2010-2019
Ippruvati u Mġarrbin—iżda Mgħejuna
Ottubru 2015


Ippruvati u Mġarrbin—iżda Mgħejuna

Aħna nistgħu ngħinu lil xulxin bħala wlied Missierna tas-Smewwiet fil-provi u t-tentazzjoni li jkollna.

Tul ħajjitna aħna niġu ppruvati u mġarrbin. Aħna għandna l-opportunità li neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna u ngħinu lil xulxin. Dawn il-veritajiet huma parti mill-pjan sabiħ u perfett ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Il-President John Taylor għallem: ”Meta darba l-Profeta Joseph kien qed ikellem lit-Tnax jiena smajtu jgħid: ’Intom se jkollkom tħabbtu wiċċkom ma’ kull tip ta’ prova. U hu neċessarju li intom tiġu ppruvati daqs kemm kien neċessarju għal Abraham u għal nies oħra ta’ Alla, u (huwa qal) Alla jippruvak u jieħdok f’ idejh u jittestja l-limitu tiegħek.’”1

La darba l-bnedmin jagħlqu l-età li fiha jibdew ikunu responsabbli għal għemilhom, kollha kemm huma jesperjenzaw għadd ta’ sfidi u tentazzjonijiet. Xi kultant dawn ikunu għalina bħal piż kbir, iżda huma jimlewna wkoll bil-qawwa u jgħinuna nikbru hekk kif aħna negħlbuhom b’ suċċess.

Fortunatament, din it-tagħbija m’hemmx għalfejn inġorruha weħidna. Alma għallem, ”Intom qed turu x-xewqa li ssiru parti mill-merħla ta’ Alla, u tissejħu l-poplu tiegħu, u lesti li ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin, biex tkun ħafifa.”2 Dan il-kliem jindika li aħna għandna r-responsabbiltà li ngħinu lil xulxin. Din ir-responsabbiltà tista’ tiġi permezz ta’ sejħa fil-Knisja, xi biċċa xogħol li ġiet assenjata lilna, xi ħbiberija jew parti mid-dmir divin tagħna bħala ġenituri, nies miżżewġin jew membri tal-familja—jew sempliċiment għax nagħmlu parti mill-familja ta’ Alla.

Se nsemmi erba’ modi kif it-tagħbija tagħna tista’ teħfief hekk kif aħna ngħinu lil xulxin.

1. Is-Salvatur qal, ”Jekk xi ħadd iġiegħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.”3 Per eżempju, aħna ġejna mitlubin biex regolarment nattendu t-tempju, dejjem skont kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi. Li aħna nattendu t-tempju jeħtieġ minna li nissagrifikaw il-ħin u r-riżorsi tagħna, speċjalment għal dawk fostna li jeħtieġ li jivvjaġġaw fit-tul. Madankollu, dan is-sagrifiċċju nistgħu nikkunsidrawh parti mill-ewwel mil.

Nibdew nimxu t-tieni mil, jiġifieri li nagħmlu daqsxejn ta’ sagrifiċċju żejjed, meta aħna nifhmu l-kliem ”Sibu, ħudu u għallmu,”4 meta aħna nfittxu u nħejju l-ismijiet tal-antenati tagħna għall-ordinanzi tat-tempju, meta ngħinu biex nirreġistrawhom, meta nservu bħala ħaddiema fit-tempju, u meta nfittxu modi biex ngħinu ħalli oħrajn ikollhom esperjenzi tat-tempju sinifikanti.

Meta kont qed inservi bħala Sebgħin Reġjonali, il-membri ta’ wieħed mill-utied li kien jaqa’ taħt il-kunsill li kont nikkordina marru flimkien bħala grupp kbir ġewwa t-tempju. It-tempju li attendew fih il-membri kien wieħed żgħir, u sfortunatament kienu bosta l-membri li, minkejja l-vjaġġ ta’ 12-il siegħa, ma setgħux jidħlu fit-tempju peress li n-numru kien ferm aktar milli t-tempju kien jiflaħ.

Ftit jiem wara l-vjaġġ, jiena mort inżur dan il-wited u staqsejt lill-president jekk stajtx nitkellem ma’ wħud mill-membri li dak inhar ma rnexxilhomx jattendu t-tempju. Wieħed mill-aħwa li tkellimt miegħu qalli: ”Presbiteru, tinkwetax. Jiena mort fid-dar tal-Mulej. Poġġejt bilqiegħda fuq bank fil-ġnien u hemm bdejt nixtarr f’ moħħi dwar l-ordinanzi. Imbagħad ġejt mogħti l-opportunità li nidħol ġewwa, iżda minflok tajt iċ-ċans lil ħuna ieħor, li kien ġie t-tempju għall-ewwel darba biex jiġi ssiġillat ma’ martu, sabiex jidħol minfloki. Imbagħad dak inhar huma kellhom l-opportunità li jattendu żewġ sezzjonijiet. Il-Mulej jafni, u Huwa berikni u ninsabu tajbin.”

2. Tbissem. Din il-ħaġa sempliċi tista’ tgħin lil dawk li jinsabu ddisprati jew imtaqqlin. Tul is-sezzjoni tas-saċerdozju tal-konferenza ġenerali ta’ April li għadda, jiena kont ninsab bilqiegħda fuq quddiem bħala wieħed mill-ħames Awtoritajiet Ġenerali ġodda. Konna ninsabu bilqiegħda fejn kienu jinsabu l-aħwa nisa tal-presidenzi awżiljarji. Ħassejtni nervuż ħafna u ħassejt piż kbir fuqi minħabba s-sejħa l-ġdida tiegħi.

Meta konna qed inkantaw l-innu intermedju, ħassejt fija bħallikieku xi ħadd kien qed iħares lejja. Għedt lili nnifsi: ”Hawn aktar minn 20,000 ruħ f’ dan il-bini u l-biċċa l-kbira minnhom qed iħarsu din in-naħa. U żgur, xi ħadd qed iħares lejja.”

Meta komplejt inkanta, erġajt ħassejt b’ qawwa li xi ħadd kien qed iħares lejja. Ħarist lejn ir-ringiela fejn kien hemm bilqiegħda t-Tnax-il Appostlu u rajt lill-President Russell M. Nelson b’ ġismu kompletament imdawwar bil-kontra li kien bilqiegħda, iħares lejn in-naħa li konna ninsabu aħna. Jiena qbadtu jħares lejja, u huwa tani tbissima kbira. Dik it-tbissima ġabitli l-paċi fil-qalb inkwetata tiegħi.

Wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, Ġesù Kristu mar iżur nagħaġ oħra. Huwa sejjaħ u ordna tnax-il dixxiplu, u b’ dik l-awtorità, huma marru jamministraw lin-nies. Il-Mulej Ġesù Kristu nnifsu waqaf f’ nofshom. Il-Mulej talabhom sabiex jinżlu għarkupptejkom u jitolbu. Mhux ċert jekk it-tnax-il dixxiplu li kienu għadhom kif ġew imsejħin u ordnati kinux qed iħossu l-piż tas-sejħa tagħhom, iżda l-iskrittura tgħid, ”Ġara li Ġesù berikom hekk kif huma bdew jitolbuh; u d-dehra tiegħu kienet bħallikieku qed jitbissmilhom, u d-dawl tad-dehra tiegħu beda jiddi fuqhom.”5 Tul l-aħħar konferenza ġenerali, tbissima wasslet biex taffiet it-tagħbija tiegħi b’ mod immedjat u straordinarju.

3. Nesprimu sentimenti ta’ kompassjoni lejn l-oħrajn. Jekk intom tħaddnu s-saċerdozju, jekk jogħġobkom użaw il-qawwa tagħkom f’ isem ulied Alla, billi tagħtuhom il-barkiet. Esprimu kliem ta’ konsolazzjoni u faraġ lil nies li jinsabu jsofru u jesperjenzaw xi tbatija.

4. L-għareb tal-pjan ta’ Alla huwa l-Att tal-Fidwa tal-Mulej Ġesù Kristu. Tal-anqas darba fil-ġimgħa, għandna nimmeditaw kif għamel il-President Joseph F. Smith dwar ”l-imħabba kbira u meraviljuża li wrew il-Missier u l-Iben fil-miġja tal-Feddej fid-dinja.”6 Li nistiednu lil oħrajn sabiex jiġu l-knisja u b’ mod den jieħdu sehem fis-sagrament jagħti ċ-ċans li aktar fost l-ulied ta’ Missierna tas-Smewwiet jirriflettu dwar l-Att tal-Fidwa. U, jekk aħna m’aħniex denji, aħna nistgħu nindmu. Ftakru li Bin l-Għoli tbaxxa ’l isfel minn kulħadd u ħa fuqu l-inġurja, id-dnubiet, it-trasgressjonijiet, il-mard. l-uġigħ, is-sofferenza u s-solitudni tagħna. L-iskrittura tgħallimna li Kristu, ”tela’ fil-għoli, kif ukoll tbaxxa ’l isfel minn kollox, sabiex ikun jista’ jifhem kull ħaġa.”7

Huwa x’inhuwa t-taqbid personali tagħna—kemm jekk hu mard jew solitudni mill-aktar kbira jew għax qed insofru t-tentazzjoni u l-prova tal-avversarju—ir-Ragħaj it-Tajjeb jinsab hawn. Huwa jsejħilna b’ isimna u jgħidilna, ”Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”8

Nixtieq nirrepeti fil-qosor l-erba’ punti:

L-ewwel—nagħmlu ftit sagrifiċċju żejjed.

It-tieni—jekk jogħġobkom tbissmu. It-tbissima tagħkom tgħin lil ħaddieħor.

It-tielet—uru kompassjoni.

Ir-raba’—stiednu oħrajn biex jiġu l-knisja.

Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi dwar is-Salvatur. Ġesù hu l-Kristu, Iben Alla l-ħaj u Huwa jgħix. Jiena naf li Huwa jsostni, bis-setgħa u l-qawwa Tiegħu kollha, il-pjan tal-Missier. Jiena naf li l-President Thomas S. Monson huwa profeta ħaj. Huwa jħaddan l-imfietaħ kollha biex imexxi b’ suċċess il-ħidma ta’ Alla fid-dinja. Jiena naf li aħna nistgħu ngħinu lil xulxin bħala wlied Missierna tas-Smewwiet fil-provi u t-tentazzjoni li jkollna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.