Sezzjoni 42
Rivelazzjoni mogħtija f’żewġ partijiet permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar id‑9 u t‑23 ta’ Frar, 1831. L‑ewwel parti, li tikkonsisti minn vers 1 sa vers 72, ġiet mogħtija fil‑preżenza ta’ tnax‑il presbiteru u ġabet fis‑seħħ il‑wegħda li kien għamel qabel il‑Mulej li “l‑liġi” kienet se tingħata ġewwa Ohio (ara sezzjoni 38:32). It‑tieni parti tikkonsisti minn vers 73 sa vers 93. Il‑Profeta ddikjara li f’din ir‑rivelazzjoni “tinsab il‑liġi tal‑Knisja.”
1–10, Il‑presbiteri huma msejħa sabiex ixandru l‑evanġelju, jgħammdu lill‑ikkonvertiti, u jibnu l‑Knisja; 11–12, Jeħtieġ li huma jiġu msejħa u ordnati u huma għandhom jgħallmu l‑prinċipji tal‑evanġelju kif jinsabu fl‑iskrittura; 13–17, Huma għandhom jgħallmu u jħabbru bil‑qawwa tal‑Ispirtu; 18–29, Il‑Qaddisin huma ordnati biex ma joqtlux, ma jisirqux, ma jgħidux kelma b’oħra, ma jagħtuhiex għall‑ġibdiet ħżiena, ma jagħmlux adulterju, u ma jgħidu xejn ħażin fuq ħaddieħor; 30–39, Elenkati l‑liġijiet li jirregolaw il‑konsagrazzjoni tal‑proprjetà; 40–42, Il‑Mulej jikkundanna l‑kburija u l‑għażż; 43–52, Il‑morda għandhom jitfejqu permezz tal‑amministrazzjoni u permezz tal‑fidi; 53–60, Fl‑iskrittura nsibu l‑liġijiet li fuqhom għandha timxi l‑Knisja u hija għandha tiġi mxandar mad‑dinja; 61–69, Se jiġi żvelat il‑post fejn sejra tinbena Ġerusalemm il‑Ġdida u se jiġu żvelati wkoll il‑misteri tas‑saltna; 70–73, Il‑propjetà kkonsagrata għandha tintuża biex tissapportja l‑uffiċjali tal‑Knisja; 74–93, Elenkati liġijiet relatati maż‑żina, mal‑adulterju, mal‑qtil, mas‑serq, u mal‑qrar tad‑dnub.
1 Agħtu widen, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, li nġbartu flimkien f’ismi, l‑istess Ġesù Kristu Bin Alla l‑ħaj, is‑Salvatur tad‑dinja; għaliex intom temmnu f’ismi u tħarsu l‑kmandamenti tiegħi.
2 Għal darb’oħra ngħidilkom, agħtu widen u isimgħu u obdu l‑liġi li jien se nagħtikom.
3 Għax tassew ngħidilkom, peress li intom inġbartu flimkien skont il‑kmandament li permezz tiegħu jiena tajtkom l‑ordni tiegħi, dwar dil‑ħaġa, u għax intom tlabtu lill‑Missier f’ismi, b’hekk se jingħata lilkom.
4 Araw, tassew, ngħidilkom, jiena se nagħtikom dan l‑ewwel kmandament, li intom għandkom tmorru f’ismi, kull wieħed minnkom, minbarra l‑qaddejja tiegħi Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon.
5 U jiena nagħtihom kmandament li huma għandhom imorru biss għal ftit żmien, u se jiġi żvelat lilhom bil‑qawwa tal‑Ispirtu meta huma għandhom jerġgħu lura.
6 U intom għandkom tmorru, tnejn tnejn, bil‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi, ixxandru l‑evanġelju tiegħi f’ismi, u ssemmgħu leħinkom bħad‑daqq tat‑tromba, ixxandru l‑kelma tiegħi bħall‑anġli ta’ Alla.
7 U għandkom tmorru tgħammdu bl‑ilma u tgħidu: Indmu, indmu, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib.
8 U minn hawn għandkom tmorru fl‑inħawi tal‑punent; u meta ssibu lil dawk li lesti jilqgħukom, intom għandkom tibnu l‑knisja tiegħi f’kull reġjun—
9 Sakemm jasal iż‑żmien meta jiġi żvelat lilkom mill‑għoli, meta għandha titwaqqaf il‑belt ta’ Ġerusalemm il‑Ġdida, ħalli intom tkunu tistgħu tinġabru f’post wieħed, biex intom tkunu l‑poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom.
10 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom li l‑qaddej tiegħi Edward Partridge għandu jwettaq dmiru fl‑uffiċċju li jien sejjaħtlu għalih. U għad jiġri li jekk huwa jaqa’ fit‑trasgressjoni jien naħtar lil ħaddieħor minfloku. Hekk għandu jkun. Ammen.
11 Għal darb’oħra ngħidilkom li mhux kulħadd se jingħata li jmur ixandar l‑evanġelju tiegħi, jew li jibni l‑knisja tiegħi, ħlief dak li jiġi ordnat minn xi ħadd li għandu l‑awtorità, u jkun magħruf fil‑knisja li għandu l‑awtorità u li ġie ordnat b’mod xieraq mill‑mexxejja tal‑knisja.
12 Barra minn hekk, il‑presbiteri, il‑qassisin u l‑għalliema ta’ din il‑knisja għandhom jgħallmu l‑prinċipji tal‑evanġelju tiegħi, li jinsabu fil‑Bibbja u fil‑Ktieb ta’ Mormon, li fih tinsab il‑milja tal‑evanġelju.
13 U huma għandhom jaraw li josservaw il‑patti u l‑artikli tal‑knisja, u lilhom għandhom jgħallmu, kif jiġu mmexxija mill‑Ispirtu.
14 U l‑Ispirtu jingħata lilkom permezz tat‑talb tal‑fidi; u jekk ma tingħatawx l‑Ispirtu m’għandkomx tgħallmu.
15 U dwar it‑tagħlim tagħkom araw li tosservaw dan kollu kif ordnajtilkom jien, sakemm intom tingħataw il‑milja tal‑iskrittura tiegħi.
16 U hekk kif intom issemmgħu leħinkom permezz tal‑Farrâġ, intom tibdew titkellmu u tħabbru kif inħoss li huwa xieraq;
17 Għax araw, il‑Farrâġ jaf kollox, u jagħti xhieda tal‑Missier u tal‑Iben.
18 U issa, araw, jiena se nkellem lill‑knisja. La toqtolx; u min joqtol ma jikseb l‑ebda maħfra, la f’din id‑dinja u lanqas f’li ġejja.
19 U għal darb’oħra ngħidilkom, la toqtolx; iżda min joqtol għandu jingħata l‑mewt.
20 La tisraqx; u min jisraq u ma jindimx għandu jitkeċċa ’l barra.
21 La tgħidx kelma b’oħra; min jgħid kelma b’oħra u ma jindimx għandu jitkeċċa ’l barra.
22 Għandek tħobb lil martek b’qalbek kollha, u għandek tkun leali lejha u lejn ħadd aktar.
23 U min iħares lejn mara biex jixtieqha ikun qed jiċħad il‑fidi, u huwa ma jkollux miegħu l‑Ispirtu; u jekk ma jindimx huwa għandu jitkeċċa ’l barra.
24 La tagħmilx adulterju; u min jagħmel adulterju, u ma jindimx, għandu jitkeċċa ’l barra.
25 Iżda min jagħmel adulterju u jindem b’qalbu kollha, u jabbanduna l‑għemil ħażin tiegħu, u ma jagħmlux aktar, lilu għandek taħfer;
26 Iżda jekk jerġa’ jagħmel dan, ma jinħafirlux, iżda għandu jitkeċċa ’l barra.
27 La tgħid xejn ħażin kontra għajrek, u la tagħmillu l‑ebda ħsara.
28 Int taf li l‑liġijiet tiegħi dwar dawn il‑ħwejjeġ ġew mogħtija fl‑iskrittura tiegħi; min jidneb u ma jindimx għandu jitkeċċa ’l barra.
29 Jekk inti tħobbni, lili għandek taqdi u għandek tħares il‑kmandamenti kollha tiegħi.
30 U ara, inti għandek tiftakar fil‑fqar, u għandek tikkonsagra ġidek biex lilhom inti tgħin billi tagħtihom sehem minn ġidek, permezz ta’ patt u kuntratt li ma jistax jinkiser.
31 U jekk intom taqsmu ġidkom mal‑foqra, intom tkunu qed taqsmu ġidkom miegħi; u ġidkom għandu jitpoġġa quddiem l‑isqof tal‑knisja tiegħi u quddiem il‑kunsilliera tiegħu, tnejn mill‑presbiteri, jew qassisin il‑kbar, li hu jaħtar jew li ħatar, u li ġew distinti għal dak il‑għan.
32 U għad jiġri li wara li jitpoġġa quddiem l‑isqof tal‑knisja tiegħi, u wara li huwa jkun irċieva din ix‑xhieda dwar il‑konsagrazzjoni tal‑ġid tal‑knisja tiegħi, biex ma jkunx jista’ jittieħed mill‑knisja, bi qbil mal‑kmandamenti tiegħi, kull bniedem għandu jkun responsabbli lejja, u għandu jkun amministratur ta’ ġidu, jew ta’ dak li huwa jkun irċieva permezz tal‑konsagrazzjoni, li jkun biżżejjed għalih innifsu u għal familtu.
33 U għal darb’oħra, jekk ikun hemm xi ġid f’idejn il‑knisja, jew f’idejn xi individwi tagħha, li jkun aktar minn biżżejjed biex huma jsostnu lilhom infushom wara din l‑ewwel konsagrazzjoni, dak li jkun għad baqa’ għandu jiġi kkonsagrat lill‑isqof, u għandu jinżamm biex minn żmien għall‑ieħor tingħata għajnuna lil dawk li m’għandhomx, ħalli kull bniedem li hu fil‑bżonn ikun jista’ jingħata u jirċievi biżżejjed skont il‑bżonnijiet tiegħu.
34 Għalhekk, dak li jkun għad baqa’ għandu jinżamm fil‑maħżen tiegħi, biex jingħata bħala għajnuna lill‑foqra u lil dawk fil‑bżonn, skont kif jiddeċiedi l‑kunsill il‑kbir tal‑knisja, u l‑isqof u l‑kunsill tiegħu;
35 U bil‑għan li jinxtraw ukoll artijiet għall‑benefiċċju pubbliku tal‑knisja, u biex jinbnew djar ta’ qima, u għall‑bini ta’ Ġerusalemm il‑Ġdida, li se niżvela dwar dan dalwaqt—
36 Biex il‑poplu tiegħi tal‑patt ikun jista’ jinġabar f’post wieħed fil‑jum li fih jiena nżur it‑tempju tiegħi. U dan jien nagħmel għas‑salvazzjoni tal‑poplu tiegħi.
37 U għad jiġri li dak li jaqa’ fid‑dnub u ma jindimx għandu jitkeċċa ’l barra mill‑knisja, u m’għandux jerġa’ jingħata lura dak li huwa kien ikkonsagra għall‑foqra u għal dawk fil‑bżonn fil‑knisja tiegħi, jew fi kliem ieħor, għalija—
38 Għax dak li tagħmlu ma’ dawn iż‑żgħar, tagħmluh miegħi.
39 Għax għad jiġri li dak li jiena għidt permezz ta’ fomm il‑profeti tiegħi sejjer jiġi fis‑seħħ; għax jiena sejjer nikkonsagra l‑ġid ta’ dawk li jħaddnu l‑evanġelju tiegħi minn fost il‑Ġentili għan‑nies foqra minn fost il‑poplu tiegħi li huma mid‑dar ta’ Iżrael.
40 U għal darb’oħra m’għandekx tkun kburi f’qalbek; ara li lbiesek ikun sempliċi, u li sbuħitu jkun is‑sbuħija ta’ dak li jagħmlu idejk;
41 U ara li kollox isir b’mod nadif f’għajnejja.
42 La tkunx għażżien; għax min hu għażżien m’għandux jiekol il‑ħobż u lanqas jilbes ilbies il‑ħaddiem.
43 U dawk fostkom li huma morda, u m’għandhomx il‑fidi biex ifiqu, iżda jemmnu, għandhom jiġu sostnuti bil‑ħlewwa kollha, permezz ta’ ħxejjex aromatiċi u ikel ħafif, u mhux permezz ta’ id l‑għadu.
44 U għandhom jissejħu l‑presbiteri tal‑knisja, tnejn jew aktar, u huma għandhom jitolbu għalihom u jqiegħdu jdejhom fuqhom f’ismi; u jekk huma jmutu huma jkunu mietu għalija, u jekk huma jgħixu huma jgħixu għalija.
45 Intom għandkom tgħixu flimkien f’imħabba, hekk li intom għandkom tikbu għat‑telfa ta’ dawk li jmutu, speċjalment għal dawk li ma kellhomx it‑tama tal‑qawmien glorjuż.
46 U għad jiġri li dawk li jmutu fija mhumiex se jduqu l‑mewt, għax hija se tkun għalihom esperjenza mill‑aktar ħelwa;
47 U dawk li ma jmutux fija, ħażin ikun għalihom, għax mewthom se tkun mill‑aktar morra.
48 U għal darb’oħra għad jiġri li min għandu l‑fidi fija li jiġi mfejjaq, u ma wasallux iż‑żmien li jmut, sejjer jiġi mfejjaq.
49 Min għandu l‑fidi li jara sejjer jara.
50 Min għandu l‑fidi li jisma’ sejjer jisma’.
51 Iż‑zopp li għandu l‑fidi li jista’ jaqbeż sejjer jaqbeż.
52 U dawk li m’għandhomx fidi li jagħmlu dawn il‑ħwejjeġ, iżda jemmnu fija, għandhom il‑qawwa li jsiru wliedi; u diment li huma ma jiksrux l‑liġijiet tiegħi lilhom għandek tgħin fid‑dgħufija tagħhom.
53 Ieqaf f’post l‑amministratur tiegħek.
54 La tieħux ilbies ħuk; ara li tħallas għal dak li inti tirċievi mingħand ħuk.
55 U jekk inti tikseb aktar minn dak li hu meħtieġ biex issostni lilek innifsek, ara li tieħdu fil‑maħżen tiegħi, biex kollox iseħħ skont dak li jiena għidt.
56 Staqsini, u jiena niżvela l‑iskrittura tiegħi kif għidt li nagħmel, u hija tkun imħarsa ’l bogħod mill‑periklu.
57 U jkun jaqbel li inti tibqa’ sieket dwar dan, u ma tgħallimhiex qabel ma hija tingħata lilkom fil‑milja tagħha.
58 U jiena nagħtikom kmandament li mbagħad intom għandkom tgħallmuha lill‑bnedmin kollha; għax hija għandha tiġi mgħallma fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu.
59 Il‑ħwejjeġ li intom ingħatajtu, li ġew mogħtija lilkom fl‑iskrittura tiegħi bħala liġi, għandkom tqisuhom bħala l‑liġi tiegħi għat‑tmexxija tal‑knisja tiegħi;
60 U min jaġixxi skont dawn il‑ħwejjeġ sejjer jikseb is‑salvazzjoni, u min ma jagħmilx dan sejjer jiġi kkundannat jekk huwa jibqa’ sejjer hekk.
61 Jekk titolbuni, intom tirċievu rivelazzjoni wara rivelazzjoni, għarfien wara għarfien, sabiex intom tkunu tistgħu ssiru tafu l‑misteri u l‑ħwejjeġ li jġibu l‑paċi—liema ħwejjeġ iwasslu għall‑hena, u għall‑ħajja ta’ dejjem.
62 Itolbuni, u jiġi żvelat lilkom, fiż‑żmien li nagħżel jien, fejn għandha tinbena Ġerusalemm il‑Ġdida.
63 U araw, għad jiġri li l‑qaddejja tiegħi sejrin jintbagħtu lejn il‑lvant u lejn il‑punent, lejn it‑tramuntana u lejn in‑nofsinhar.
64 U issa stess, dak li jmur lejn il‑lvant għandu jwissi lil dawk li jikkonvertu biex huma jaħarbu lejn il‑punent, u dan minħabba dak li se jolqot lid‑dinja, u minħabba l‑alleanzi sigrieti.
65 Ara, inti għandek twettaq dan kollu, u ħlasek ikun kbir; għax ingħata lilkom li tkunu tafu l‑misteri tas‑saltna, iżda dan ma ngħatax lid‑dinja biex huma jkunu jafu dan.
66 Intom għandkom tosservaw il‑liġijiet li ngħatajtu u araw li tkunu fidili.
67 U minn issa ’l quddiem intom għandkom tirċievu ċerti patti tal‑knisja, liema patti se jkunu biżżejjed biex iwettaqkom, kemm hawnhekk kif ukoll f’Ġerusalemm il‑Ġdida.
68 Għalhekk, min jonqsu l‑għerf, għandu jitlob lili, u lilu jiena nagħti b’id miftuħa u ma nċanfrux.
69 Imlew qalbkom bil‑ferħ u thennew, għax lilkom ingħatat is‑saltna, jew fi kliem ieħor, lilkom ingħataw l‑imfietaħ tal‑knisja. Hekk għandu jkun. Ammen.
70 Il‑qassisin u l‑għalliema għandu jkollhom ir‑responsabbiltà tagħhom, l‑istess bħall‑membri.
71 U l‑familji tal‑presbiteri jew tal‑qassisin il‑kbar, li huma maħtura biex jassistu lill‑isqof bħala kunsilliera f’kull ħaġa, għandhom jingħataw is‑sapport mill‑ġid li jiġi kkonsagrat lill‑isqof, għall‑benefiċċju tal‑foqra, u għal għanijiet oħra, li ssemmew qabel;
72 Jew inkella huma għandhom jirċievu kumpens ġust għas‑servizz kollu tagħhom, jew xi responsabbiltà jew xi ħaġa oħra, skont x’jitqies li huwa l‑aħjar għażla jew kif jiġi deċiż mill‑kunsilliera u mill‑isqof.
73 U l‑isqof, ukoll, għandu jingħata s‑sapport, jew kumpens ġust għas‑servizz kollu tiegħu fil‑knisja.
74 Araw, tassew ngħidilkom, li dawk kollha fostkom li jibagħtu lill‑konjuġi tagħhom minħabba ż‑żína, jew fi kliem ieħor, jekk huma jixhdu b’qalb umli quddiemkom li dan huwa l‑każ, intom m’għandkomx tkeċċuhom minn fostkom;
75 Iżda jekk issibu li xi persuni abbandunaw lill‑konjuġi tagħhom minħabba adulterju, li huma stess ħatja tiegħu, u l‑konjuġi tagħhom għadhom ħajjin, huma għandhom jitkeċċew minn fostkom.
76 U għal darb’oħra, ngħidilkom, iftħu għajnejkom u oqogħdu attenti, u wara li tkunu flejtuhom bir‑reqqa, araw li fostkom ma tilqgħu lil ħadd minnhom jekk huma miżżewġin;
77 U jekk mhumiex miżżewġin, huma għandhom jindmu minn dnubiethom, jew inkella m’għandkomx tilqgħuhom.
78 U għal darb’oħra, kull min jagħmel parti minn din il‑knisja ta’ Kristu, għandu jara li jħares il‑kmandamenti u l‑patti kollha tal‑knisja.
79 U jiġri, li jekk hemm xi ħadd fostkom li joqtol, huwa għandu jittieħed u jingħata f’idejn l‑awtoritajiet skont il‑liġijiet tal‑pajjiż; għax ftakru li hu m’għandu jingħata l‑ebda maħfra; u huwa għandu jgħaddi ġuri skont il‑liġijiet tal‑pajjiż.
80 U jekk xi raġel jew mara jagħmlu adulterju, hu jew hi għandhom jittieħdu quddiem żewġ presbiteri tal‑knisja, jew aktar, u kull akkuża li tingħad kontrih jew kontriha għandha titwettaq skont il‑kelma ta’ żewġ xhieda tal‑knisja, u mhux skont il‑kelma tal‑għadu; iżda jekk ikun hemm aktar minn żewġ xhieda ikun aħjar.
81 Iżda hu jew hi għandhom jiġu kkundannati skont il‑kelma ta’ żewġ xhieda; u l‑presbiteri għandhom jippreżentaw il‑każ quddiem il‑knisja, u l‑presbiteri tal‑knisja għandhom jgħollu jdejhom kontrih jew kontriha, ħalli hu jew hi jsir minnhom skont il‑liġi ta’ Alla.
82 U jekk ikun possibbli, ikun tajjeb li l‑isqof ikun preżenti wkoll.
83 U hekk għandkom taġixxu f’kull każ li jiġi quddiemkom.
84 U jekk xi raġel jew mara ikunu ħatja ta’ serq, hu jew hi għandhom jingħataw f’idejn l‑awtoritajiet skont il‑liġi tal‑pajjiż.
85 U jekk hu jew hi jieħdu għandhom xi ħaġa li mhijiex tagħhom, hu jew hi għandhom jingħataw f’idejn l‑awtoritajiet skont il‑liġi tal‑pajjiż.
86 U jekk hu jew hi jgħidu kelma b’oħra, hu jew hi għandhom jingħataw f’idejn l‑awtoritajiet skont il‑liġi tal‑pajjiż.
87 U jekk hu jew hi jwettqu xi tip ta’ ħażen, hu jew hi għandhom jingħataw f’idejn l‑awtoritajiet skont il‑liġi, li hija l‑liġi ta’ Alla.
88 U jekk ħukom jew oħtkom joffendukom, intom għandkom tmorru tiltaqgħu miegħu jew magħha waħedkom; u jekk hu jew hi jistqarru l‑ħażin li jkunu għamlu intom għandkom tirranġaw magħhom.
89 U jekk hu jew hi ma jistqarrux il‑ħażin li jkun għamlu, intom għandkom tagħtuhom f’idejn il‑knisja, mhux f’idejn il‑membri, iżda f’idejn il‑presbiteri. U dan għandu jsir waqt laqgħa, u mhux fil‑pubbliku.
90 U jekk ħukom jew oħtkom joffendu lil ħafna, hu jew hi għandhom jiġu mwiddba quddiem il‑ħafna.
91 U jekk xi ħadd joffendi fid‑dieher, hu jew hi għandhom jiġu mwiddba fid‑dieher, ħalli hu jew hi jkollhom għalfejn jistħu. U jekk hu jew hi ma jistqarrux għemilhom, hu jew hi għandhom jingħataw f’idejn l‑awtoritajiet skont il‑liġi ta’ Alla.
92 Jekk xi ħadd joffendi fil‑moħbi, hu jew hi għandhom jiġu mwiddba fil‑moħbi, ħalli hu jew hi jkollhom l‑opportunità li jistqarru fil‑moħbi l‑ħażin li jkunu għamlu lil dak jew lil dik li jkunu offendew, u lil Alla, biex il‑knisja ma tgħid l‑ebda kliem ta’ tmaqdir kontrih jew kontriha.
93 U intom għandkom taġixxu b’dal‑mod f’kull ħaġa.