2010-2019
Il-Fidi ma Tiġix b’ Kumbinazzjoni, Iżda Hi Għażla
Ottubru 2015


Il-Fidi ma Tiġix b’ Kumbinazzjoni, Iżda Hi Għażla

Il-fidi f’ Ġesù Kristu hija rigal mis-smewwiet li aħna niksbu hekk kif nagħżlu li nemmnu u hekk kif nagħmlu li nistgħu biex niksbuha u nżommu sod magħha.

Is-Salvatur għaraf il-qawwa jew id-dgħjufija fil-fidi ta’ dawk ta’ madwaru. Lil waħda, Huwa qalilha b’ approvazzjoni, ”Il-fidi tiegħek kbira.”1 B’ niket Huwa qal lil oħrajn, ”O nies ta’ fidi ċkejkna.”2Huwa staqsa lil ħaddieħor, ”Fejn hi l-fidi tagħkom?”3 U Ġesù għaraf il-fidi ta’ xi ħadd ieħor meta qal, ”F’ ħadd minn Iżrael kollu ma sibt fidi bħal din.”4

Jiena nistaqsi lili nnifsi, ”Is-Salvatur kif jara l-fidi tiegħi?” U llejla nistaqsi lilkom, ”Is-Salvatur kif jara l-fidi tagħkom?”

Il-fidi f’ Ġesù Kristu mhix bħal rixa li tinsab ittir fl-arja. Il-fidi ma tinżilx fuqna b’ kumbinazzjoni jew m’għandhiex xi privileġġ speċjali li jiġri x’ jiġri se tibqa’ dejjem magħna. Hija, kif tgħid l-iskrittura, ”sustanza …, il-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.”5 Il-fidi tipproduċi dawl spiritwali, u dan id-dawl nistgħu narawh.6 Il-fidi f’ Ġesù Kristu hija rigal mis-smewwiet li nistgħu niksbuh meta nagħżlu li nemmnu7 u hekk kif nagħmlu li nistgħu biex niksbuha u nżommu sod magħha. Il-fidi tagħkom jew qed tissaħħaħ jew inkella qed tiddgħajjef. Il-fidi hija prinċipju ta’ qawwa, importanti mhux biss f’ din il-ħajja iżda wkoll lil hinn mill-velu.8 Permezz tal-grazzja ta’ Kristu, xi darba aħna se niġu salvati permezz tal-fidi tagħna f’ ismu.9Il-futur tal-fidi tagħkom mhuwiex b’ kumbinazzjoni iżda permezz ta’ għażla.

Il-Fidi ta’ Żagħżugħ Brażiljan

Xahar ilu fil-Brażil, jiena ltqajt ma’ Aroldo Cavalcante. Huwa tgħammed meta kellu 21 sena, l-ewwel membru tal-Knisja fil-familja tiegħu. Il-fidi tiegħu kienet mill-aktar b’ saħħitha, u immedjatament huwa beda jħejji biex iservi missjoni. Sfortunatament, omm Aroldo ntlaqtet mill-marda tal-kanċer. Tliet ijiem wara, ftit jiem biss qabel ma’ mietet, hija tkellmet ma’ Aroldo dwar waħda mill-akbar ħwejjeġ li kienu qed jinkwetawha. Ma kien hemm ħadd iżjed fil-familja li seta’ jgħin. Aroldo kien jeħtieġ li jieħu fuqu r-responsabbiltà kollha taż-żewġ ħutu bniet u ta’ ħuh li lkoll kienu iżgħar minnu. Solenniment huwa għamel din il-wegħda lil ommu li kienet qed tmut.

Immaġni
L-aħwa Cavalcante

Filgħodu beda jaħdem ġewwa bank u filgħaxija beda jattendi l-università. Huwa kompla jżomm il-patti tiegħu tal-magħmudija, iżda t-tamiet li huwa jservi missjoni full-time kienu kollha taru mar-riħ. Issa l-missjoni tiegħu kienet li jieħu ħsieb il-familja tiegħu.

Xhur wara waqt li kien qed iħejji diskors għal waqt il-laqgħa tas-sagrament, Aroldo beda jistudja l-kliem ta’ Samwel hekk kif huwa beda jċanfar lis-Sultan Sawl: ”L-ubbidjenza,” huwa qara, ”hi aqwa mis-sagrifiċċji.”10 Aroldo rċieva l-ispirazzjoni, li kważi kienet tidher impossibbli li jwettaqha, li kien jeħtieġ li hu jobdi s-sejħa tal-profeta li jmur jaqdi missjoni. Mingħajr ma qata’ qalbu mill-ostakli li kellu quddiemu, huwa baqa’ għaddej b’ fidi enormi.

Immaġni
Il-Presbiteru Aroldo Cavalcante

Aroldo faddal kull sold Brażiljan li seta’ jfaddal. Fl-età ta’ 23 sena, huwa rċieva s-sejħa tiegħu tal-missjoni. Huwa qal lil ħuh kemm kellu jiġbed flus kull xahar mill-kont tal-familja. Aroldo xorta waħda ma kellux biżżejjed flus biex jifdi l-ħlas kollu tal-missjoni tiegħu u l-ispejjeż ta’ ħutu għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom, iżda b’ fidi huwa daħal fiċ-ĊTM. Ġimgħa wara huwa rċieva l-ewwel barka fost il-ħafna li huwa rċieva. Il-bank fejn kien qed jaħdem il-Presbiteru Cavalcante bla mistenni rdoppja l-flus li huwa kien rċieva hekk kif temm l-impjieg tiegħu. Dan il-miraklu, flimkien ma’ oħrajn, ipprovdielu l-flus li huwa kellu bżonn għall-missjoni tiegħu kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu meta kien ’il bogħod minnhom.

Immaġni
Il-familja Cavalcante llum il-ġurnata

Għoxrin sena wara, Ħuna Cavalcante qed iservi bħala l-president tal-Wited ta’ Boa Viagem ġewwa Recife, il-Brażil. Meta beda jħares lura lejn dak iż-żmien, huwa qal, ”Hekk kif jiena ppruvajt ngħix b’ mod xieraq, jien ħassejt l-imħabba u l-gwida tas-Salvatur. Il-fidi tiegħi kibret, u tagħtni ċ-ċans li negħleb il-bosta sfidi li jiena kelli.”11 Il-fidi ta’ Aroldo ma waslitx għandu b’ kumbinazzjoni, iżda kienet għażla personali.

Hawn bosta nies Kristjani li għandhom fidi qawwija fil-Mulej Ġesù Kristu, u lilhom aħna nonoraw u nirrispettaw.

Mhux Aktar Fuq Art Newtrali

Iżda l-aħwa, aħna ġejna mogħtija saħansitra xi ħaġa aktar: is-saċerdozju ta’ Alla, il-qawwa ta’ Alla rrestawrata lura fid-dinja permezz ta’ anġli mqaddsa. Permezz tagħha intom nies differenti minn ħaddieħor. Intom m’ għadkomx aktar fuq art newtrali. Il-fidi tagħkom tikber mhux b’ kumbinazzjoni iżda permezz ta’ għażla li intom tagħmlu.

Il-mod li bih ngħixu ħajjitna jsaħħaħ jew idgħajjef il-fidi tagħna. Il-talb, l-ubbidjenza, l-onestà, is-safa fil-ħsieb u fl-għemil, u l-altruwiżmu jsaħħu l-fidi. Mingħajrhom, il-fidi tagħna tiddgħajjef. Għalfejn is-Salvatur qal lil Pietru, ”Jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa”?12 Għaliex hemm avversarju li jieħu gost jeqred il-fidi tagħna! Agħmlu dak kollu li tistgħu biex tipproteġu l-fidi tagħkom.

Mistoqsijiet Onesti

Li aħna nindirizzaw ċerti mistoqsijiet onesti hija parti importanti fil-bini tal-fidi tagħna, u aħna nużaw kemm l-intellett kif ukoll is-sentimenti tagħna. Il-Mulej qal, ”Jiena nkellimkom f’ moħħkom u f’ qalbkom.”13 Mhux kull tweġiba tiġi b’ mod immedjat, iżda bosta mistoqsijiet jistgħu jirrisolvu ruħhom billi b’ sinċerità aħna nistudjaw u nfitxxu li niksbu tweġiba mingħand Alla. Li aħna nużaw moħħna mingħajr ma nużaw qalbna mhux se jwassalna biex niskbu dik it-tweġiba spiritwali. ”Ħadd ma jagħraf dak li hemm f’Alla ħlief permezz tal-Ispirtu ta’ Alla.”14 U biex jgħinna, Ġesù wegħidna ”Farraġ ieħor” u sejjaħlu ”sewwasew l-Ispirtu tal-verità.”15

Il-fidi qatt ma teħtieġ minna li jkollna tweġiba għal kull mistoqsija li jkollna iżda tara li aħna jkollna l-assigurazzjoni u l-kuraġġ li nibqgħu mexjin ’il quddiem, u xi kultant nagħrfu, ”Jiena ma nafx kollox, iżda naf biżżejjed li nkompli miexi fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli.”16

Li nħallu lilna nfusna ninħakmu mid-dubju, liema dubju jkompli jiġi infurzat minn dawk ta’ mingħajr fidi u lealtà, iwassalna biex indgħajfu l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u fir-Restawrazzjoni.17 ”Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha.”18

Per eżempju, mistoqsijiet dwar il-Profeta Joseph Smith mhumiex xi ħaġa ġdida. Il-kritiċi ilhom jistaqsuhom b’ mod diżonest mill-bidu ta’ din il-ħidma. Lilkom nies ta’ fidi li, meta tħarsu min-nuċċali kkulurit tas-seklu 21, bl-onestà kollha tistaqsu dwar ċerti ġrajjiet jew dikjarazzjonijiet mill-ħajja tal-Profeta Joseph ta’ kważi 200 sena ilu,, ippermettuli nagħtikom daqsxejn ta’ parir ta’ ħabib: Għalissa, oqogħdu ftit lura milli tiġġudikaw lil Ħuna Joseph! F’ xi żmien fil-futur, intom se jkollkom quddiemkom 100 darba aktar informazzjoni mir-riċerka kollha li għandna llum, u din se tiġi mogħtija lilna minn Missier tas-Smewwiet li jaf kollox.19 Ikkunsidraw il-ħajja kollha ta’ Joseph—twieled fil-faqar u b’ ftit li xejn edukazzjoni formali, huwa ttraduċa l-Ktieb ta Mormon f’ anqas minn 90 jum.20 Għexieren ta’ eluf ta’ nies onesti u devoti ħaddnu l-kawża tar-Restawrazzjoni. Fl-età ta’ 38 sena, Joseph issiġilla x-xhieda tiegħu permezz ta’ demmu. Jiena nixhed li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla. Emmnu f’ dan, u ibqgħu mexjin ’il quddiem!

Rigali li Jkabbru l-Fidi Tagħna

Kemm il-Bibbja kif ukoll il-Ktieb ta’ Mormon jagħtuna l-assigurazzjoni mill-isbaħ li Ġesù hu l-Kristu, Iben Alla. F’ idejja għandi kopja tal-ewwel edizzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon bil-Franċiż, ippubblikat minn John Taylor hekk kif beda l-ħidma tiegħu fi Franza fl-1852. Il-Ktieb ta’ Mormon, jew parti minnu, issa jinsab disponibbli f’ 110 lingwa differenti madwar id-dinja. Dan jagħtina xhieda spiritwali u tanġibbli tal-verità tar-Restawrazzjoni. Meta kienet l-aħħar darba li intom qrajtu l-Ktieb ta’ Mormon minn qoxra sa qoxra? Erġgħu aqrawh. Żgur li jsaħħilkom il-fidi tagħkom.21

Rigal ieħor minn Alla li jsaħħilna l-fidi tagħna huwa l-gwida li aħna nirċievu mingħand l-Ewwel Presidenza u l- Kworum tat-Tnax. Illum aħna sostnejna tliet membri ġodda tat-Tnax, u jiena nilqa’ fiċ-ċirku sagru tal-Kworum tat-Tnax lill-Presbiteru Rasband, lill-Presbiteru Stevenson u lill-Presbiteru Renlund. Pawlu qal:

”Huwa sejjaħ appostli; u … profeti; …

”Biex jitrawmu l-qaddisin … :

”Sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla … :

”Ma nkunux aktar … mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.”22

Il-gwida tal-Ewwel Presidenza u tat-Tnax tgħin sabiex tiġi protetta l-fidi tagħna.

Immaġni
Fjammi ta’ fidi

Għalkemm in-nar tal-fidi tagħkom fil-bidu jaf ikun żgħir, permezz ta’ għażliet tajba intom tiksbu kunfidenza akbar f’ Alla, u l-fidi tagħkom tikber. Id-diffikultajiet li tħabbtu wiċċkom magħhom fil-ħajja mortali jippruvaw jitfu n-nar tagħkom, u l-forzi tal-ħażen li bilkemm ikunu jidhru fid-dalma, jittamaw li jeqirdulkom il-fidi tagħkom. Iżda hekk kif intom tkomplu tagħmlu għażliet tajba, tafdaw f’ Alla u timxu wara Ibnu, il-Mulej jibgħat fuqkom dawl u għarfien akbar, u l-fidi tagħkom issir stabbli u soda. Il-President Thomas S. Monson qal: ”Tibżgħux. … Il-futur se jiddi skont kemm se tiddi l-fidi tagħkom.””23

Porter, Zane, u Max Openshaw

Il-fidi taż-żgħażagħ tal-Knisja hija ħaġa mill-aktar meraviljuża!

Immaġni
Il-familja Openshaw

Fit-12 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, jiena rċevejt email li kienet tgħid li isqof ta’ qasam f’ Utah, martu u tnejn minn uliedhom kienu tilfu ħajjithom f’ aċċident tal-ajru. L-Isqof Mark Openshaw kien qed itajjar l-ajruplan hekk kif telaq minn ajruport żgħir, meta f’ daqqa waħda waqa’ mis-sema u kkraxxja. Fl-aċċident mietu -Isqof Openshaw, martu, Amy u wliedhom, Tanner u Ellie. B’ mod mirakoluż, binhom ta’ ħames snin, Max, li spiċċa tar ’il barra mit-tieqa flimkien mas-sijt li kien fuqu fl-ajruplan, ħelisha mill-mewt u sofra biss ftit għadam miksur.

Jiena sirt naf li binhom il-Presbiteru Porter Openshaw kien qed iservi fil-Missjoni ta’ Majuro fil-Gżejjer Marshall u li binhom, Zane, li kellu 17-il sena, kien jinsab fuq żjara kulturali mal-iskola tiegħu, fil-Ġermanja.

Jiena bgħatt għall-Presbiteru Openshaw fil-Gżira ta’ Christmas. Għalkemm kellu qalbu maqsuma minħabba l-mewt mhux mistenijja ta’ ommu, missieru, ħuh u oħtu, il-ħsieb tal-Presbiteru Openshaw immedjatament dar fuq iż-żewġ ħutu s-subien iż-żgħar.

Ultimament kien il-Presbiteru Openshaw u ħuh Zane li ddeċidew li filwaqt li oħrajn setgħu jgħinu fid-dar, Porter kellu jibqa’ fil-missjoni tiegħu. Huma kienu jafu x’ kienet ix-xewqa tal-ġenituri tagħhom.

Immaġni
Il-Presbiteru Porter Openshaw waqt magħmudija

Hekk kif jiena kont qed nitkellem mal-Presbiteru Openshaw, stajt inħoss kemm in-niket tiegħu u kemm in-nar jaqbad tal-fidi tiegħu. ”Jiena ċert,” huwa qalli, ”u naf mingħajr l-iċken dubju li jiena għad nerġa’ nara l-familja tiegħi. … Il-qawwa fl-isfidi tagħna tal-ħajja dejjem nistgħu nsibuha fil-… Mulej tagħna, Ġesù Kristu. … Jidher b’ mod ċar li l-id omnipotenti ta’ Alla verament għenet lili u lil ħuti waqt din l-isfida mill-aktar diffiċli.”24

Immaġni
Zane Openshaw jitkellem waqt il-funeral

Jiena ltqajt għall-ewwel darba ma’ Zane waqt il-funeral. Hekk kif ħarist lejn l-erba’ twiebet li kien hemm quddiemna fil-kappella, jiena mmeraviljajt ruħi bil-fidi ta’ dan iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena hekk kif huwa kien qed jindirizza lill-kongregazzjoni. ”Illum,” huwa qal, ”aħna nġbarna hawn b’ qalb umli u ruħ mifnija biex niftakru fil-ħajja ta’ ommi, ta’ missieri, ta’ Tanner u ta’ Ellie. … Aħna mxejna flimkien, bkejna flimkien, ftakarna flimkien u ħassejna id Alla flimkien. …

”L-għada li smajt bl-aħbar tal-aċċident, fil-basket tiegħi jiena sibt ittra li kienet kitbitli ommi. Fl-ittra hija kitbet: ’Zane, ftakar dejjem min verament int u minn fejn ġej. Aħna se nkunu qed nitolbu għalik u se nimmissjawk.” Zane kompla: ”L-aħħar kliem ta’ ommi ma setax kien aktar xieraq minn hekk. Jiena naf li hi, flimkien ma’ Tanner, Ellie u missieri jinsabu … jitolbu għalija u għal ħuti. Jiena naf li … huma qed jitolbu li jien niftakar dejjem min verament jien … għaliex jiena, bħalkom, jien iben Alla, u lili bagħatni hawn. Nixhed magħkom li … inħossuna kemm inħossuna weħidna, Alla żgur mhux se jitlaqna.”25

Għeżież ħbieb tiegħi, il-fidi tagħkom ma bdietx meta intom twelidtu, u mhux se tintemm meta intom se tmutu. Il-fidi hija għażla. Saħħu l-fidi tagħkom, u għixu b’ mod li tkunu denji ta’ dan il-kliem ta’ approvazzjoni li jgħidilna s-Salvatur: ”Il-fidi tiegħek kbira.” Hekk kif tagħmlu dan, jiena nwegħidkom li l-fidi tagħkom, permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu, xi darba twassalkom biex tieqfu ma’ dawk li intom tħobbu, nodfa u safja fil-preżenza ta’ Alla, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mattew 15:28.

  2. Mattew 6:30.

  3. Luqa 8:25.

  4. Mattew 8:10.

  5. Lhud 11:1.

  6. Ara Alma 32:35.

  7. Ara L. Whitney Clayton, “Nagħżlu li Nemmnu,” Liahona, Mejju 2015, 36–39.

  8. Ara Lectures on Faith (1985), 3.

  9. Ara Efesin 2:8.

  10. 1 Samwel 15:22.

  11. Diskussjoni personali ma’ Aroldo Cavalcante, 29 ta’ Aww., 2015, Salvador, il-Brażil, kif ukoll permezz ta’ email iddatata 31 ta’ Aww., 2015. Hemm ferm aktar xi ngħidu dwar l-istorja ta’ Aroldo Cavalcante, dwar l-impenn tiegħu lejn ommu biex jieħu ħsieb ta’ ħutu. Fs-snin ta’ wara l-mewt ta’ ommu, huwa spiċċa jirreferi pubblikament għal ħutu bħala ”uliedu.” Waqt il-missjoni tiegħu, l-ittri u t-telefonati tiegħu f’ Jum il-Milied u f’ Jum l-Omm kienu jittrattaw dwar l-isfidi individwali ta’ kull membru tal-familja. Permezz ta’ sagrifiċċju kbir li huwa għamel wara l-missjoni tiegħu, Aroldo ħa f’ idejh ir-responsabbiltà finanzjarja għall-edukazzjoni tagħhom u l-missjoni ta’ ħuh. Aroldo baqa’ jistenna sakemm iżżewġu ħutu qabel ma’ huwa żżewweġ ukoll fl-età ta’ 32 sena. Huma baqgħu verament viċin xulxin bħala familja.

  12. Luqa 22:32.

  13. Doctrine and Covenants 8:2.

  14. 1 Korintin 2:11.

  15. Ġwanni 14:16–17.

  16. Ara Adam Kotter, “When Doubts and Questions Arise,” Liahona, Mar. 2015, 39–41.

  17. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell darba qal: ”Xi wħud jinsistu li jistgħu jsiru jafu fuq il-Knisja biss permezz ta’ dawk li telqu minnha—qisek tintervista lil Ġuda biex tifhem lil Ġesù. Dawk li telqu dejjem se jitkellmu ferm iżjed dwarhom infushom milli se jitkellmu dwar dik li minnha telqu” (“All Hell Is Moved” [Brigham Young University devotional, Nov. 8, 1977], 3, speeches.byu.edu).

  18. 1 Korintin 2:14.

  19. ”Jiena qatt m’ għedtilkom li jiena perfett; iżda m’hemm l-ebda żball fir-rivelazzjonijiet li jiena għallimt” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 522).

  20. Ara John W. Welch and Tim Rathbone, “The Translation of the Book of Mormon: Basic Historical Information” (Fondazzjoni għar-Riċerka tal-Qedem u għall-Istudji Mormoni, 1986).

  21. Hija mill-aktar importanti li sabiex il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem verament jikkonvertu huma għandhom ikollhom xhieda spiritwali tal-Ktieb ta’ Mormon. Hija xhieda li jeħtieġ li minn żmien għall-ieħor terġa’ tiġġedded. Jekk le, nibdew nibirdu minn dawn is-sentimenti spiritwali u ma nibqgħux niftakru aktar il-qawwa li darba konna ħassejna. ”U n-nies bdew jinsew dawk is-sinjali u l-għeġubijiet li kienu semgħu u bdew iħossuhom anqas u anqas immeraviljati b’ xi sinjal li kienu jirċievu mis-smewwiet, tant li bdew iwebbsu qalbhom, u jdallmu moħħhom, ma baqgħux jemmnu aktar dak kollu li kienu semgħu u raw … u bdew jemmnu li d-duttrina ta’ Kristu kienet bluha u xi ħaġa fiergħa”(3 Nephi 2:1–2).

  22. Efesin 4:11–14.

  23. Thomas S. Monson, “Be of Good Cheer,” Liahona, Mejju 2009, 92.

  24. Email personali li rċevejt mingħand il-Presbiteru Porter Openshaw, 23 ta’ Aww., 2015.

  25. Kummenti minn Zane Openshaw fil-funeral tal-membri tal-familja tiegħu, 22 ta’ Ġunju, 2015.