Sezzjoni 46
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lill‑Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar it‑8 ta’ Marzu, 1831. F’dan iż‑żmien bikri tal‑Knisja, kien għadu ma ġiex identifikat mudell komuni kif jitmexxew is‑servizzi tal‑Knisja. Madankollu, kienet saret drawwa komuni li għal‑laqgħat tas‑sagrament u laqgħat oħra tal‑Knisja jitħallew jidħlu biss il‑membri u dawk li kienu qed jinvestigaw b’serjetà l‑Knisja. Din ir‑rivelazzjoni tesprimi r‑rieda tal‑Mulej fejn jidħlu l‑kontroll u t‑tmexxija tal‑laqgħat u d‑direzzjoni tiegħu biex wieħed ifittex u jagħraf id‑don tal‑Ispirtu.
1–2, Il‑Presbiteri għandhom imexxu l‑laqgħat skont il‑gwida li jirċievu mingħand l‑Ispirtu s‑Santu; 3–6, Dawk li jkunu qed ifittxu l‑verità m’għandhomx jiġu esklużi mis‑servizzi tas‑sagrament; 7–12, Itolbu ’l Alla u fittxu d‑don tal‑Ispirtu; 13–26, Elenkati xi wħud minn dawn id‑doni; 27–33, Il‑mexxejja tal‑Knisja huma mogħtija l‑qawwa li jagħrfu d‑doni tal‑Ispirtu.
1 Agħtu widen, O poplu tal‑knisja tiegħi; għax tassew ngħidilkom li jien għidtilkom dawn il‑ħwejjeġ għall‑ġid tagħkom u biex intom titgħallmu.
2 Iżda minkejja dawk il‑ħwejjeġ li jinsabu miktubin, il‑presbiteri tal‑knisja tiegħi ġew mitlubin dejjem sa mill‑bidu, u għal dejjem, biex imexxu l‑laqgħat kollha kif jiġu mmexxija jagħmlu, u skont il‑gwida li jirċievu, mill‑Ispirtu s‑Santu.
3 Madankollu jiena nordnalkom biex intom qatt ma tkeċċu lil ħadd mil‑laqgħat pubbliċi tagħkom, li jittellgħu fil‑preżenza tan‑nies tad‑dinja.
4 Nordnalkom ukoll biex ma tkeċċu ’l ħadd li jagħmel parti mill‑knisja ’l barra mil‑laqgħat tagħkom tas‑sagrament; madankollu, jekk ikun hemm xi ħadd li għamel il‑ħażin, tħalluhx jieħu sehem qabel ma l‑ewwel huwa jindem.
5 U għal darb’oħra ngħidilkom, araw li ma tkeċċu ’l ħadd mil‑laqgħat tagħkom tas‑sagrament li qed ifittex b’serjetà s‑saltna—Hawn qed nirreferi għal dawk li mhumiex parti mill‑knisja.
6 U għal darb’oħra ngħidilkom, fejn jidħlu l‑laqgħat tagħkom ta’ konferma, jekk ikun hemm xi ħadd li mhuwiex parti mill‑knisja, li qed ifittex b’serjeta s‑saltna, araw li ma tkeċċuhx ’il barra.
7 Iżda jien nordnalkom biex f’kull ħaġa titolbu ’l Alla, li jagħti b’id miftuħa; u jiena rridkom li tagħmlu wkoll dak li jixhed magħkom l‑Ispirtu b’qalb safja, u timxu bis‑sewwa quddiemi, waqt li tirriflettu dwar l‑eżitu tas‑salvazzjoni tagħkom, u f’kull ħaġa li tagħmlu araw li titolbu u troddu ħajr, ħalli ma tiġux imqarrqin mill‑ispirti ħżiena, jew mid‑duttrina tax‑xjaten, jew mill‑kmandamenti tal‑bnedmin; għax xi wħud huma ġejjin mill‑bnedmin u oħrajn mix‑xjaten.
8 Għalhekk, oqogħdu attenti li ma titqarrqux; u biex intom ma titqarrqux fittxu bil‑ħerqa l‑aqwa doni, u ftakru dejjem għalfejn ingħataw;
9 Għax tassew ngħidilkom, huma ngħataw għall‑benefiċċju ta’ dawk li jħobbuni u li jħarsu l‑kmandamenti kollha tiegħi, u għal min ifittex li jagħmel dan; biex jibbenefikaw dawk kollha li jfittxuni jew li jitolbuni, u li ma jitolbux li jingħataw xi sinjal ħalli jkunu jistgħu jissodisfaw xewqathom.
10 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, irridkom li dejjem tiftakru, u żżommu dejjem f’moħħkom x’inhuma sewwasew dawk id‑doni, li huma mogħtija lill‑knisja.
11 Għax mhux kulħadd jingħata d‑doni kollha; għax id‑doni huma ħafna, u kull bniedem jingħata don permezz tal‑Ispirtu ta’ Alla.
12 Xi wħud jingħataw wieħed, u xi wħud jingħataw ieħor, ħalli lkoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.
13 Lil xi wħud jingħatalhom permezz tal‑Ispirtu s‑Santu li jkunu jafu li Ġesù Kristu huwa l‑Iben ta’ Alla, u li huwa ġie msallab għad‑dnubiet tad‑dinja.
14 Lil oħrajn jingħatalhom li huma jemmnu fi kliemhom, ħalli huma wkoll ikun jista’ jkollhom il‑ħajja ta’ dejjem jekk huma jibqgħu fidili.
15 U għal darb’oħra, lil xi wħud jingħatalhom permezz tal‑Ispirtu s‑Santu li jkunu jafu d‑diversi modi ta’ amministrazzjoni, skont kif jogħġob lill‑istess Mulej, u skont ir‑rieda tal‑Mulej, li juri l‑ħniena tiegħu skont iċ‑ċirkustanzi ta’ wlied il‑bnedmin.
16 U għal darb’oħra, xi wħud jingħatalhom permezz tal‑Ispirtu s‑Santu li jkunu jafu d‑diversi operati differenti, jekk humiex ġejjin minn Alla, biex kull bniedem jingħata r‑rivelazzjoni tal‑Ispirtu għall‑ġid ta’ kulħadd.
17 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li xi wħud tingħatalhom, permezz tal‑Ispirtu ta’ Alla, il‑kelma tal‑għerf.
18 Lil oħrajn tingħatalhom il‑kelma tas‑sapjenza, ħalli lkoll jiġu mgħallmin biex jimxu b’għaqal u jiksbu l‑għarfien.
19 U għal darb’oħra, lil xi wħud jingħatalhom li jkollhom il‑fidi li jitfejqu;
20 U lil oħrajn jingħatalhom li jkollhom il‑fidi li jfejqu.
21 U għal darb’oħra, lil xi wħud tingħatalhom is‑setgħa tal‑mirakli;
22 U lil oħrajn jingħatalhom id‑don li jħabbru;
23 U lil oħrajn id‑don tal‑għażla tal‑ispirti.
24 U għal darb’oħra, lil xi wħud jingħatalhom li jitkellmu bl‑ilsna;
25 U lil xi wħud jingħatalhom it‑tifsir tal‑ilsna.
26 U dawn id‑doni kollha ġejjin minn Alla, għall‑benefiċċju ta’ wlied Alla.
27 U lill‑isqof tal‑knisja, u lil dawk li Alla jaħtar u jordna biex iħarsu l‑knisja u biex ikunu presbiteri għall‑knisja, jingħata lilhom li jagħrfu dawk id‑doni kollha, ma jmurx ikun hemm xi ħadd fostkom li jistqarr li hu mibgħut minn Alla u ma jkunx.
28 U għad jiġri li min jitlob permezz tal‑Ispirtu huwa jingħata permezz tal‑Ispirtu;
29 U lil xi wħud jingħatalhom li jkollhom dawk id‑doni kollha, sabiex ikun hemm mexxej, għall‑benefiċċju ta’ kull membru.
30 Min jitlob permezz tal‑Ispirtu ikun qed jitlob skont ir‑rieda ta’ Alla; għalhekk jingħata lilu sewwasew hekk kif jitlob.
31 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom, kollox għandu jsir f’isem Kristu, dak kollu li intom tagħmlu fl‑Ispirtu;
32 U għandkom troddu ħajr lil Alla fl‑Ispirtu għal kull barka li ġejtu mberkin biha.
33 U jeħtieġ li intom taġixxu dejjem bil‑virtù u l‑qdusija quddiemi. Hekk għandu jkun. Ammen.