2010-2019
”Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi”
Ottubru 2015


”Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi”

Il-kmandamenti ta’ Alla huma manifestazzjoni tal-imħabba Tiegħu għalina, u l-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti Tiegħu hija espressjoni tal-imħabba tagħna lejh.

Meta t-tifla l-kbira tagħna, Jen, kienet reġgħet lura d-dar għall-ewwel darba bit-tielet tarbija tagħha mill-isptar, jiena mort id-dar tagħha biex ngħinha. Wara li wassalna lit-tifla l-kbira tagħha l-iskola, aħna ddeċidejna li l-aktar ħaġa li Jen kellha bżonn kienet li tistrieħ. Għalhekk ħassejt li l-aħjar mod kif stajt ngħinha kien li nieħu lil bintha Chloe d-dar magħna biex ommha u l-bejbi sitter il-ġdida jkunu jistgħu joqogħdu ftit għall-kwiet.

Jiena rbatt lil Chloe fis-sit tagħha tal-karozza, ilbist iċ-ċinturin tas-sigurtà u bdejt insuq lil hinn mid-dar tagħhom. Madankollu, qabel ma lħaqna wasalna f’ tarf it-triq, Chloe fetħet iċ-ċinturin tas-sigurtà tagħha u qamet bilwieqfa fejn bdiet tittawwal minn wara spallejja u titkellem miegħi! Jiena tfajt il-karozza mal-ġenb tat-triq, ħriġt minnha u erġajt irbattha lura fis-sit tagħha.

Erġajna tlaqna iżda ma domtx wisq insuq li ma reġgħetx ħarġet mis-sit tagħha. Jiena rrepetejt dak li kont għamilt qabel, iżda din id-darba, qabel ma erġajt dħalt lura fil-karozza u lbist iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħi, Chloe kienet diġà qamet bilwieqfa!

Spiċċajt bilqiegħda fil-karozza, ipparkjata fil-ġenb tat-triq, nissara ma’ tifla ta’ tliet snin. U hi kienet qed tirbaħli!

Ippruvajt kull ħaġa li ġiet f’ moħħi biex nipprova nikkonvinċiha li hi idea tajba li hi tibqa’ marbuta fis-sit tagħha tal-karozza. Hija xorta baqgħet mhux konvinta! Finalment jiena ddeċidejt li nikkonvinċiha billi ngħidilha li jien kont se nippremjaha jekk hija tobdi.

Jiena għedtilha, ”Chloe, jekk inti tibqa’ fis-sit tiegħek, imbagħad hekk kif naslu d-dar tan-Nanna noqogħdu nilagħbu bl-għaġina.”

L-ebda tweġiba.

”Chloe, jekk inti tibqa’ fis-sit tiegħek, imbagħad noqogħdu nagħmlu l-ħobż hekk kif naslu fid-dar tan-Nanna.”

L-ebda tweġiba.

Erġajt ippruvajt. ”Chloe, jekk inti tibqa’ fis-sit tiegħek, imbagħad nieqaf nixtrilek xi ħaġa!”

Wara li pprovajt għal tliet darbiet, indunajt li dak li kont qed nagħmel kien kollu ta’ xejn. Hija kienet determinata għall-aħħar, u għalxejn bdejt ngħidilha kif kont se nippremjaha biex forsi nikkonvinċiha tibqa’ marbuta fis-sit tagħha.

Ma stajniex nibqgħu ġurnata sħiħa fil-ġenb tat-triq, iżda jien ridt li nobdi l-liġi u barra minn hekk kien ta’ periklu jekk Chloe tqum bilwieqfa waqt li jiena nkun qed insuq. Jiena għedt talba ċkejkna u smajt l-Ispirtu jgħidli, ”Għallimha.”

Dort wiċċni lejha u ġbidt iċ-ċinturin tas-sigurtà minn miegħi biex tkun tista’ tarah fuqi. Jiena għedtilha, ”Chloe, jiena qed nilbes dan iċ-ċinturin tas-sigurtà għaliex jipproteġini. Iżda inti mhux qed tilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħek u mhux se tkun protetta. U jiena nitnikket ħafna jekk inti tweġġa’.”

Hija ħarset lejja; kważi stajt nara moħħha jdur hekk kif bdejt nistenna t-tweġiba tagħha. Finalment, feġġ id dawl fl-għajnejn koħol u kbar tagħha u hija qalet, ”Nanna, inti tridni nilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħi għax tħobbni!”

L-Ispirtu mela l-karozza hekk kif jiena esprimejt l-imħabba tiegħi għal din it-tifla ċkejkna. Ma xtaqtx li dak is-sentiment iħallini, iżda kont naf li issa kelli l-opportunità li noħroġ mill-karozza u naqfilha sewwa fis-sit tagħha. Imbagħad staqsejtha, ”Chloe, jekk jogħġbok tista’ tibqa’ fis-sit tiegħek?” U hekk għamlet—it-triq kollha sas-suq fejn waqaft biex nixtrilha xi ħaġa biex nippremjaha! U hija baqgħet fis-sit it-triq kollha mis-suq sad-dar, fejn għamilna flimkien il-ħobż u qgħadna nilagħbu bl-għaġina għaliex Chloe qatt ma tinsa!

Hekk kif dak inhar erġajt lura fit-triq insuq il-karozza, feġġet skrittura f’ moħħi: ”Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”1 Aħna għandna regoli biex permezz tagħhom ngħallmu, niggwidaw u nipproteġu lil uliedna. Għalfejn? Minħabba l-imħabba kbira li għandna għalihom. Iżda meta Chloe kienet għadha ma fehmitx li x-xewqa li jien kelli, li hija tibqa’ marbuta tajjeb fis-sit tagħha tal-karozza, kienet minħabba l-imħabba li jien kelli għaliha, hija ma kenitx lesta li tissottometti ruħha għal xi ħaġa li hija kienet qed tikkunsidraha bħala restrizzjoni. Hija ħasset li ċ-ċinturin tas-sigurtà kien qed jillimita l-libertà tagħha.

Bħal Chloe, aħna nistgħu nagħżlu li nħarsu lejn il-kmandamenti bħala limitazzjonijiet. Xi kultant nafu nħossu li l-liġijiet ta’ Alla jirristrinġu l-ħelsien personali tagħna, iċaħħduna mill-għażla ħielsa tagħna u jillimitawna milli navvanzaw. Iżda hekk kif infittxu li niksbu akbar għarfien, hekk kif nagħtu ċan li Missierna jgħallimna, aħna nibdew naraw li l-liġijiet Tiegħu huma manifestazzjoni tal-imħabba Tiegħu għalina u l-ubbidjenza tagħna lejn il-liġijiet Tiegħu hija espressjoni tal-imħabba tagħna lejh.

Jekk issibu lilkom infuskom ipparkjati mal-ġenb tat-triq, ippermettuli nissuġġerixxi ftit prinċipji li, jekk nimxu magħhom, jgħinuna nerġgħu lura mingħajr periklu ”fit-triq tal-fidi u l-ubbidjenza”?2

L-ewwel, afdaw f’ Alla. Afdaw fil-pjan etern Tiegħu għalikom. Ilkoll kemm aħna aħna ”iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet.” L-imħabba tagħhom għalina tidher ċara permezz tal-kmandamenti. Il-kmandamenti huma struzzjonijiet mill-aktar importanti sabiex jgħallmuna, jiggwidawna u jipproteġuna hekk kif aħna ”niksbu l-esperjenza fid-dinja.”3

Fir-”renju primortali” aħna wżajna l-għażla ħielsa tagħna biex naċċettaw il-pjan ta’ Alla,4 u aħna tgħallimna li huwa importanti ħafna li nobdu l-liġijiet eterni ta’ Alla biex nirnexxu fil-pjan Tiegħu. L-iskrittura tgħallem, ”Hemm liġi, ordnata b’ digriet irrevokabbli fis-smewwiet, qabel ma ġiet maħluqa d-dinja, li fuqha tiddependi kull barka.”5 Jekk aħna nobdu l-liġi, aħna nirċievu l-barkiet.

Anke bl-iżbalji kollha, bl-oppożizzjoni kollha u t-tagħlim kollu li jakkumpanja l-esperjenza mortali tagħna, Alla qatt ma jinsa x’inhu l-potenzjal etern tagħna, anke meta aħna ninsew. Aħna nistgħu nafdaw fih ”għaliex Alla jrid lil uliedu lura.”6 U Huwa pprovdielna triq permezz tal-Att tal- Fidwa ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. L-Att tal-Fidwa ”huwa l-qofol tal-pjan tas-salvazzjoni.”7

It-tieni, afdaw f’ Ġesù. L-ogħla espressjoni ta’ ubbidjenza u mħabba hija l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Huwa ta ħajtu għalina meta ssottometta lilu nnifsu għar-rieda tal-Missier. Huwa qal, ”Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti; kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”8

Ġesù għallem ukoll:

”Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’ qalbek kollha, b’ ruħek kollha, u b’ moħħok kollu.

”Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

”U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”9

Kull nhar ta Ħadd aħna għandna l-opportunità li nixtarru u niftakru fl-imħabba pura tas-Salvatur tagħna hekk kif nieħdu mill-emblemi tal-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu. Matul is-sagrament, jiena nosserva l-idejn u d-dirgħajn jestednu biex iqassmu l-ħobż u l-ilma. Hekk kif jiena nestendi driegħi biex niekol u nixrob mis-sagrament, jiena nkunu qed nagħmel patt li lesta li nieħu fuqi ismu, li dejjem niftakar fih u nżomm il-kmandamenti Tiegħu. U Huwa jwegħidna ”li jkollna l-Ispirtu Tiegħu dejjem magħna.”10

It-tielet, afdaw fil-vuċi siekta tal-Ispirtu. Tiftakru li fl-esperjenza li jiena kelli ma’ Chloe l-Ispirtu tennieli skrittura partikolari? Tinsab fi Ġwanni 14:15: ”Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” U mbagħad isewgu dawn il-versi:

”U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Farraġ ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem;

”L-Ispirtu tal-verità; li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.”11

Kull membru den u kkonfermat tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandu d-dritt li jkollu miegħu il-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu. Is-sawm, it-talb, l-istudju tal-iskrittura u l-ubbidjenza jsaħħu ferm l-abbiltà tagħna li nisimgħu u nħossu s-suġġerimenti tal-Ispirtu.

Meta moħħkom jimtela bid-dubju u l-konfużjoni, il-Missier u l-Iben jibagħtu l-Ispirtu s-Santu biex iwiddibkom u jiggwidakom b’ sigurtà qalb il-periklu ta’ dan il-vjaġġ mortali. Huwa jgħinkom tiftakru, ifarraġkom u jimliekom ”b’ tama u mħabba perfetta.”12

Ir-rabà, afdaw fil-kunsill tal-profeti ħajjin. Missierna pprovda mod kif aħna nistgħu nisimgħu l-kelma Tiegħu u nsiru nafu l-liġi Tiegħu permezz tal-profeti Tiegħu. Il-Mulej iddikjara, ”Kliemi kollu … se jiġi fis-seħħ, kemm jekk permezz ta’ leħni, kemm ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”13

Riċentiment, profeti ħajjin tawna kunsill sabiex ”niftakru f’ jum is-sabbath u nqaddsuh,”14 u li ngħixu l-liġi tas-sawm. L-ubbidjenza lejn il-kunsill profetiku tipprovdilna mod li jgħinna nobdu l-kmandament ta’ Alla li nħobbu lilu u lil għajrna hekk kif aħna nkabbru l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u nestendu idejna sabiex inħobbu u nieħdu ħsieb lil oħrajn.15

Aħna nibqgħu ’l bogħod mill-periklu jekk nimxu wara l-kelma tal-Mulej permezz tal-profeti Tiegħu. Alla sejjaħ lill-President Thomas S. Monson, lill-kunsilliera fl-Ewwel Presidenza u lill-membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu bħala profeti, bassâra u rivelaturi. F’ din id-dinja fejn il-biża’, id-distrazzjoni, l-avversità u r-rabja dejjem qed jiżdiedu, aħna għandna nħarsu lejhom biex naraw kif id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu—mimlijin bil-karità—jidhru, jinstemgħu u jirreaġixxu għal ċerti ħwejjeġ li jafu jkunu diviżivi. Huma jixhdu dwar Ġesù Kristu u jwieġbu permezz tal-karità, l-imħabba pura ta’ Ġesù Kristu, li tiegħu huma xhieda.

Wara l-esperjenza tiegħi ma’ Chloe, jiena mort infittex versi fl-iskrittura li jsemmu fihom il-kmandamenti u l-imħabba. Sibt ħafna. Kull wieħed minn dawn il-versi jfakkarna li l-kmandamenti Tiegħu huma manifestazzjoni tal-imħabba Tiegħu għalina, u l-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti Tiegħu hija espressjoni tal-imħabba tagħna lejh.

Jiena nixhed li hekk kif aħna nafdaw f’ Alla, il-Missier Etern tagħna; nafdaw f’ Ibnu, Ġesù Kristu u neżerċitaw il-fidi tagħna fl-Att tal-Fidwa Tiegħu; nafdaw fil-leħen sieket tal-Ispirtu; u nafdaw fil-kunsill tal-profeti ħajjin, aħna nsibu mod kif ma nibqgħux fil-ġenb tat-triq u nkomplu għaddejjin mingħajr periklu—mhux biss nissieltu sal-aħħar iżda ngħixu l-vjaġġ tagħna lejn id-dar b’ ferħ. F’ isem Ġesù Kristu, amen.