Skrittura
Duttrina u Patti 69


Sezzjoni 69

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Ħiram, Ohio, nhar il-11 ta’ Novembru, 1831. Il-ġabra ta’ rivelazzjonijiet intenzjonata li tiġi ppubblikata fi żmien qasir ġiet approvata waqt konferenza speċjali li saret fl-1 u t-2 ta’ Novembru. Nhar it-3 ta’ Novembru, ġiet miżjuda r-rivelazzjoni li qed tidher hawnhekk bħala sezzjoni 133, u li aktar tard bdiet tissejjaħ bħala l-Appendiċi. Qabel seħħ dan, Oliver Cowdery ġie magħżul biex jieħu l-manuskritt, bil-ġabra ta’ rivelazzjonijiet u kmandamenti, f’Independence, Missouri, ħalli jkun jista’ jiġi stampat. Hu kellu jieħu miegħu wkoll il-flus li kienu ngħataw bħala kontribuzzjoni għall-bini tal-Knisja f’Missouri. Din ir-rivelazzjoni tordna lil John Whitmer biex imur jakkumpanja lil Oliver Cowdery u titlob ukoll lil Whitmer biex waqt il-vjaġġ tiegħu huwa jmur u jiġbor xi materjal storiku bħala parti mis-sejħa tiegħu bħala storiku u kronista tal-Knisja.

1–2, John Whitmer għandu jmur jakkumpanja lil Oliver Cowdery f’Missouri; 3–8, Huwa għandu wkoll ixandar il-kelma u jiġbor, jirreġistra, u jikteb ċerta informazzjoni storika.

1 Isimgħuni, jgħid il-Mulej Alla tagħkom, għall-ġid tal-qaddej tiegħi Oliver Cowdery. Mhuwiex fl-għerf tiegħi li huwa jiġi fdat li jieħu l-kmandamenti u l-flus fl-art ta’ Sijon, jekk ma jmurx miegħu xi ħadd li huwa leali u ta’ min joqgħod fuqu.

2 Għalhekk, jien, il-Mulej, irrid li l-qaddej tiegħi, John Whitmer, imur mal-qaddej tiegħi Oliver Cowdery;

3 U rrid ukoll li huwa jkompli jikteb u jiġbor flimkien storja ta’ dawk il-ħwejjeġ importanti kollha li huwa jinnota u li jkun konxju tagħhom li jikkonċernaw il-knisja tiegħi;

4 U hu għandu jingħata wkoll parir u għajnuna mill-qaddej tiegħi Oliver Cowdery u minn oħrajn.

5 U l-qaddejja tiegħi li jinsabu madwar id-dinja għandhom ukoll jibagħtu rapport fl-art ta’ Sijon dwar dak kollu li huma responsabbli minnu;

6 Għax l-art ta’ Sijon sejra tkun il-lok u l-post li fih jinżamm u jinħadem dan kollu.

7 Madankollu, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi John Whitmer imur jivvjaġġa kemm-il darba minn post għall-ieħor, u minn knisja għall-oħra, ħalli huwa jkun jista’ jikseb ċerta informazzjoni mingħajr wisq intoppi—

8 Huwa għandu jmur ixandar u jfisser il-kelma, kif ukoll jikteb, jikkopja, jagħżel, u jikseb kull ħaġa li tista’ tkun ta’ ġid għall-knisja, u għall-ġenerazzjonijiet li telgħin, li se jkunu qed jitrabbew fl-art ta’ Sijon, biex fiha huma jgħixu minn ġenerazzjoni għall-oħra, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.