Skrittura
Duttrina u Patti 68


Sezzjoni 68

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Hiram, Ohio, nhar l-1 ta’ Novembru, 1831, bi tweġiba għal talba biex il-Mulej jiżvela x’kienet ir-rieda tiegħu għal Orson Hyde, Luke S. Johnson, Lyman E. Johnson, u William E. McLellin. Minkejja li parti sewwa minn din ir-rivelazzjoni kienet indirizzata lil dawn l-erba’ rġiel, ħafna mill-kontenut jappartjeni lill-Knisja kollha. Din ir-rivelazzjoni ġiet estiża taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Smith meta hija ġiet ippubblikata fl-edizzjoni tal-1835 tad-Duttrina u Patti.

1–5, Kliem il-presbiteri meta jkun taħt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu għandu jitqies bħala skrittura; 6–12, Il-presbiteri għandhom ixandru l-kelma u jgħammdu, u s-sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu tassew; 13–24, L-iben il-kbir minn fost l-ulied subien ta’ Aron jista’ jservi bħala l-Isqof li Jippresedi (jiġifieri, jista’ jħaddan l-imfietaħ tal-presidenza bħala isqof) taħt id-direzzjoni tal-Ewwel Presidenza; 25–28, Il-ġenituri huma ordnati jgħallmu l-evanġelju lil uliedhom; 29–35, Il-Qaddisin għandhom josservaw Jum il-Mulej, jaħdmu bil-ħrara, u jitolbu.

1 Il-qaddej tiegħi, Orson Hyde, ġie msejjaħ permezz tal-ordinazzjoni tiegħu biex imur ixandar l-evanġelju ta’ dejjem, permezz tal-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj, minn poplu għall-ieħor, u minn art għall-oħra, fil-kongregazzjonijiet tal-ħżiena, fis-sinagogi tagħhom, u għandu jiddiskuti magħhom u jfissrilhom l-iskrittura kollha.

2 U araw, dan għandu jkun eżempju li fuqu għandhom jimxu dawk kollha li ġew ordnati għal dan is-saċerdozju, dawk li l-missjoni li ġew maħturin għaliha hi li jmorru jxandru l-kelma—

3 U dan għandu jkun ta’ eżempju għalihom, li huma għandhom jiftħu fommhom meta jkunu taħt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.

4 U dak kollu li huma jgħidu meta jkunu taħt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu għandu jitqies bħala skrittura, u jkun ir-rieda tal-Mulej, u l-moħħ tal-Mulej, u l-kelma tal-Mulej, u l-leħen tal-Mulej, u l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni.

5 Araw, din hija l-wegħda tal-Mulej għalikom, O qaddejja tiegħi.

6 Għalhekk, agħmlu l-qalb, u tibżgħux, għax jiena l-Mulej ninsab magħkom, u nieqaf magħkom; u intom għandkom tixhdu għalija, l-istess Ġesù Kristu, li jiena Bin Alla l-ħaj, li kont, li għadni, u li għandi niġi.

7 Din hija l-kelma tal-Mulej għalik, O qaddej tiegħi Orson Hyde, kif ukoll għalik O qaddej tiegħi Luke Johnson, kif ukoll għalik O qaddej tiegħi Lyman Johnson, u kif ukoll għalik O qaddej tiegħi William E. McLellin, u għall-presbiteri fidili kollha tal-knisja tiegħi—

8 Morru fid-dinja kollha, xandru l-evanġelju lil kull ħlejqa, u agħmlu dan bl-awtorità li jiena tajtkom, u għammdu fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

9 U min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.

10 U min jemmen jiġi mbierek bis-sinjali, li jsieħbu lil dak li jemmen, sewwasew kif hemm miktub.

11 U jingħata lilkom li intom tagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, u s-sinjali tal-miġja ta’ Bin il-Bniedem;

12 U lilkom kollha tingħata l-qawwa li tissiġillaw lil dawk kollha li l-Missier jgħidilkom sabiex tissiġillaw għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

13 U issa, dawn huma l-ħwejjeġ li għandhom jiżdiedu mal-patti u l-kmandamenti—

14 Għad baqa’ isqfijiet oħra li aktar tard, fiż-żmien dovut tal-Mulej, għandhom jinħatru fil-knisja, sabiex jimministraw sewwasew bħall-ewwel wieħed;

15 Għalhekk huma għandhom ikunu qassisin il-kbar denji, u għandhom jingħażlu mill-Ewwel Presidenza tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek, sakemm huma ma jkunux ġejjin litteralment min-nisel ta’ Aron.

16 U jekk huma jkunu ġejjin litteralment min-nisel ta’ Aron huma għandhom id-dritt legali għall-veskovat, jekk huma l-iben il-kbir minn fost l-ulied subien ta’ Aron;

17 Għax l-iben il-kbir għandu d-dritt tal-presidenza fuq dan is-saċerdozju, u tal-imfietaħ jew l-awtorità tal-istess saċerdozju.

18 L-ebda bniedem m’għandu dritt legali għal dan l-uffiċċju, li jħaddan l-imfietaħ ta’ dan is-saċerdozju, ħlief dak li ġej litteralment min-nisel ta’ Aron u li huwa l-iben il-kbir ta’ Aron.

19 Iżda, peress li qassis il-kbir tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek għandu l-awtorità li jiffunzjona fl-uffiċċji iżgħar kollha huwa jista’ jiffunzjona fl-uffiċċju ta’ isqof meta ma jinstab ħadd li jkun ġej litteralment min-nisel ta’ Aron, dejjem jekk huwa jiġi maħtur u ordnat għal din is-setgħa, minn taħt idejn l-Ewwel Presidenza tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek.

20 U dawk li jkunu ġejjin litteralment min-nisel ta’ Aron għandhom ukoll jingħażlu minn din il-Presidenza, u għandhom jinstabu denji, u għandhom jiġu midluka u ordnati minn taħt idejn din il-Presidenza, inkella huma ma jkunux awtorizzati b’mod legali biex jiffunzjonaw fis-saċerdozju tagħhom.

21 Iżda, bis-saħħa tad-digriet dwar id-dritt tagħhom għas-saċerdozju li jgħaddi minn missier għall-iben, huma jistgħu jesieġu d-dritt tagħhom li jiġu midluka jekk f’xi ħin huma jipprovdu l-arblu tar-razza tagħhom, jew jekk jiġi determinat dan permezz ta’ rivelazzjoni mill-Mulej minn idejn il-Presidenza li ssemmiet aktar ’il fuq.

22 U għal darb’oħra, l-ebda isqof jew qassis il-kbir li jinħatar għal dan il-ministeru m’għandu jgħaddi ġuri jew jiġi kkundannat għal xi reat, qabel ma l-ewwel jidher quddiem l-Ewwel Presidenza tal-knisja;

23 U jekk huwa jinstab ħati quddiem din il-Presidenza, permezz ta’ xhieda li ma tistax tiġi skreditata, huwa għandu jiġi kkundannat;

24 U jekk huwa jindem, huwa jiġi maħfur, skont il-patti u l-kmandamenti tal-knisja.

25 U għal darb’oħra, jekk il-ġenituri jkollhom it-tfal f’Sijon, jew f’xi wieħed mill-pali tagħha li ġie organizzat, u ma jgħallmuhomx sabiex jifhmu d-duttrina tal-indiema, u l-fidi fi Kristu Bin Alla l-ħaj, u tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn, meta wliedhom ikollhom tmien snin, id-dnub ikun fuq ras il-ġenituri.

26 U din għandha tkun liġi għal dawk kollha li jgħammru f’Sijon, jew f’xi wieħed mill-pali tagħha li ġie organizzat.

27 U wliedhom għandhom jitgħammdu għall-maħfra ta’ dnubiethom, meta jkollhom tmien snin, u għandhom jirċievu t-tqegħid tal-idejn.

28 U għandhom jgħallmu lil uliedhom ukoll sabiex jitolbu, u jimxu bla ħtija quddiem il-Mulej.

29 U dawk kollha li jgħammru f’Sijon għandhom josservaw ukoll jum il-Mulej u jqaddsuh.

30 U dawk kollha li jgħammru f’Sijon għandhom jiftakru biex iwettqu ħidmiethom, jekk huma jiġu msejħa għall-ħidma, bil-fedeltà kollha; għax il-Mulej jibqa’ jiftakar lil min ix-xogħol jaħarbu.

31 Issa, jien, il-Mulej, m’iniex kuntent b’dawk li jgħammru f’Sijon, għax fosthom hemm min ix-xogħol jaħarbu; u wliedhom ukoll qed jikbru fil-ħażen; huma mhumiex ifittxu b’ħerqa l-ġid li jibqa’ għal dejjem, iżda għajnejhom mimlijin regħba.

32 Dawn il-ħwejjeġ m’għandhomx ikunu, u għandhom jieqfu jiġru fosthom; għalhekk, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Oliver Cowdery imur ixandar dan il-kliem fl-art ta’ Sijon.

33 U jiena nagħtihom kmandament—li l-imħallef tal-poplu tiegħi għandu jibqa’ jiftakar lil min ma joffrix talbu lill-Mulej meta jkun il-waqt li huwa jagħmel dan.

34 Dan il-kliem huwa kollu minnu u ta’ min joqgħod fuqu; għalhekk, la tmorrux kontra dan il-kliem, u araw li ma tneħħu xejn minnu.

35 Araw, jien l-Alfa u l-Omega, u jiena ġej dalwaqt. Ammen.