aktar dwar dil‑ħaġa.
23 Iżda jeħtieġ li tagħrfu li min iwettaq opri tajba sejjer jingħata l‑ħlas tiegħu, sewwasew il‑paċi f’din id‑dinja u l‑ħajja ta’ dejjem fid‑dinja li jmiss.
24 Jiena, il‑Mulej, tkellimt, u l‑Ispirtu jagħti xhieda ta’ dan. Ammen.