Skrittura
Duttrina u Patti 43


Sezzjoni 43

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, Frar 1831. F’dan iż‑żmien xi membri tal‑Knisja bdew iħossuhom jitħawdu peress li xi wħud bdew jistqarru b’mod falz li kienu qed jirċievu r‑rivelazzjonijiet. Il‑Profeta talab lill‑Mulej u rċieva din il‑komunikazzjoni li kienet indirizzata lill‑presbiteri tal‑Knisja. L‑ewwel parti tittratta ħwejjeġ relatati mat‑tmexxija tal‑Knisja; fl‑aħħar parti nsibu twissija li tgħid li l‑presbiteri għandhom imorru jxandru l‑kelma fost il‑ġnus tad‑dinja.

1–7, Ir‑rivelazzjonijiet u l‑kmandamenti jingħataw biss permezz ta’ dak li ġie maħtur; 8–14, Il‑Qaddisin jitqaddsu jekk huma jagħmlu kollox bi qdusija quddiem il‑Mulej; 15–22, Il‑presbiteri jintbagħtu jxandru l‑indiema u jħejju lill‑bnedmin għall‑jum kbir tal‑Mulej; 23–28, Il‑Mulej jikkomunika mal‑bniedem permezz ta’ fommu u permezz tal‑forzi tan‑natura; 29–35, Il‑Millennju u l‑irbit ta’ Satana se jiġu fis‑seħħ.

1 Isimgħu, O presbiteri tal‑knisja tiegħi u agħtu widen għall‑kliem li se ngħidilkom.

2 Għax araw, tassew, tassew, ngħidilkom, li intom ingħatajtu kmandament bħala liġi għall‑knisja tiegħi, permezz ta’ dak li jiena ħtart biex hu jingħata għalikom ċerti kmandamenti u rivelazzjonijiet mingħandi.

3 U dan hu dak li intom għandkom tkunu tafu fiż‑żgur—li jien mhu se naħtar lil ħadd aktar biex jingħata għalikom kmandamenti u rivelazzjonijiet qabel ma huwa jittieħed, jekk hu jibqa’ fidil lejja.

4 Iżda tassew, tassew, ngħidilkom, li ħadd m’għandu jinħatar biex jingħata dan id‑don ħlief permezz tiegħu; għax jekk dan jitteħidlu huwa ma jkollux aktar il‑qawwa u jkollu jinħatar ieħor minfloku.

5 U din hija liġi li intom qed tingħataw, li m’għandkom taċċettaw l‑ebda tagħlim ta’ xi bniedem li jiġi quddiemkom bħala xi rivelazzjoni jew kmandament;

6 U jien qed ngħidilkom dan biex intom ma tiġux imqarrqin, ħalli tkunu tafu li dak it‑tagħlim mhuwiex minni.

7 Għax tassew ngħidilkom, li dak li hu ordnat minni sejjer jidħol mill‑bieb u se jkun ordnat bil‑mod li għidtilkom qabel, biex huwa jgħallem dawk ir‑rivelazzjonijiet li intom ingħatajtu u li se tingħataw permezz ta’ dak li jiena ħtart.

8 U issa, araw, jiena se nagħtikom kmandament, li meta intom tkunu miġburin flimkien araw li tgħallmu u tedifikaw lil xulxin, ħalli intom tkunu tafu kif għandkom taġixxu u tmexxu l‑knisja tiegħi, u kif għandkom taġixxu fejn jidħlu l‑punti tal‑liġi u l‑kmandamenti li jiena tajt.

9 U b’dal‑mod intom titgħallmu dwar il‑liġi tal‑knisja tiegħi, u intom titqaddsu permezz ta’ dak li intom tingħataw, u intom għandkom taraw li taġixxu bi qdusija quddiemi—

10 U jekk intom tagħmlu dan, mas‑saltna li ngħatajtu intom tingħataw ukoll il‑glorja. Iżda jekk intom ma tagħmlux dan, mingħandkom jittieħed saħansitra dak li intom ingħatajtu.

11 Tnaddfu mill‑ħażen li jinsab f’nofskom; tqaddsu quddiemi;

12 U jekk tixtiequ tiksbu l‑glorji tas‑saltna, araw li taħtru lill‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u araw li lilu intom issostnu quddiemi permezz tat‑talb ta’ fidi.

13 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom li jekk intom tixtiequ tkunu tafu l‑misteri tas‑saltna, araw li tipprovdulu x’jiekol u x’jilbes, u dak kollu li jkun jeħtieġ biex iwettaq il‑ħidma li jiena ordnajtlu biex iwettaq;

14 U jekk ma tagħmlux dan huwa jibqa’ jgħammar fost dawk li laqgħuh fosthom, u jiena nippreserva għalija poplu ta’ qalb safja.

15 U għal darb’oħra ngħidilkom, isimgħu O presbiteri tal‑knisja tiegħi, li jiena ħtart: Intom ma ġejtux mibgħuta biex tkunu mgħallmin, iżda biex tgħallmu lil ulied il‑bnedmin il‑ħwejjeġ li jiena tajtkom bil‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi;

16 U intom għandkom tiġu mgħallmin mill‑għoli. Tqaddsu u intom tiġu ddotati bil‑qawwa, ħalli tkunu tistgħu tagħmlu dak li jiena għidt.

17 Agħtu widen, għax araw, il‑jum kbir tal‑Mulej jinsab fil‑qrib.

18 Għax jasal il‑jum li fih il‑Mulej sejjer isemma’ leħnu mis‑smewwiet; is‑smewwiet sejrin jitheżżu u l‑art sejra titriegħed, u sejra ddoqq it‑tromba ta’ Alla b’ħoss qawwi u jgħajjat, u sejra tgħid lill‑ġnus li jinsabu reqdin: O qaddisin qumu u għixu; O midinbin, ibqgħu reqdin sakemm jien nerġa’ nsejħilkom.

19 Għalhekk ħażżmu ġenbejkom ħalli ma tinstabux qalb il‑ħżiena.

20 Semmgħu leħinkom u la tisktux. Sejħu lill‑ġnus sabiex jindmu, sew lix‑xiħ u sew liż‑żgħir, sew l‑ilsir u sew il‑ħieles, u għidulhom: Ħejju lilkom infuskom għall‑jum kbir tal‑Mulej;

21 Għax jekk jiena, li jiena bniedem, insemma’ leħni u ngħidilkom biex tindmu, u lili tobogħduni, x’se tgħidu intom meta jasal il‑jum li fih jinstama’ leħen ir‑ragħad minn truf l‑art, ikellem lill‑widnejn il‑ħajjin kollha u jgħid—Indmu, u ħejju lilkom infuskom għall‑jum kbir tal‑Mulej?

22 Iva, u għal darb’oħra, meta l‑beraq jibda jixgħel is‑sema mil‑lvant sal‑punent, u jibda jsemma’ leħnu u jkellem lill‑ħajjin kollha, u jwassal biex widnejn dawk kollha li jisimgħuh jibdew itextxu, u huwa jgħid—Indmu, għax wasal il‑jum kbir tal‑Mulej?

23 U għal darb’oħra, il‑Mulej sejjer isemma’ leħnu mis‑smewwiet u jgħid: Agħtu widen, O ġnus tal‑art, u isimgħu kliem dak Alla li ħalaqkom.

24 O, ġnus tal‑art, kemm‑il darba ridt niġborkom flimkien bħalma l‑qroqqa tiġbor il‑flieles taħt ġwenħajha, imma intom ma ridtux!

25 Kemm‑il darba jiena lilkom sejjaħt permezz ta’ fomm il‑qaddejja tiegħi, u permezz tal‑qadi tal‑anġli, u permezz ta’ fommi, u permezz ta’ leħen ir‑ragħad, u permezz ta’ leħen il‑beraq, u permezz ta’ leħen it‑tempesti, u permezz ta’ leħen it‑theżżiż, u l‑maltempati bis‑silġ, u permezz ta’ leħen il‑ġuħ u kull tip ta’ epidemija, u permezz tal‑ħoss qawwi tat‑tromba, u permezz ta’ leħen il‑ħaqq, u permezz ta’ leħen il‑ħniena, il‑jum kollu, u permezz ta’ leħen il‑glorja u l‑unur u l‑għana tal‑ħajja ta’ dejjem, u lilkom jiena stajt fdejt b’salvazzjoni għal dejjem, imma intom ma ridtux!

26 Araw, wasal il‑jum fejn it‑tazza tal‑korla tal‑qilla tiegħi hi mimlija sa fuq.

27 Araw, tassew ngħidilkom, li dan hu kliem il‑Mulej Alla tagħkom.

28 Għalhekk, aħdmu, aħdmu għall‑aħħar darba fl‑għalqa tiegħi—sejħu għall‑aħħar darba lil dawk li jgħammru fuq l‑art.

29 Għax meta nħoss li jkun il‑waqt jiena niġi fuq l‑art biex nagħmel ħaqq, u l‑poplu tiegħi sejjer jikseb il‑fidwa u sejjer isaltan miegħi fuq l‑art.

30 Għax se jasal il‑Millennju l‑kbir, li dwaru tkellimt permezz ta’ fomm il‑qaddejja tiegħi.

31 Għax Satana se jkun marbut, u meta huwa jerġa’ jinħall huwa se jkun jista’ jsaltan biss għal ftit żmien, u mbagħad jasal tmien id‑dinja.

32 U dak li jgħix skont is‑sewwa sejjer jinbidel f’teptipa ta’ għajn, u d‑dinja sejra tispiċċa sewwasew permezz tan‑nar.

33 U l‑ħżiena sejrin jinxteħtu fin‑nar li ma jintefiex, u m’hawn ħadd fuq l‑art li jaf, jew li qatt se jkun jaf, it‑tmiem tagħhom, sa meta huma jiġu quddiemi biex minnhom nagħmel ħaqq.

34 Isimgħu dan il‑kliem. Araw, jiena Ġesù Kristu, is‑Salvatur tad‑dinja. Għożżu dawn il‑ħwejjeġ b’qalbkom kollha, u ħallu moħħkom jinħakem mis‑solennitajiet tal‑eternità.

35 Għixu bil‑qjies. Ħarsu l‑kmandamenti kollha tiegħi. Hekk għandu jkun. Ammen.