2010-2019
Il-Pass li Jmiss
Ottubru 2015


Il-Pass li Jmiss

Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu, li tant iħobbuna, jistednukom sabiex tagħmlu dak il-pass li jmiss lejhom. Toqogħdux tistennew. Agħmluh issa.

Ħassejtni verament nitnikket waqt laqgħa riċenti li kont qed nattendi flimkien ma’ grupp ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem mill-aktar meraviljużi. Huma ġew mistoqsijin, ”Min jixtieq li jerġa’ jgħix għal darb’oħra ma’ Missierna tas-Smewwiet?” Kulħadd għolla idu. It-tieni mistoqsija kienet ”Min iħossu kunfidenti li se jirnexxielu jagħmel dan?” Sfortunatament u b’ mod sorprendenti, kważi kulħadd niżżel idu.

Meta aħna nagħrfu d-differenza li hemm bejn min aħna bħalissa u min nixtiequ nsiru, ħafna minna tiġina t-tentazzjoni li nagħżlu li nitilfu l-fidi u t-tama.1

Peress li ”l-ebda ħaġa mniġġsa ma tgħammar ma’ Alla,” 2 biex inkunu nistgħu nerġgħu ngħixu miegħu jeħtieġ li niġu mnaddfin mid-dnub3 u nitqaddsu.4 Kieku kellna nagħmlu dan waħidna, ħadd minna ma jirnexxielu. Iżda aħna m’ aħniex waħidna. Fil- fatt aħna qatt m’aħna waħidna.

Għandna l-għajnuna tas-smewwiet minħabba Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.5 Is-Salvatur qal, ”Jekk intom ikollkom il-fidi fija intom ikollkom il-qawwa li tagħmlu dak kollu li jien irrid li jseħħ.”6 Meta aħna neżerċitaw il-fidi, il-fidi tikber.

Ejjew nikkunsidraw flimkien tliet prinċipji li jgħinuna fil-vjaġġ tagħna lura lejn Missierna tas-Smewwiet.

Insiru bħat-Tfal Żgħar

L-iżgħar neputi tagħna huwa eżempju ta’ dan l-ewwel prinċipju. Wara li tgħallem jitkaxkar u mbagħad jieqaf fuq saqajh, huwa kien lest li jaqbad jimxi. Waqt l-ewwel ftit attentati, huwa waqa’, beda jibki u ta ħarsa li biha ried ifisser, ”Jiena qatt—u qatt—mhu se nerġa’ nipprova! Jiena sempliċiment se nibqa’ nitkaxkar.”

Meta huwa tfixkel u waqa’, il-ġenituri tiegħu li jħobbuh tant ma qatgħux qalbhom minnu jew ħassew li qatt ma kien se jimxi. Minflok huma ħarġu dirgħajhom filwaqt li bdew isejħulu, u b’ għajnejh iffissati fuqhom, huwa reġa’ pprova jimxu ’l quddiem lejn it-tgħannieqa kollha mħabba tagħhom.

Il-ġenituri li jħobbuna tant huma dejjem lesti b’ dirgħajhom miftuħa sabiex jilqgħu saħansitra l-iżgħar pass li aħna nagħmlu fid-direzzjoni l-ġusta. Huma jafu li r-rieda tagħna li nippruvaw u nerġgħu nippruvaw twassal biex aħna navvanzaw u nirnexxu.

Is-Salvatur għallem li biex nirtu s-saltna ta’ Alla, jeħtieġ li aħna nisru bħat-tfal ċkejknin.7 Għalhekk, f’ termini spiritwali, l-ewwel prinċipju hu li jeħtieġ li aħna nagħmlu dak li għamilna meta konna tfal.8

Bl-umiltà u r-rieda, bħat-tfal ċkejknin, li niffukaw fuq Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, aħna nagħmlu pass wara l-ieħor ’il quddiem, u qatt ma naqtgħu qalbna, anke jekk naqgħu. Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jifraħ kull darba li nagħmlu pass tajjeb, u jekk naqgħu, Huwa jifraħ kull darba li nagħmlu sforz biex nerġgħu nqumu u nerġgħu nippruvaw.

Aġixxu bil-Fidi

It-tieni prinċipju jiena rajtu jiġi fis-seħħ permezz ta’ żewġ Qaddisin mill-aktar fidili, it-tnejn li huma b’ xewqa kbira f’ qalbhom li jsibu lis-sieħeb u s-sieħba eterni tagħhom. It-tnejn li huma għamlu passi li kienu jeħtieġu verament il-fidi biex għamluhom.

Yuri, Qaddis tal-Aħħar Jiem Russu, issagrifika tant u faddal il-flus biex jagħmel vjaġġ twil lejn it-tempju. Fuq il-ferrovija huwa nnota mara sabiħa b’ dija fuq wiċċha, u hu ħass li kellu jaqsam l-evanġelju magħha. Peress li ma kienx ċert x’ seta’ jagħmel aktar, huwa beda jaqra mill-Ktieb ta’ Mormon tiegħu, jittama li f’ xi ħin hija tinnutah.

Yuri ma ndunax li dik il-mara, Mariya, kienet diġà Qaddisa tal-Aħħar Jiem. Bla ma kienet taf li anke Yuri kien membru, u għax ħasset li kellha taqsam l-evanġelju miegħu, Mariya bdiet taqra wkoll mill-Ktieb ta’ Mormon tagħha, tittama li f’ xi ħin huwa jinnutaha.

Mela, meta t-tnejn li huma ħarsu ’l fuq, Yuri u Mariya baqgħu mistagħġbin meta raw li t-tnejn kellhom f’ idejhom il-Ktieb ta’ Mormon—u iva, wara li spiċċaw iħobbu lil xulxin, huma ġew issiġillati fit-tempju. Illum, Yuri u Mariya Kutepov minn Voronezh, ir-Russja, bħala koppja eterna, jinsabu jikkontribwixxu b’ mod mill-aktar sinifikanti fit-tkabbir tal-Knisja fir-Russja.

L-enfażi hawnhekk mhijiex biss fuq ir-rieda ta’ din il-koppja li jaġixxu skont il-fidi. Hija wkoll dwar it-tieni prinċipju—il-Mulej jagħmel ferm aktar milli jpatti għar-rieda li aħna nuru li naġixxu skont il-fidi. Ir-rieda tagħna li nagħmlu dak il-pass mhux biss japprezzaha; aktar minn hekk il-Mulej jippremjana bil-barkiet imwiegħda Tiegħu.

Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jinsabu ħerqanin li jberkuna. Wara kollox, Huma jitolbu minna biss għaxra fil-mija ta’ dak li berkuna bih u mbagħad iwegħduna li jinfetħu għalina t-twieqi tas-sema!9

Kull meta aħna minn jeddna naġixxu bil-fidi f’ Ġesù Kristu u nagħmlu pass ieħor, speċjalment il-pass xejn komdu li jeħtieġ minna li ninbidlu jew nindmu, aħna nitbierku bil-qawwa.10

Jiena nixhed li l-Mulej jiggwidana fil- u permezz tal-—pass li jmissna nagħmlu. Huwa jippremjana għall-isforzi tagħna bil-qawwa Tiegħu jekk aħna nkunu lesti li nibqgħu nippruvaw, nindmu u mexjin ’il quddiem bil-fidi f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ibnu, Ġesù Kristu.

Id-doni spiritwali huma mwiegħda mhux biss lil dawk li jħobbu lil Alla u jżommu l-kmandamenti kollha Tiegħu iżda wkoll, u ta’ dan għandna nkunu grati, lilna lkoll li ”nippruvaw nagħmlu dan.”11 Il-qawwa tingħata lil dawk li jibqgħu jfittxu u jippruvaw.

Żewġ gwidi essenzjali li ta’ kull ġimgħa juruna t-triq tagħna fil-vjaġġ tagħna lura lejn Missierna tas-Smewwiet huma l-patt għal dejjem tal-ordinanza tas-sagrament u meta aħna nosservaw jum il-Ħadd. Il-President Russell M. Nelson għallimna fl-aħħar konferenza ġenerali li l-jum tal-Ħadd huwa r-rigal li l-Mulej tana. Li aħna kull ġimgħa nosservaw jum il-Ħadd huwa sinjal li aħna nagħtu lill-Mulej li aħna nħobbuh.12

Kull nhar ta’ Ħadd aħna nixhdu li aħna ”lesti li nieħdu fuqna ismu,  u dejjem niftakru fih, u nżommu l-kmandamenti tiegħu.”13 Talli aħna nkunu wrejna qalb niedma u ċertu impenn, il-Mulej iġedded l-imwiegħda maħfra tad-dnubiet u jagħtina ċ-ċans li ”dejjem ikollna l-Ispirtu tiegħu magħna.”14 L-influwenza tal-Ispirtu s-Santu ttejjibna, issaħħaħna, tgħallimna u tiggwidana.

Jekk, meta kull nhar ta’ Ħadd niftakru fih, aħna ndawru qlubna lejn is-Salvatur permezz ta’ dawn iż-żewġ gwidi importanti, l-isforzi tagħna jiġu, għal darb’oħra, ippremjati mill-Mulej permezz tal-barkiet imwiegħda Tiegħu. Aħna ġejna mwiegħda li, jekk nosservaw b’ devozzjoni l-jum tal-Ħadd, aħna nkunu nistgħu niksbu l-milja tad-dinja.15

It-triq lura lejn Missierna tas-Smewwiet twassalna sad-dar tal-Mulej, fejn hemm aħna nitbierku għaliex nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni għalina nfusna kif ukoll għall-maħbubin tagħna li ħallew din id-dinja. Il-President Boyd K. Packer għallem li ”l-ordinanzi u l-patti jsiru l-kredenzjali li aħna neħtieġu biex nidħlu fil-preżenza ta’ Alla.”16 Nitlob li lkoll kemm aħna nkunu dejjem denji ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju u nużawha biex permezz tagħha nkunu nistgħu nservu regolarment.

Negħlbu l-Bniedem Naturali

It-tielet prinċipju huwa dan: għandna nopponu t-tendenza li l-bniedem naturali għandu li jipprokrastina ruħu jew jaqta’ qalbu.17

Hekk kif aħna navvanzaw tul it-triq tal-patt, m’hemmx dubju li se niżbaljaw diversi drabi. Xi wħud minna jinsabu jitqabdu tant minħabba mġieba jew vizzji li nispiċċaw inħossuna li m’għandniex aktar qawwa li negħlbuhom. Iżda l-fidi tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ġesù Kristu hija l-prinċipju li jagħtina l-qawwa li naġixxu.18 Jekk aħna lesti li naġixxu, aħna nkunu mberkin bil-qawwa li nindmu u bil-qawwa li ninbidlu.

Aħna nfallu biss jekk aħna nfallu li nagħmlu pass ieħor ta’ fidi ’l quddiem. M’aħniex se nfallu, u ma nistgħux infallu, jekk b’ fedeltà aħna nagħmlu dan bi sħubija mas-Salvatur—Hu li qatt ma falla u li qatt mhu se jwassalna biex infallu.

Barkiet Imwiegħda

Jiena nwiegħed li kull pass ta’ fidi li nagħmlu se jiġi sostnut permezz tal-għajnuna mis-smewwiet. Aħna niġu ggwidati hekk kif aħna nitolbu lil Missierna tas-Smewwiet, nafdaw fis-Salvatur tagħna u nimxu warajh, u nisimgħu mill-Ispirtu s-Santu. Aħna nissaħħew minħabba s-sagrifiċċju tat-tpattija ta’ Ġesù Kristu.19 Niksbu l-fejqan u l-maħfra minħabba l-grazzja ta’ Alla.20 Niksbu wkoll l-għerf u l-paċenzja jekk aħna nafdaw ukoll f’ ħin il-Mulej għalina. Aħna nistgħu nkunu protetti jekk aħna nimxu wara l-profeta ħaj ta’ Alla, il-President Thomas S. Monson.

Intom ġejtu maħluqin ”sabiex ikollkom il-ferħ,”21 ferħ li intom tħossu meta b’ mod den intom tmorru lura ħdejn Missierkom tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħkom u hemmhekk Huma jgħannqukom magħhom.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar dawn il-veritajiet assoluti. Missierkom tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, jgħixu. Huma jafukom. Huma jħobbukom. B’ imħabba Huma jistednukom sabiex tagħmlu l-pass li jmiss lejhom. Toqogħdux tistennew. Agħmluh issa. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.