Sezzjoni 41
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lill‑Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑4 ta’ Frar, 1831. Din ir‑rivelazzjoni turi lill‑Profeta u l‑presbiteri tal‑Knisja li huma għandhom jitolbu sabiex jirċievu “l‑liġi” ta’ Alla (ara sezzjoni 42). Joseph Smith għadu kemm wasal ġo Kirtland minn New York, u Leman Copley, membru tal‑Knisja ġewwa Thompson, Ohio, post mhux ’il bogħod, “talab lil Brother Joseph u lil Sidney [Rigdon] … biex imorru jgħixu miegħu, fejn hu kien lest ifornihom b’post fejn joqogħdu u bi provvisti.” Ir‑rivelazzjoni li ġejja tikkjarifika fejn għandhom joqogħdu Joseph u Sidney u ssejjaħ ukoll lil Edward Partridge biex ikun l‑ewwel isqof tal‑Knisja.
1–3, Il‑presbiteri sejrin jiggvernaw il‑Knisja permezz tal‑ispirtu tar‑rivelazzjoni; 4–6, Il‑vera dixxipli sejrin jirċievu u jħarsu l‑liġi tal‑Mulej; 7–12, Edward Partridge jinħatar bħala isqof tal‑Knisja.
1 Agħtu widen u isimgħu, O poplu tiegħi, jgħid il‑Mulej u Alla tagħkom, jien li l‑għaxqa tiegħi hi li nberikkom bl‑akbar barkiet fost il‑barkiet kollha, lilkom li tisimgħu minni; u lilkom li ddikjarajtu ismi, imma minni ma tisimgħux, jiena nisħet bl‑agħar saħtiet.
2 Agħtu widen, O presbiteri tal‑knisja tiegħi li jiena sejjaħt, araw jiena nagħtikom kmandament, li intom għandkom tinġabru flimkien biex tkunu ta’ fehma waħda fejn tidħol il‑kelma tiegħi;
3 U permezz tat‑talb tal‑fidi tagħkom intom għandkom tirċievu l‑liġi tiegħi, ħalli intom tkunu tafu kif għandkom tiggvernaw il‑knisja tiegħi u biex taraw li kollox isir b’mod xieraq f’għajnejja.
4 U jiena nkun il‑mexxej tagħkom meta jiena niġi; u araw, jien dalwaqt ġej, u intom għandkom taraw li l‑liġi tiegħi tkun imħarsa.
5 Dak li jirċievi l‑liġi tiegħi u jħarisha huwa d‑dixxiplu tiegħi; u dak li jgħid li jirċeviha u ma jħarishiex mhuwiex dixxiplu tiegħi, u għandu jitkeċċa minn fostkom;
6 Għax mhux xieraq li l‑ħwejjeġ li jappartjenu għal ulied is‑saltna jingħataw lil dawk li mhumiex denji, jew lill‑klieb, jew li l‑ġawhar jinxteħet qalb il‑ħnieżer.
7 Barra minn hekk, hu xieraq li tinbena dar għall‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., li fiha huwa jgħix u jittraduċi.
8 U hu xieraq ukoll li l‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon jgħix skont ix‑xewqa tiegħu, diment li huwa jħares il‑kmandamenti tiegħi.
9 U jiena sejjaħt ukoll lill‑qaddej tiegħi Edward Partridge; u jien tajt kmandament li hu għandu jinħatar permezz ta’ leħen il‑knisja, u għandu jiġi ordnat isqof tal‑knisja, u huwa għandu jħalli n‑negozju u jgħaddi ħinu kollu jaħdem għall‑knisja;
10 Biex huwa jissorvelja kull ħaġa kif jiġi mitlub minnu fil‑liġijiet tiegħi fiż‑żmien li jiena nagħtihom.
11 U dan għaliex f’għajnejja huwa bniedem ta’ qalbu safja, għax hu jixbah lil Natanjel tal‑qedem, li fih ma hemm l‑ebda qerq.
12 Dan il‑kliem qed jiġi mogħti lilkom, liema kliem hu safi f’għajnejja; għalhekk, araw li teħduh bis‑serjetà, għax intom għad tridu tagħtu rendikont ta’ dan f’jum il‑ħaqq. Hekk għandu jkun. Ammen.