Sezzjoni 44
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u Sidney Rigdon, f’Kirtland, Ohio, għall‑aħħar ta’ Frar, 1831. F’konformità mal‑kundizzjoni elenkata f’din ir‑rivelazzjoni, il‑Knisja talbet biex tittella’ konferenza fil‑bidu tax‑xahar ta’ Ġunju ta’ wara.
1–3, Il‑Presbiteri għandhom jinġabru flimkien waqt konferenza; 4–6, Huma għandhom jorganizzaw skont il‑liġijiet tal‑pajjiż u biex huma jieħdu ħsieb il‑foqra.
1 Araw, dan jgħid il‑Mulej lilkom il‑qaddejja tiegħi, jiena nħoss li jkun jaqbel li l‑presbiteri tal‑knisja tiegħi jissejħu sabiex jiltaqgħu flimkien, mil‑lvant u mill‑punent, u mit‑tramuntana u min‑nofsinhar, permezz ta’ xi ittra jew b’xi mod ieħor.
2 U għad jiġri, li diment li huma jibqgħu fidili, u jeżerċitaw il‑fidi tagħhom fija, jiena nsawwab fuqhom l‑Ispirtu tiegħi fil‑jum li fih huma jinġabru flimkien.
3 U għad jiġri li huma għandhom imorru fl‑inħawi tal‑madwar, u jxandru l‑indiema lin‑nies.
4 U huma l‑ħafna li se jikkonvertu, tant li intom sejrin tiksbu qawwa sabiex torganizzaw lilkom infuskom skont il‑liġijiet tal‑bniedem;
5 Ħalli l‑għedewwa tagħkom ma jkollhom l‑ebda setgħa fuqkom; ħalli intom tiġu mħarsa f’kollox; biex intom tkunu tistgħu tħarsu l‑liġijiet tiegħi; biex kull patt li permezz tiegħu l‑għadu jipprova jeqred lill‑poplu tiegħi jkun jista’ jinkiser.
6 Araw, jien ngħidilkom, li jeħtieġ li intom iżżuru lill‑foqra u lil dawk fil‑bżonn u tipprovdulhom dak li jeħtieġu, ħalli huma jibqgħu jiġu mħarsa sakemm kollox jiġi fis‑seħħ, skont il‑liġi tiegħi li intom ingħatajtu. Ammen.