Skrittura
Duttrina u Patti 58


Sezzjoni 58

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Sijon, fil-Kontea ta’ Jackson, nhar l-1 ta’ Awwissu, 1831. Aktar kmieni, fl-ewwel jum il-Mulej, minn wara l-wasla tal-Profeta u n-nies li kienu miegħu ġewwa l-Kontea ta’ Jackson, f’Missouri, saret laqgħa reliġjuża li fiha tnejn min-nies ġew aċċettati bħala membri permezz tal-magħmudija. Matul dik il-ġimgħa, waslu fosthom xi wħud mill-Qaddisin ta’ Colesville mill-Fergħa ta’ Thompson u xi oħrajn (ara sezzjoni 54). Bosta kienu ħerqana li jsiru jafu x’kienet ir-rieda tal-Mulej għalihom fil-post il-ġdid li bdew jinġabru fih.

1–5, Dawk li jibqgħu sħaħ fi żmien ta’ prova sejrin jiġu mżejna bil-glorja; 6–12, Il-Qaddisin għandhom iħejju ruħhom għat-tieġ tal-Ħaruf u għall-ikla tal-Mulej; 13–18, L-isqfijiet huma mħallfin f’Iżrael; 19–23, Il-Qaddisin għandhom jobdu l-liġijiet tal-pajjiż; 24–29, Il-bnedmin għandhom jużaw il-volontà tagħhom biex jagħmlu l-ġid; 30–33, Il-Mulej jagħti l-ordni u jirrevoka; 34–43, Biex jindmu, il-bnedmin jeħtieġ li jistqarru u jiċħdu dnubiethom; 44–58, Il-Qaddisin għandhom jixtru l-art ta’ wirthom u jinġabru ġewwa Missouri; 59–65, L-evanġelju jeħtieġ li jiġi mxandar lil kull ħlejqa.

1 Isimgħu, O presbiteri tal-knisja tiegħi, u agħtu widen għall-kelma tiegħi, u tgħallmu minni x’inhi r-rieda tiegħi għalikom, kif ukoll dwar din l-art li jiena bgħattkom fiha.

2 Għax tassew ngħidilkom, hieni dak li jħares il-kmandamenti tiegħi, sew fil-ħajja u sew fil-mewt; u dak li jibqa’ fidil fi żmien ta’ prova, il-ħlas tiegħu huwa akbar fis-saltna tas-smewwiet.

3 Intom għalissa ma tistgħux taraw, permezz tal-għajnejn naturali tagħkom, il-pjan li fassal Alla tagħkom b’relazzjoni ma’ dawk il-ħwejjeġ li sejrin iseħħu aktar tard, u l-glorja li intom sejrin tiksbu wara daqstant tbatija.

4 Għax wara daqstant tbatija jaslu l-barkiet. Għalhekk għad jasal il-jum meta intom sejrin tiġu mżejna bi glorja kbira; is-siegħa għadha ma waslitx, iżda tinsab fil-qrib.

5 Ftakru dan li jiena sejjer ngħidilkom, u araw li tiftħu widnejkom sew, u tirċievu dak li se jingħatalkom.

6 Araw, tassew ngħidilkom, għal dan il-għan jiena bgħattkom—sabiex intom tkunu ubbidjenti, u biex qalbkom tkun lesta tixhed dwar il-ħwejjeġ li sejrin iseħħu;

7 Kif ukoll biex intom ikollkom l-unur li tħejju l-pedament, u tagħtu xhieda, tal-art li fuqha se tieqaf is-Sijon ta’ Alla;

8 Kif ukoll biex tħejju mejda b’laħam imsemmen għall-foqra; iva, mejda b’laħam imsemmen, b’inbid mill-ifjen, biex kulħadd isir jaf li kliem il-profeti se jiġi fis-seħħ;

9 Iva, ikla fid-dar tal-Mulej, imħejjija sew, li għaliha se jkunu mistiedna l-ġnus kollha.

10 L-ewwel, l-għonja u l-imgħallmin, l-għorrief u n-nobbli;

11 U wara jasal jum setgħeti; mbagħad il-foqra, il-magħtuba, u l-għomja, u t-torox, jiġu għat-tieġ tal-Ħaruf, u jieklu mill-ikla tal-Mulej, bi tħejjija għall-jum il-kbir li għandu jiġi.

12 Araw, jien, il-Mulej, tkellimt.

13 U x-xhieda sejra toħroġ minn Sijon, iva, minn fomm il-belt ta’ wirt Alla—

14 Iva, huwa għalhekk li jien bgħattkom hawn, u għażilt lill-qaddej tiegħi Edward Partridge, u ħtartu biex jaqdi l-missjoni tiegħu f’din l-art.

15 Iżda jekk huwa ma jindimx minn dnubietu, li huma n-nuqqas ta’ twemmin u l-ebusija ta’ qalb, jeħtieġ li joqgħod attent li ma jaqax.

16 Araw jiena ħtartu għall-missjoni tiegħu, u ma nerġax naħtru.

17 U min jiġi msejjaħ għal din il-missjoni huwa jinħatar biex ikun mħallef f’Iżrael, bħal fi żmien il-qedem, biex huwa jaqsam l-art ta’ wirt Alla bejn uliedu;

18 U biex huwa jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu skont ix-xhieda tal-ġusti, u bl-għajnuna tal-kunsilliera tiegħu, skont il-liġijiet tas-saltna li jiġu mogħtija mill-profeti ta’ Alla.

19 Għax tassew ngħidilkom, il-liġi tiegħi għandha tiġi mħarsa f’din l-art.

20 Araw li l-ebda bniedem ma jqis lilu nnifsu bħala mexxej, iżda araw li jkun Alla li jmexxi lil min jagħmel ħaqq, skont il-fehma tar-rieda tiegħu, jew, fi kliem ieħor, skont il-fehma ta’ min jinsab fis-siġġu tat-tribunal.

21 Araw li l-ebda bniedem ma jikser il-liġijiet tal-pajjiż, għax min iħares il-liġijiet ta’ Alla m’għandux għalfejn jikser il-liġijiet tal-pajjiż.

22 Għalhekk, oqogħdu għall-mexxejja li qed imexxu, sakemm jibda jsaltan dak li għandu dritt li jsaltan, u li sejjer irażżan l-għedewwa kollha tiegħu u jqiegħdhom taħt riġlejh.

23 Araw, il-liġijiet li intom irċevejtu mingħandi huma l-liġijiet tal-knisja, u f’dan id-dawl intom għandkom tħarsuhom. Araw, hawn qiegħed l-għerf.

24 U issa, kif diġà għidt dwar il-qaddej tiegħi Edward Partridge, din l-art hija l-art fejn għandu joqgħod hu u dawk li huwa għażel bħala l-kunsilliera tiegħu; u hija l-art ukoll fejn għandu joqgħod dak li jien għażiltu biex imexxi l-maħżen tiegħi;

25 Għalhekk, jeħtieġ li huma jġibu l-familji tagħhom f’din l-art, waqt li huma jiddiskutu dan bejniethom flimkien miegħi.

26 Għax araw, ma jaqbilx li nkun jiena li nikkmandakom f’kollox; għax dak li jiġi mġiegħel f’kollox, huwa qaddej għażżien u mhuwiex qaddej għaqli; għalhekk huwa ma jirċievi l-ebda ħlas.

27 Tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l-bnedmin jaħdmu b’ħerqa għal kawża tajba, u jagħmlu ħafna affarijiet minn jeddhom, u jwettqu bosta għemejjel tajbin;

28 Għax fihom tinsab il-qawwa, li permezz tagħha huma ħielsa li jaġixxu għalihom infushom. U diment li huma jagħmlu t-tajjeb huma bl-ebda mod ma jitilfu ħlashom.

29 Iżda min jibqa’ ma jagħmel xejn qabel ma nordnalu jiena, u kmandament jaċċettah b’qalb mimlija dubju, u jħarsu b’nofs qalb, huwa jiġi kkundannat.

30 Jien min jien li għamilt il-bniedem, jgħid il-Mulej, li nħalli bla kastig lil dak li ma jobdix il-kmandamenti tiegħi?

31 Jien min jien, jgħid il-Mulej, li ma wettaqtx dak li wegħidt?

32 Jien nordna lill-bnedmin u huma ma jobdux; jiena nreġġa’ lura u huma ma jiksbu l-ebda barka.

33 Imbagħad huma jgħidu f’qalbhom: Din mhijiex il-ħidma tal-Mulej, għax il-wegħdiet tiegħu ma ġewx fis-seħħ. Iżda dawn ħażin għalihom, għax ħlashom se jeħduh minn isfel, u mhux minn fuq.

34 U issa jien se nagħtikom aktar informazzjoni dwar din l-art.

35 Huwa fl-għerf tiegħi li l-qaddej tiegħi Martin Harris ikun ta’ eżempju għall-knisja, billi jpoġġi flusu f’idejn l-isqof tal-knisja.

36 Kif ukoll, din hija liġi għal kull bniedem li jiġi biex jiret din l-art; u hu għandu jagħmel bi flusu skont kif titlob il-liġi.

37 U huwa fl-għerf tiegħi wkoll li jinxtraw artijiet ġewwa Independence, bħala post għall-maħżen, kif ukoll għall-post fejn isir l-istampar.

38 U l-qaddej tiegħi Martin Harris sejjer jirċievi aktar struzzjonijiet permezz tal-Ispirtu, biex huwa jkun jista’ jirċievi sehmu kif inhu xieraq li jirċievi.

39 U jeħtieġ li huwa jindem minn dnubietu, għax huwa jfittex it-tifħir tad-dinja.

40 U jeħtieġ ukoll li l-qaddej tiegħi William W. Phelps iwettaq dmiru fl-uffiċċju li jien ħtartu għalih, u huwa jirċievi l-art bħala wirtu;

41 U huwa wkoll jeħtieġ li jindem, għax jien, il-Mulej, m’iniex kuntent bih, għax hu jara li jkun aktar importanti minn ħaddieħor, u mhuwiex umli biżżejjed quddiemi.

42 Araw, min jindem minn dnubietu, huwa jikseb il-maħfra, u jien, il-Mulej, ma niftakarhomx aktar.

43 B’dal mod tkunu tafu jekk bniedem nidimx minn dnubietu—araw, huwa jistqarrhom u jiċħadhom.

44 U issa, dwar il-kumplament tal-presbiteri tal-knisja tiegħi, tassew ngħidilkom li ż-żmien li fih jiksbu din l-art bħala wirthom għad baqagħlu s-snin biex jasal, sakemm huma ma jurux ix-xewqa li jiksbuha permezz tat-talb ta’ fidi, u l-Mulej jagħtihom dak li jixtiequ.

45 Għax, araw, huma sejrin igerrxu lill-popli minn truf l-art.

46 Għalhekk, araw li tinġabru flimkien; u dawk li ma ġewx magħżulin biex jibqgħu f’din l-art, jeħtieġ li jmorru jxandru l-evanġelju fl-inħawi tal-madwar; u wara li jagħmlu dan jeħtieġ li jerġgħu lura lejn djarhom.

47 Jeħtieġ li huma jxandru l-kelma tul it-triq, u jaqsmu x-xhieda tagħhom tal-verità f’kull post, u għandhom jitolbu lill-għonja, lil dawk ta’ klassi għolja u baxxa, u lill-foqra sabiex jindmu.

48 U jeħtieġ li huma jibnu l-knejjes, jekk in-nies li jgħammru fuq l-art jindmu.

49 U jeħtieġ li jinħatar aġent, permezz ta’ leħen il-knisja, għall-knisja f’Ohio, sabiex huwa jirċievi għandu l-flus biex jinxtraw l-artijiet f’Sijon.

50 U jiena nagħti kmandament lill-qaddej tiegħi Sidney Rigdon, biex huwa jikteb deskrizzjoni tal-art ta’ Sijon, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ x’inhi r-rieda ta’ Alla, kif jiġi żvelat lilu permezz tal-Ispirtu;

51 U jikteb ukoll ittra, flimkien ma’ lista bil-kontribuzzjonijiet, biex tiġi ppreżentata lill-knejjes kollha biex huwa jiġbor il-flus li jitpoġġew f’idejn l-isqof, jew f’idejn l-aġent, kif jidhirlu hu, jew skont l-istruzzjonijiet tiegħu, biex ikunu jistgħu jinxtraw artijiet li jirtuhom ulied Alla.

52 Għax, araw, tassew ngħidilkom, il-Mulej irid li d-dixxipli u wlied il-bnedmin jiftħu qalbhom b’tali mod li meta ż-żmien jippermetti huma jixtru dawn l-inħawi kollha tal-pajjiż.

53 Araw, hawn qiegħed l-għerf. Jeħtieġ li huma jagħmlu dan ma jmorrux ma jirċievu l-ebda wirt, għajr permezz tat-tixrid tad-demm.

54 U għal darb’oħra, la darba huma jiksbu l-art, jeħtieġ li jintbagħtu ħaddiema ta’ kull tip f’din l-art, biex jaħdmu għall-qaddisin ta’ Alla.

55 Jeħtieġ li dan kollu jsir b’ordni; u jeħtieġ li minn żmien għall-ieħor isir magħruf, mill-isqof jew mill-aġent tal-knisja, x’opportunitajiet wieħed jista’ jsib f’din l-art.

56 U jeħtieġ li l-ħidma tal-ġabra ma ssirx b’għaġla, jew b’ħeffa; iżda jeħtieġ li ssir skont il-parir li jingħata mill-presbiteri tal-knisja waqt il-konferenzi, skont l-għarfien li huma jirċievu minn żmien għall-ieħor.

57 U jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Sidney Rigdon jikkonsagra u jiddedika din l-art, u l-post għat-tempju, għall-Mulej.

58 U jeħtieġ li tissejjaħ laqgħa għall-konferenza; u wara li jsir dan jeħtieġ li l-qaddejja tiegħi Sidney Rigdon u Joseph Smith, Jun., jerġgħu lura, flimkien ma’ Oliver Cowdery, biex iwettqu l-kumplament tal-ħidma li jiena tlabthom jagħmlu ġewwa arthom, kif ukoll dak kollu li huma ntalbu jagħmlu waqt il-konferenzi.

59 U ħadd m’għandu jerġa’ lura qabel ma huwa jaqsam ix-xhieda tiegħu tul it-triq, dwar dak li huwa jaf u li huwa jemmen bla ebda dubju.

60 Jeħtieġ li dak li ġie msawwab fuq Ziba Peterson jittieħed mingħandu; u jeħtieġ li huwa jkun membru fil-knisja, u li huwa jaħdem permezz ta’ jdejh, flimkien mal-aħwa, sakemm huwa jumilja ruħu biżżejjed għad-dnubiet kollha tiegħu; għax huwa baqa’ ma stqarrx dnubietu, u jaħseb li jista’ jaħbihom.

61 Jeħtieġ li l-kumplament tal-presbiteri ta’ din il-knisja li ġejjin f’din l-art, li xi wħud minnhom huma mberkin bil-kbir u bil-kotra, jiltaqgħu wkoll għal konferenza f’din l-art.

62 U jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Edward Partridge imexxi l-konferenza li huma jagħmlu.

63 U jeħtieġ li huma wkoll jerġgħu lura, u jxandru l-evanġelju tul it-triq, fejn huma jagħtu xhieda tal-ħwejjeġ li ġew żvelati lilhom.

64 Għax il-ħoss tabilħaqq għandu jitlaq minn dan il-post u jasal f’kull naħa tad-dinja, sa truf l-art—l-evanġelju jeħtieġ li jiġi mxandar lil kull ħlejqa, u s-sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu.

65 U araw Bin il-Bniedem għandu jiġi. Ammen.