Sezzjoni 20
Rivelazzjoni dwar l‑organizzazzjoni u t‑tmexxija tal‑Knisja, mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, ġewwa Fayette, New York, jew fil‑viċinanzi tagħha. Partijiet minn din ir‑rivelazzjoni jafu ngħataw anke lura fis‑sajf 1829. Ir‑rivelazzjoni sħiħa, magħrufa dak iż‑żmien bħala l‑Artikli u l‑Patti, x’aktarx inkitbet ftit wara s‑6 ta’ April, 1830 (il‑jum li fih ġiet organizzata l‑Knisja). Il‑Profeta kiteb, “Aħna rċevejna mingħandu [Ġesù Kristu] dan li ġej, permezz tal‑ispirtu tal‑profezija u r‑rivelazzjoni; u dan mhux biss wassalna biex niksbu bosta informazzjoni, iżda wassalna biex insiru nafu wkoll il‑jum preċiż li fih, skont ir‑rieda u l‑kmandament tiegħu, għandna naraw li norganizzaw mill‑ġdid il‑Knisja tiegħu hawn fid‑dinja.”
1–16, Il‑Ktieb ta’ Mormon huwa prova tad‑divinità tal‑ħidma tal‑aħħar żmien; 17–28, Affermata d‑duttrina tal‑ħolqien, tal‑waqgħa, tal‑espjazzjoni, u tal‑magħmudija; 29–37, Elenkati l‑liġijiet li jikkontrollaw l‑indiema, il‑ġustifikazzjoni, il‑qdusija, u l‑magħmudija; 38–67, Sommarju tad‑dmirijiet tal‑presbiteri, tal‑qassisin, tal‑għalliema, u tad‑djakni; 68–74, Żvelati d‑dmirijiet tal‑membri; il‑barka tat‑tfal, u l‑mod kif għandha ssir il‑magħmudija; 75–84, Mogħtija t‑talb tas‑sagrament u r‑regolamenti li jikkontrollaw is‑sħubija fil‑Knisja.
1 Il‑qawmien tal‑Knisja ta’ Kristu f’dawn l‑aħħar żminijiet, elf tmien mija u tletin sena mill‑miġja tal‑Mulej u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu fil‑ġisem, fejn hija ġiet organizzata u mwaqqfa b’mod xieraq skont il‑liġijiet ta’ pajjiżna, skont ir‑rieda u l‑kmandamenti ta’ Alla, fir‑raba’ xahar, u fis‑sitt jum tax‑xahar li jissejjaħ April—
2 Liema kmandamenti ġew mogħtija lil Joseph Smith, Jun., li ġie msejjaħ minn Alla, u ordnat bħala appostlu ta’ Ġesù Kristu, biex ikun l‑ewwel presbiteru ta’ din il‑knisja;
3 U lil Oliver Cowdery, li ġie msejjaħ ukoll minn Alla, bħala appostlu ta’ Ġesù Kristu, u biex ikun it‑tieni presbiteru ta’ din il‑knisja, u ġie ordnat permezz ta’ jdejh;
4 U dan skont il‑grazzja tal‑Mulej u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu, li lilu nagħtu kull ġieħ, kemm issa kif ukoll għal dejjem. Ammen.
5 Wara li dan l‑ewwel presbiteru ra tabilħaqq li hu kien kiseb maħfra ta’ dnubietu, huwa reġa’ nqabad għal darb’oħra fil‑frugħat tad‑dinja;
6 Iżda wara li huwa nidem, u umlija ruħu tassew, permezz tal‑fidi, lilu Alla mar jaqdi permezz ta’ anġlu mqaddes, li kellu wiċċu bħall‑beraq, u li lbiesu kien safi u bajdani aktar minn kull bjuda oħra;
7 U huwa tah kmandamenti, liema kmandamenti spirawh;
8 U huwa tah qawwa mill‑għoli, bil‑mezzi li ġew imħejjija minn qabel, biex jittraduċi l‑Ktieb ta’ Mormon;
9 Liema ktieb fih l‑istorja ta’ poplu mitluf, u fih ukoll il‑milja tal‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu għall‑Ġentili kif ukoll għal‑Lhud;
10 Liema ktieb ingħata permezz tal‑ispirazzjoni, u kien hemm oħrajn li kellhom konferma tal‑verità tiegħu permezz tal‑qadi tal‑anġli, u huwa ġie mxandar lid‑dinja permezz tagħhom—
11 U dan jagħti prova lid‑dinja li l‑iskrittura mqaddsa hija vera, u li Alla tassew jispira lill‑bnedmin u jsejħilhom għall‑ħidma qaddisa tiegħu f’dawn iż‑żminijiet u f’din il‑ġenerazzjoni, l‑istess kif għamel fil‑ġenerazzjonijiet li għaddew;
12 U dan b’hekk juri li huwa l‑istess Alla fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem. Ammen.
13 Għalhekk, peress li hu għandu daqstant xhieda, se jkunu huma li se jagħmlu ħaqq mid‑dinja, jiġifieri minn dawk kollha li minn issa ’l quddiem sejrin jagħrfu din il‑ħidma.
14 U dawk li jilqgħuha b’fidi, u jwettqu l‑ġustizzja, sejrin jirċievu l‑kuruna tal‑ħajja ta’ dejjem;
15 Iżda dawk li jwebbsu qalbhom u jibqgħu ma jemmnux, u jiċħdu din il‑ħidma, dan se jwassal għall‑kundanna tagħhom—
16 Għax il‑Mulej Alla qal dan; u aħna, l‑presbiteri tal‑knisja, smajna l‑kliem, u qed nagħtu xhieda għall‑kliem, tal‑Majestà fil‑għoli mill‑aktar glorjuż, li lilu tingħata l‑glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
17 Permezz ta’ dawn il‑ħwejjeġ nafu li hemm Alla fis‑smewwiet, li huwa infinit u etern, u li minn dejjem għal dejjem hu l‑istess Alla li ma jinbidilx, dak li fassal is‑smewwiet u l‑art, u kull ħaġa li hemm fihom;
18 U huwa ħoloq il‑bniedem, raġel u mara, fix‑xbieha u s‑sura tiegħu, huwa ħoloqhom;
19 U huwa tahom kmandamenti li huma għandhom iħobbuh u jservuh, l‑uniku Alla ħaj u veru, u li huwa għandu jkun l‑uniku esseru li huma għandhom iqimu.
20 Iżda minħabba li kiser dawn il‑liġijiet qaddisa l‑bniedem sar senswali u mxajtan, u sar bniedem mitluf.
21 Għalhekk, Alla li Jista’ Kollox offra lil Ibnu l‑Waħdieni, kif hemm miktub f’dik l‑iskrittura li ġie mogħtija dwaru.
22 Huwa għadda mit‑tiġrib iżda ma waqax.
23 Huwa ġie msallab, miet, u reġa’ qam fit‑tielet jum;
24 U tela’ fis‑smewwiet, biex joqgħod bilqiegħda fuq il‑lemin tal‑Missier, biex isaltan bil‑qawwa setgħana skont ir‑rieda tal‑Missier;
25 Biex dawk kollha li jemmnu u jitgħammdu fl‑isem qaddis tiegħu, u jibqgħu sħaħ fil‑fidi sal‑aħħar, jiksbu s‑salvazzjoni—
26 Mhux dawk biss li emmnu wara li huwa ġie fil‑ġisem fil‑meridjan taż‑żmien, iżda dawk kollha sa mill‑bidu, sewwasew dawk kollha li kienu qabel huwa ġie, li emmnu fi kliem il‑profeti qaddisa, li tkellmu kif ġew ispirati jagħmlu permezz tad‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, li xehdu għalih f’kull ħaġa, huma wkoll sejrin jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem.
27 U l‑istess dawk li għad jiġu wara, li sejrin jemmnu fid‑doni u s‑sejħiet ta’ Alla permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, li jixhed għall‑Missier u għall‑Iben;
28 Liema Missier, Iben, u l‑Ispirtu s‑Santu huma Alla wieħed, infinit u għal dejjem, mingħajr tmiem. Ammen.
29 U aħna nafu li l‑bnedmin kollha jeħtieġ li jindmu u jemmnu f’isem Ġesù Kristu, u huma għandhom iqimu lill‑Missier f’ismu, u jibqgħu sħaħ fil‑fidi f’ismu sal‑aħħar, għax inkella huma ma jistgħux jiksbu s‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Alla.
30 U aħna nafu li l‑ġustifikazzjoni permezz tal‑grazzja tal‑Mulej u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu hija ġusta u vera;
31 U nafu wkoll li l‑qdusija permezz tal‑grazzja tal‑Mulej u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu għal dawk kollha li jħobbu u jaqdu ’l Alla b’moħħhom kollu u bis‑setgħa u l‑qawwa tagħhom kollha hija ġusta u vera.
32 Iżda jista’ jkun li l‑bniedem ma jibqax fil‑grazzja ta’ Alla u jitbiegħed minn Alla l‑ħaj;
33 Għalhekk dawk li huma fil‑knisja għandhom jiftħu għajnejhom u jitolbu dejjem, ħalli ma jaqgħux fit‑tiġrib;
34 Iva, u dawk li huma mqaddsa għandhom jiftħu għajnejhom ukoll.
35 U aħna nafu li dawn il‑ħwejjeġ huma vera u skont ir‑rivelazzjonijiet ta’ Ġwanni, u huma la jżidu u lanqas inaqqsu mill‑profezija tal‑ktieb tiegħu, l‑iskrittura mqaddsa, jew ir‑rivelazzjonijiet ta’ Alla li se jingħataw minn issa ’l quddiem permezz tad‑don u l‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, permezz ta’ leħen Alla, jew permezz tal‑qadi tal‑anġli.
36 U huwa l‑Mulej Alla li qal dan; u l‑ġieħ, il‑qawwa u l‑glorja jingħataw lill‑isem qaddis tiegħu, kemm issa u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
37 Barra minn hekk, permezz ta’ kmandament lill‑knisja fejn jidħol il‑mod tal‑magħmudija—Dawk kollha li jumiljaw ruħhom quddiem Alla, u juru x‑xewqa li jitgħammdu, u jippreżentaw lilhom infushom b’qalb maqsuma u spirtu niedem, u jixhdu quddiem il‑knisja li huma nidmu tassew minn dnubiethom kollha, u huma lesti li jieħdu fuqhom isem Ġesù Kristu, determinati li jkomplu jaqduh sal‑aħħar, u juru tabilħaqq, permezz ta’ ħidmiethom, li huma rċevew l‑Ispirtu ta’ Kristu għall‑maħfra ta’ dnubiethom, għandhom jintlaqgħu permezz tal‑magħmudija fil‑knisja tiegħu.
38 Id‑dmir tal‑presbiteri, tal‑qassisin, tal‑għalliema, tad‑djakni, u tal‑membri tal‑Knisja ta’ Kristu—Appostlu huwa presbiteru, u hija s‑sejħa tiegħu li jgħammed;
39 U li jordna presbiteri, qassisin, għalliema, u djakni oħra;
40 U li jamministra l‑ħobż u l‑inbid—l‑emblemi tal‑ġisem u d‑demm ta’ Kristu—
41 U li jikkonferma lil dawk li jitgħammdu fil‑knisja, permezz tat‑tqegħid tal‑idejn għall‑magħmudija tan‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu, skont l‑iskrittura;
42 U li jgħallem, ifisser, iħeġġeġ, jgħammed, u jħares il‑knisja;
43 U li jikkonferma lill‑membri tal‑knisja permezz tat‑tqegħid tal‑idejn, u l‑għotja tal‑Ispirtu s‑Santu;
44 U li jmexxi l‑laqgħat kollha.
45 Il‑presbiteri għandhom imexxu l‑laqgħat kif jiġu mmexxija jagħmlu permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, skont il‑kmandamenti u r‑rivelazzjonijiet ta’ Alla.
46 Id‑dmir tal‑qassis huwa li jxandar il‑kelma, jgħallem, ifisser, iħeġġeġ u jgħammed, u jamministra s‑sagrament,
47 U jżur id‑dar ta’ kull membru, u jħeġġiġhom sabiex jitolbu b’fommhom u fil‑moħbi u jwettqu d‑dmirijiet kollha tal‑familja.
48 U huwa jista’ jordna wkoll qassisin, għalliema, u djakni oħra.
49 U huwa għandu jmexxi l‑laqgħat meta l‑ebda presbiteru ma jkun preżenti;
50 Iżda meta jkun hemm presbiteru preżenti, huwa għandu biss ixandar il‑kelma, jgħallem, ifisser, iħeġġeġ u jgħammed,
51 U jżur id‑dar ta’ kull membru, u jħeġġiġhom sabiex jitolbu b’fommhom u fil‑moħbi u jwettqu d‑dmirijiet kollha tal‑familja.
52 F’dawn id‑dmirijiet kollha l‑qassis għandu jassisti lill‑presbiteru jekk ikun hemm il‑ħtieġa.
53 Id‑dmir tal‑għalliem huwa li jħares dejjem lill‑membri tal‑knisja, u jkun magħhom u jsaħħaħhom;
54 U li jara li fil‑knisja la jkun hemm ħażen, la ebusija tal‑qalb bejn il‑membri, u lanqas gideb, zekzik u tqassis;
55 U jara li l‑membri tal‑knisja jiltaqgħu flimkien ta’ spiss, u jara wkoll li l‑membri kollha jagħmlu dmirhom.
56 U huwa għandu jmexxi l‑laqgħat fin‑nuqqas tal‑presbiteru jew tal‑qassis—
57 U għandu jiġi megħjun dejjem, fid‑dmirijiet kollha tiegħu fil‑knisja mid‑djakni, jekk ikun hemm il‑ħtieġa.
58 Iżda la l‑għalliema u lanqas id‑djakni m’għandhom awtorità li jgħammdu, jamministraw is‑sagrament, jew jassistu fit‑tqegħid tal‑idejn;
59 Huma, madankollu, għandhom iwiddbu, ifissru, iħeġġu, u jgħallmu, u jistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu.
60 Kull presbiteru, qassis, għalliem, jew djaknu għandu jiġi ordnat skont id‑doni u s‑sejħiet li lesta għalih Alla; u huwa għandu jiġi ordnat bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, liema qawwa tinsab f’dak li jordnah.
61 Għadd ta’ presbiteri li jiffurmaw din il‑knisja ta’ Kristu għandhom jiltaqgħu waqt konferenza darba kull tliet xhur, jew minn żmien għall‑ieħor skont kif jintalbu jagħmlu jew skont id‑deċiżjoni li tittieħed waqt il‑konferenzi li semmejt;
62 U l‑konferenzi li semmejt għandhom jaraw li jwettqu kull xogħol tal‑knisja li hu meħtieġ li jsir f’dak il‑mument.
63 Il‑presbiteri għandhom jiksbu l‑liċenzji tagħhom minn presbiteri oħra, permezz ta’ vot fil‑knisja li huma jagħmlu parti minnha, jew waqt il‑konferenzi.
64 Kull qassis, għalliem, jew djaknu, li jiġi ordnat minn qassis, jista’ jingħata ċertifikat mingħandu f’dak il‑waqt, liema ċertifikat, meta jippreżentah lil presbiteru, jista’ jintitolah għal liċenzja, li tawtorizzah li jwettaq id‑dmirijiet tas‑sejħa tiegħu, u din tista’ tingħatalu wkoll waqt konferenza.
65 L‑ebda persuna m’għandha tiġi ordnata għal xi uffiċċju f’din il‑knisja, fejn hemm fergħa tagħha organizzata b’mod regolari, mingħajr il‑vot ta’ dik il‑knisja;
66 Iżda l‑presbiteri li jippresedu, l‑isqfijiet li jivvjaġġaw, il‑kunsilliera l‑kbar, il‑qassisin il‑kbar, u l‑presbiteri, jista’ jkollhom il‑privileġġ li jordnaw, fejn m’hemm l‑ebda fergħa tal‑knisja fejn jista’ jittieħed vot.
67 Kull president tas‑saċerdozju l‑kbir (jew presbiteru li jippresedi), isqof, kunsillier il‑kbir, u qassis il‑kbir, għandu jiġi ordnat bl‑awtorità tal‑kunsill il‑kbir jew tal‑konferenza ġenerali.
68 Id‑dmir tal‑membri wara li jiġu milqugħin permezz tal‑magħmudija—Il‑presbiteri jew il‑qassisin għandu jkollhom biżżejjed ħin biex ifissru fid‑dettall dak kollu li hu relatat mal‑knisja ta’ Kristu ħalli l‑membri jkunu jistgħu jifhmuh sew qabel ma huma jieħdu sehem fis‑sagrament u jiġu kkonfermati permezz tat‑tqegħid tal‑idejn mill‑presbiteri, ħalli kollox iseħħ b’mod xieraq.
69 U l‑membri għandhom juru quddiem il‑knisja, kif ukoll quddiem il‑presbiteri, b’imġiba pjetuża u b’diskors pjetuż, li huma denji li jagħmlu dan, billi juru għemejjel tajba u juru l‑fidi tagħhom skont dak li tgħid l‑iskrittura mqaddsa—waqt li jgħixu ħajja qaddisa f’għajnejn il‑Mulej.
70 Il‑membri kollha tal‑knisja ta’ Kristu li għandhom it‑tfal għandhom iġibuhom għand il‑presbiteri, quddiem il‑membri tal‑knisja, u dawn iqiegħdu jdejhom fuqhom f’isem Ġesù Kristu, u jberkuhom f’ismu.
71 Ħadd m’għandu jiġi msieħeb fil‑knisja ta’ Kristu jekk ma jkunx laħaq l‑età tar‑responsabbiltà quddiem Alla, u jekk mhuwiex kapaċi jindem.
72 Il‑magħmudija għandha tiġi amministrata bil‑mod li ġej lil dawk kollha li jindmu—
73 Dak li hu msejjaħ minn Alla u għandu l‑awtorità minn Ġesù Kristu biex jgħammed, għandu jinżel fl‑ilma mal‑persuna li ppreżentat lilha nnifisha għall‑magħmudija, u wara li jsejjaħ lill‑persuna b’isimha għandu jgħid: Hekk kif ġejt ikkummissjonat minn Ġesù Kristu, jiena ngħammdek fl‑isem tal‑Missier, u tal‑Iben, u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.
74 Imbagħad għandu jgħaddas lill‑persuna fl‑ilma, u jerġa’ joħroġha ’l barra mill‑ilma.
75 Ikun jaqbel li l‑membri tal‑knisja jiltaqgħu flimkien ta’ spiss biex jieklu mill‑ħobż u jixorbu mill‑inbid b’tifkira tal‑Mulej Ġesù;
76 U huwa l‑presbiteru jew il‑qassis li għandu jamministra s‑sagrament; u għandu jamministrah b’dal‑mod—Huwa għandu jinżel għarkupptejh flimkien mal‑membri tal‑knisja u joffri talba solenni lill‑Missier, fejn jgħid:
77 O Alla, il‑Missier Etern, aħna nistaqsuk f’isem Ibnek, Ġesù Kristu, sabiex tbierek u tqaddes dan il‑ħobż għall‑erwieħ ta’ dawk kollha li jieħdu minnu; biex huma jkunu jistgħu jieklu b’tifkira ta’ ġisem Ibnek, u jagħtuk xhieda, O Alla, il‑Missier Etern, li huma lesti jieħdu fuqhom isem Ibnek, u dejjem jiftakru fih u jħarsu l‑kmandamenti li huwa tahom; sabiex ikun jista’ jkollhom l‑Ispirtu tiegħu dejjem magħhom. Ammen.
78 Il‑mod kif jiġi amministrat l‑inbid—huwa għandu jieħu f’idejh ukoll it‑tazza u jgħid:
79 O Alla, il‑Missier Etern, aħna nistaqsuk, f’isem Ibnek, Ġesù Kristu, sabiex tbierek u tqaddes dan l‑inbid għall‑erwieħ ta’ dawk kollha li jixorbu minnu, biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan b’tifkira ta’ demm Ibnek, li xxerred għalihom; ħalli jkunu jistgħu jagħtuk xhieda, O Alla, il‑Missier Etern, li huma dejjem jiftakru fih, sabiex ikun jista’ jkollhom l‑Ispirtu tiegħu magħhom. Ammen.
80 Jekk xi membru tal‑knisja ta’ Kristu jaqa’ fit‑trasgressjoni, jew jinqabad f’xi ħtija, il‑mexxejja tal‑knisja għandhom jimxu miegħu kif titlobhom jagħmlu l‑iskrittura.
81 Għandu jkun id‑dmir ta’ bosta knejjes, li jiffurmaw il‑knisja ta’ Kristu, li jibagħtu xi għalliem jew għalliema minn tagħhom biex jattendu l‑bosta konferenzi li jittellgħu mill‑presbiteri tal‑knisja,
82 U jieħdu magħhom lista bl‑ismijiet tal‑bosta membri li ngħaqdu mal‑knisja mill‑aħħar konferenza ’l hawn; jew jistgħu jibagħtuha ma’ xi qassis; ħalli tkun tista’ tinżamm ġo ktieb lista regolari tal‑ismijiet kollha tal‑membri kollha tal‑knisja minn wieħed mill‑presbiteri, li minn żmien għall‑ieħor jiġi maħtur mill‑presbiteri l‑oħra;
83 U l‑istess għandu jiġri jekk ikun hemm xi wħud li jiġu mkeċċija mill‑knisja, biex isimhom ikun jista’ jitneħħa mir‑reġistru ġenerali tal‑ismijiet tal‑membri tal‑knisja.
84 Il‑membri kollha li jiċċaqilqu mill‑knisja fejn joqogħdu, jekk imorru fi knisja fejn ma jafhom ħadd, jistgħu jieħdu magħhom ittra li tiċċertifika li huma membri fidili u ta’ reputazzjoni tajba, liema ittra għandha tiġi ffirmata minn xi presbiteru jew qassis jekk il‑membru li jirċievi l‑ittra jaf personalment lil dak il‑presbiteru jew qassis, jew l‑ittra tista’ tiġi ffirmata wkoll mill‑għalliema jew mid‑djakni tal‑knisja.