2010-2019
Hawnhekk Biex Naqdu Kawża Ġusta
Ottubru 2015


Hawnhekk Biex Naqdu Kawża Ġusta

Jalla aħna nagħżlu li naqdu kawża ġusta bħala rappreżentanti qalbiena tal-Mulej Ġesù Kristu.

Jiena grata li aħna nistgħu ningħaqdu flimkien ma’ nisa fidili bħalma hi Lisa—l-oħt li rajna fil-vidjo—li huma safja f’ qalbhom, li jħobbu lill-Mulej u jaqduh, sewwasew f’ nofs l-isfidi li huma stess ikunu għaddejjin minnhom. L-istorja ta’ Lisa tfakkarni li aħna għandna nħobbu lil xulxin u naraw f’ xulxin is-sbuħija tar-ruħ. Is-Salvatur għallem, ”Ftakru li l-valur tal-erwieħ huwa wieħed kbir f’ għajnejn Alla.”1 Kemm jekk għandna 8 snin jew 108 snin, ilkoll kemm aħna ”għeżież f’ għajnejh.”2 Huwa jħobbna. Aħna wlied Alla. Aħna aħwa f’ Sijon. Aħna għandna natura divina, u lkoll kemm aħna għandna ħidma glorjuża xi nwettqu.

Tul is-sajf, jiena mort iltqajt ma’ omm żagħżugħa ħelwa li wliedha huma bniet. Hija qasmet miegħi s-sentiment tagħha li t-tfajliet tagħna jeħtieġu li jkollhom xi għan partikolari f’ ħajjithom, xi ħaġa biex tgħinhom iħossuhom li għandhom valur. Hija kienet taf li aħna nistgħu niskopru l-valur individwali u etern tagħna jekk aħna naġixxu skont l-għan divin tagħna fil-mortalità. Illejla, dan il-kor mill-isbaħ u meraviljuż kanta kliem li verament jgħallimna x’inhu l-għan tagħna. Permezz tal-isfidi u l-provi f’ ħajjitna, anke f’ mumenti ta’ biża’ u disperazzjoni, aħna nies b’ qalb qalbiena. Aħna determinati li nagħmlu l-parti tagħna. Ninsabu hawn biex naqdu kawża ġusta.3 Ħuti, f’ din il-kawża aħna lkoll għandna valur. Ilkoll meħtieġa.

Il-kawża ġusta li għandna naqdu hija l-kawża ta’ Kristu. Hija l-ħidma tas-salvazzjoni.4 Il-Mulej għallem, ”Din hija l-ħidma tiegħi u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”5 Aħna l-kawża li għaliha Ġesù Kristu sofra, ċarċar demmu mill-pori kollha Tiegħu, u b’ imħabba perfetta Hu ta ħajtu għalina. Il-kawża Tiegħu hija l-aħbar it-tajba, ”il-bxara t-tajba, … li huwa ġie fid-dinja, sewwasew Ġesù, biex jiġi msallab għad-dinja, u biex iġorr id-dnubiet tad-dinja, u jqaddes lid-dinja u jnaddafha minn kull ħażen; sabiex permezz tiegħu kulħadd ikun jista’ jsalva.”6 Is-Salvatur tagħna ”lesta l-mogħdija u lestielna t-triq.”7 Jiena nixhed li hekk kif aħna naqdu lil xulxin bit-tjubija u l-kompassjoni, aħna nkunu nistgħu nieqfu fil-purità, ”mingħajr ħtija quddiem Alla fl-aħħar jum.”8 Aħna nagħżlu li naqdu lill-Mulej fil-kawża ġusta Tiegħu sabiex insiru ħaġa waħda mal-Missier u mal-Iben.9

Il-profeta Mormon iddikjara b’ qawwa, ”Għax aħna għandna ħidma xi nwettqu sakemm għadna ninsabu f’ dan it-tabernaklu tat-tafal, ħalli negħlbu lil għadu tas-sewwa kollha, u nserrħu ruħna fis-saltna ta’ Alla.”10 Il-mexxejja tal-Knisja taż-żminijiet bikrin u l-pijunieri tal-passat baqgħu mexjin ’il quddiem b’ kuraġġ erojku u b’ fedeltà determinata biex huma jistabbilixxu l-evanġelju rrestawrat u jibnu t-tempji ħalli fihom ikunu jistgħu jitwettqu l-ordinanzi tal-eżaltazzjoni. Il-pijunieri ta’ żmienna, jiġifieri intom u jiena, ukoll nimxu ’l quddiem bil-fidi, ”biex naħdmu flimkien fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej għas-salvazzjoni tal-erwieħ tal-bnedmin.”11 U, kif għallem il-President Gordon B. Hinckley, ”Kemm ikun meraviljuż il-futur hekk kif is-Setgħan jibqa’ għaddej bil-ħidma glorjuża Tiegħu … permezz tas-servizz altruwista ta’ dawk li qalbhom hi mimlija b’imħabba għall-Feddej tad-dinja.”12 Aħna ningħaqdu flimkien mal-aħwa nisa tal-passat, tal-preżent u tal-ġenerazzjoni li għadha tiela’ meta aħna ningħaqdu flimkien fil-ħidma tas- salvazzjoni!

Qabel ma aħna twelidna, aħna aċċettajna l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet ”li permezz tiegħu  stajna niksbu ġisem fiżiku u niksbu esperjenza fid-dinja sabiex aħna nimxu ’l quddiem lejn il-perfezzjoni u ultimament nilħqu d-destin divin tagħna bħala werrieta tal-ħajja eterna.”13 Dwar dan il-patt primortali, il-Presbiteru John A. Widtsoe spjega: ”Aħna qbilna, dak il-waqt u f’ dak il-post, sabiex mhux biss inkunu s-salvaturi tagħna nfusna iżda … salvaturi tal-familja umana kollha. Aħna dħalna fi sħubija mal-Mulej. Il-ħidma tal-pjan f’ dak il-waqt saret mhux biss il-ħidma tal-Missier u l-ħidma tas-Salvatur, iżda wkoll il-ħidma tagħna. Lanqas wieħed fostna, l-aktar wieħed umli, fi sħubija mas-Setgħan biex jiġi fis-seħħ il-għan tal-pjan etern tas-salvazzjoni.”14

Hawn fil-mortalità aħna erġajna dħalna f’ patt li naqdu lis-Salvatur fil-ħidma tas-salvazzjoni. Billi nieħdu sehem fl-ordinanzi sagri tas-saċerdozju, aħna nwiegħdu li se ”ninbarkaw fis-servizz ta’ Alla b’ qalbna kollu, b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha.15 Aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu u nfittxu s-suġġerimenti Tiegħu biex jiggwidaw l-isforzi tagħna. Is-sewwa tispiċċa tinfirex mad-dinja meta aħna nifhmu xi jridna nagħmlu Alla u mbagħad nwettqu dak li jridna nagħmlu.

Jiena naf tifla tal-Primarja li qalet lil ħabiba tagħha waqt li kienu qed jistennew fuq stejġ tal-linja, ”Isma’! Missek tiġi l-knisja miegħi u titgħallem dwar Ġesù!”

Jiena rajt liż-żgħażagħ tal-klassi tat-Tfajliet jingħaqdu lambrazzetta u jagħmlu wegħda li sejrin jgħinu lil xulxin u mbagħad jippjanaw mod xieraq kif jgħinu waħda żagħżugħa li kienet qed tħabbat wiċċha ma’ ċertu vizzju.

Jiena rajt ċerti ommijiet joffru ħinhom kollu, it-talenti tagħhom u l-enerġija tagħhom biex jgħallmu u juru b’eżempju l-prinċipji tal-evanġelju ħalli wliedhom, bħal ulied Ħilaman, ikunu jistgħu jieqfu b’ kuraġġ u b’ fidi qalb l-isfidi, it-tentazzjoni u l-avversità.

Iżda forsi l-aktar esperjenza li lili daħlitni f’ qoxorti kienet meta smajt waħda oħt adulta mhux miżżewġa tiddikjara bil-qawwa tat-testimonjanza pura tagħha li l-aktar ħidma importanti li aħna nistgħu nwettqu hi li nitħejjew għaż-żwieġ u l-familja. Għalkemm ma kenitx qed titkellem mill-esperjenza personali tagħha, hija taf li l-familja hija fil-qalba tal-ħidma tas-salvazzjoni. ”Il-pjan divin tal-ferħ jippermetti li r-relazzjonijiet fil-familja jibqgħu jeżistu lil hinn mill-qabar.”16 Aħna nonoraw il-pjan ta’ Alla u nigglorifikaw lil Alla meta aħna nsaħħu u nelevaw dawn ir-relazzjonijiet fil-patt ġdid u etern taż-żwieġ. Aħna nagħżlu li ngħixu ħajja pura u virtuża sabiex meta tfeġġ l-opportunità, aħna nkunu mħejjija li nagħmlu dak il-patt sagru fid-dar tal-Mulej u nżommuh għal dejjem.

Aħna lkoll nesperjenzaw żminijiet u staġuni diversi f’ ħajjitna. Iżda kemm jekk aħna nkunu ninsabu fl-iskola, fuq ix-xogħol, fil-komunità jew speċjalment fid-dar, aħna l-aġenti tal-Mulej u ninsabu ngaġġati fil-ħidma Tiegħu.

Fil-ħidma tas-salvazzjoni, m’hemmx lok li noqogħdu nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor, li noqogħdu nikkritikaw jew nikkundannaw. Ma tagħmilx differenza x’ inhi l-età jew l-esperjenza tagħna jew kemm aħna magħrufin min-nies. Din il-ħidma sagra hi dwar li aħna niżviluppaw qalb maqsuma, spirtu sogħbien u rieda li nużaw id-doni divini tagħna u t-talenti uniċi tagħna biex inwettqu l-ħidma tal-Mulej skont kif irid Hu. Hi li jkollna l-umiltà li ninżlu għarkopptejna u ngħidu, ”O Missier, … mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”17

Bil-qawwa tal-Mulej, nistgħu ”nwettqu kull ħaġa.”18 Aħna kontinwament infittxu l-gwida Tiegħu fit-talb tagħna, fl-iskrittura u fil-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu. Waħda oħt, hekk kif kienet qed tħabbat wiċċha ma’ biċċa xogħol mill-aktar diffiċli, kitbet, ”Xi kultant nibda ngħid lili nnifsi, tgħid l-aħwa nisa fiż-żminijiet bikrin tal-Knisja kienu jixħtu rashom matul il-lejl bħalna fuq l-imħadda u jitolbu, ’Dak kollu li għada se niffaċċja, Inti lest tgħinni nikkumbattih?’” Imbagħad hija kitbet, ”Waħda mill-barkiet hi li aħna għandna lil xulxin u ninsabu f’ din il-ħidma flimkien!”19 Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, ninsabu fejn ninsabu fit-triq li twassal għas-salvazzjoni, aħna ningħaqdu ħaġa waħda fl-impenn tagħna lejn is-Salvatur. Aħna nsostnu lil xulxin fis-servizz Tiegħu.

Immaġni
Ella Hoskins timla l-Progress Personali

Riċentiment, intom forsi qrajtu dwar Sister Ella Hoskins, li fl-età ta’ 100 sena ġiet imsejħa biex tgħin lit-tfajliet tal-qasam tagħha bil-Progress Personali.20 Madwar sentejn wara, meta kellha 102, Sister Hoskins kisbet il-premju tal-Għarfien tan-Nisa Żgħażagħ. It-tfajliet, il-presidenzi tal-wited tat-Tfajliet u tas-Soċjetà tal-Għajnuna, u l-membri tal-familja nġabru flimkien biex jiċċelebraw dak li rnexxielha twettaq. Is-servizz fidil li huma offrew imur lil hinn mill-età, mill-organizzazzjoni li jagħmlu parti minnha jew mill-istatus tagħhom. It-tfajliet esprimew il-gratitudni tagħhom lejn Sister Hoskins, għat-tagħlim tagħha u l-eżempju twajjeb tagħha. Huma jixtiequ jkunu bħalha. Aktar tard, jiena staqsejt lil Sister Hoskins, ”Kif irnexxielek tagħmel dan?”

Hija wieġbet fil-pront, ”Jiena nindem kuljum.”

Permezz ta’ din il-mara mill-aktar ġentili, li kienet tant mimlija bl-Ispirtu tal-Mulej li kont tista’ tara d-dawl pur jiddi madwarha, jiena tgħallimt li sabiex aħna nkunu nistgħu niddu bis-sbuħija tal-qdusija, biex nieqfu mas-Salvatur u nbierku lil ħaddieħor, jeħtieġ inkunu ndaf. Is-safa hija possibbli permezz tal-grazzja ta’ Kristu hekk kif aħna nwarrbu l-ħażen u nagħżlu li nħobbu lil Alla b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha.21 L-Appostlu Pawlu għallem, ”Aħrab il-ġibdiet taż-żgħożija: … fittex bil-ħerqa s-sewwa, il-fidi, l-imħabba u s-sliem, flimkien ma’ dawk li jsejħu ’l-Mulej b’qalb safja.”22 Ħadd minna mhu perfett. Ilkoll niżbaljaw. Iżda aħna nindmu sabiex inkunu bnedmin aħjar u ” nżommu isem Kristu imnaqqax dejjem f’ qalbna.”23 Meta aħna nservu f’ isem il-Mulej, b’ qalb safja, aħna nirriflettu l-imħabba tas-Salvatur u nuru lil ħaddieħor daqsxejn minn dak li jista’ jistenna fis-sema.

Jalla aħna nagħżlu li naqdu kawża ġusta bħala rappreżentanti qalbiena tal-Mulej Ġesù Kristu. Ejjew nieqfu flimkien u ”b’ għanja f’ qalbna nimxu ’l quddiem, ngħixu l-evanġelju, inħobbu lill-Mulej u nibnu s-saltna Tiegħu.”24 Jiena nixhed li permezz ta’ din il-ħidma glorjuża, aħna nistgħu nsiru nafu x’inhi l-imħabba pura ta’ Alla. Nistgħu nirċievu l-ferħ veru u niksbu l-glorji kollha tal-eternità. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.