2010-2019
Nilqgħu l-Isfidi tad-Dinja tal-Lum
Ottubru 2015


Nilqgħu l-Isfidi tad-Dinja tal-Lum

L-għażliet li tagħmlu—il-missjoni, l-edukazzjoni, iż-żwieġ, il-karriera u s-servizz fil-Knisja—se jiffurmaw id-destin etern tagħkom.

Inkitbu u ntqalu bosta ħwejjeġ dwar il-ġenerazzjoni tal-adulti żgħażagħ tal-lum. Ir-riċerka turi li huma ħafna li jirreżistu r-reliġjon organizzata. Bosta jinsabu fid-dejn u mingħajr impjieg. Il-maġġoranza togħġobhom l- idea taż-żwieġ, iżda ħafna jsibuha bit-tqila li jagħmlu dak il-pass. Numru dejjem qed jikber ma jridux tfal. Mingħajr l-evanġelju u l-gwida spirata, ħafna jinsabu jduru f’ toroq strambi u jispiċċaw biex jitilfu t-triq.

Fortunatament, in-numru ta’ adulti żgħażagħ membri tal-Knisja li jinsabu maħkumin b’ din is-sitwazzjoni inkwetanti huwa ferm anqas, u parti mir-raġuni hi li huma jinsabu mberkin bil-pjan tal-evanġelju. Dan il-pjan etern jinkludi fih li nżommu sod mal-bastun tal-ħadid—nibqgħu fidili lejn il-kelma ta’ Alla u l-kelma tal-profeti Tiegħu. Jeħtieġ li niggranfaw sew mal-bastun li jwassalna lura għandu. Illum huwa ”l-jum tal-għażla”1 għalina lkoll.

Meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, meta kont inkun se nagħmel xi għażla ħażina, missieri ġieli kien jgħidli, ”Robert, ħu postok u tir sew!” Intom żgur tafu x’ jiġifieri. Fl-ispirtu ta’ dan il-kliem mill-aktar sempliċi tiegħu, nixtieq nitkellem speċifikament maż-żgħażagħ—iż-żgħażagħ nobbli—u mal-adulti żgħażagħ nobbli, għax ” ruħi titgħaxxaq fis-sempliċità … sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu.”2

Intom tinsabu tgħixu fi żmien mill-aktar kritiku ta’ ħajjitkom. L-għażliet li tagħmlu—il-missjoni, l-edukazzjoni, iż-żwieġ, il-karriera u s-servizz fil-Knisja—se jiffurmaw id-destin etern tagħkom. Dan ifisser li intom għandkom dejjem tħarsu ’l quddiem—tħarsu lejn il-futur.

Bħala pilota fl-Air Force, jien tgħallimt dan il-prinċipju: qatt ittiru deliberament minn ġo maltempata. (Mhux se ngħidilkom kif sirt naf b’ dan.) Minflok, tiru madwarha, aqbdu rotta oħra, jew stennew li tgħaddi l-maltempata qabel tagħmlu l-inżul tagħkom.

Għeżież ħuti adulti żgħażagħ, nixtieq ngħinkom ”ittiru sew” qalb il-maltemp dejjem jinġema’ tal-aħħar jiem. Intom il-piloti. Intom responsabbli li taħsbu dwar il-konsegwenzi ta’ kull għażla li tagħmlu. Staqsu lilkom infuskom, ”Jekk jien nagħżel b’ dan il-mod, x’inhi l-agħar ħaġa li tista’ tiġri?” L-għażliet ġusti tagħkom iżommukom milli taqbdu rotta ħażina.

Aħsbu ftit dwar dan: Jekk intom tagħżlu li ma tixorbux alkoħol, intom ma tistgħux ssiru alkoħoliċi! Jekk tagħżlu li ma tiddejnux, intom tevitaw il-possibiltà li qatt tfallu!

Wieħed mill-għanijiet tal-iskrittura hu li turina kif nies twajba kkumbattew it-tentazzjoni u l-ħażen. Fi kliem sempliċi, huma evitawha! Ġużeppi telaq jiġri minn ħdejn il-mara ta’ Putifar.3Leħi telaq minn Ġerusalemm flimkien mal-familja tiegħu.4 Marija u Ġużeppi ħarbu mill-Eġittu biex jaħarbu l-pjan qerriedi ta’ Erodi.5 F’ kull sitwazzjoni, Missierna tas-Smewwiet dejjem wissa lil dawn il-fidili. Bl-istess mod, Huwa jgħinna nkunu nafu jekk għandniex niġġieldu, naħarbu jew nimxu mal-kurrent fiċ-ċirkustanzi li jkollna quddiemna. Huwa jkellimna permezz tat-talb, u meta nitolbu, aħna jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu, li jiggwidana. Għandna l-iskrittura, it-tagħlim tal-profeti ħajjin, il-barkiet patrijarkali, il-kunsill li nirċievu mingħand il-ġenituri u l-mexxejja tas-saċerdozju ispirati tagħna, u, fuq kollox, il-leħen sieket u ċkejken tal-Ispirtu.

Il-Mulej dejjem iżomm il-wegħda Tiegħu: ”Jiena mmexxikom.”6 L-unika mistoqsija hi, aħna se nħalluh imexxina? Se nisimgħu l-vuċi Tiegħu u l-vuċi tal-qaddejja Tiegħu?

Jiena nixhed li jekk intom tkunu hemm għall-Mulej, Hu jkun hemm għalikom.7 Jekk tħobbuh u żżommu l-kmandamenti Tiegħu, intom ikollkom l-Ispirtu Tiegħu magħkom biex jiggwidakom. ”Afdaw f’ dak l-Ispirtu li jwassalkom biex tagħmlu t-tajjeb. … Permezz ta’ dan se ssiru tafu kull ħaġa …li ġejja mis-sewwa.”8

B’ dawn il-prinċipji bħala l-pedament tagħna, tippermettuli nagħtikom daqsxejn kunsill mill-aktar prattiku?

Ħafna nies tal-età tagħkom qed iħabbtu wiċċhom ma’ dejn li qed jifnihom. Meta jiena kont għadni żagħżugħ, il-president tal-wited tiegħi kien bankier li kien jinvesti ġo Wall Street. Huwa għallimni, ”Inti tkun sinjur jekk tista’ tgħix kuntent mingħajr ma tonfoq aktar milli tiflaħ.” Kif tistgħu tagħmlu dan? Ħallsu d-dieċmi tagħkom u mbagħad faddlu! Meta taqilgħu aktar, faddlu aktar. Tikkompetux ma’ ħaddieħor biex ikollkom affarijiet iqumu l-flus. Tixtrux dak li ma tifilħux għalih.

Bosta adulti żgħażagħ fid-dinja qed jiddejnu biex ikunu jistgħu jistudjaw, u wara jsibu li l-ħlas tal-iskola huwa ferm akbar milli jifilħu jħallsu. Fittxu xi borża ta’ studju. Jekk possibbli, iksbu xi impjieg part-time biex jgħinkom tħallsu l-pagamenti tagħkom. Dan jeħtieġ li intom tagħmlu ċertu sagrifiċċju, iżda dan jgħinkom tirnexxu.

L-edukazzjoni tħejjikom għal opportunitajiet ta’ xogħol aħjar. Tpoġġikom f’ pożizzjoni aħjar li sservu u tbierku lil dawk ta’ madwarkom. Tpoġġikom fit-triq ta’ tagħlim għal ħajjitkom. Issaħħaħkom sabiex tikkumbattu l-injoranza u l-iżball. Kif għallem Joseph Smith: ”L-għarfien ikeċċi d-dalma, is-suspens u d-dubju; għax dawn ma jistgħux jeżistu fejn hemm l-għarfien. … Fl-għarfien hemm il-qawwa.”9 ”Li titgħallmu hija ħaġa tajba sakemm tagħtu kas tal-kunsilli ta’ Alla.”10 L-edukazzjoni tħejjikom għal dak li ġej, inkluż iż-żwieġ.

Għal darb’oħra, tippermettuli nitkellem mingħajr tlaqliq? It-triq li twassal għaż-żwieġ trid tgħaddi minn post jissejjaħ namrar! In-namrar huwa l-opportunità li fiha tgħaddu ħin titkellmu bejnietkom. Meta tinnamraw, tgħallmu dak kollu li tistgħu ssiru tafu fuq xulxin. Jekk hu possibbli, araw li ssiru tafu l-familji ta’ xulxin. L-għanijiet tagħkom huma kompatibbli ma’ xulxin? Taħsbuha l-istess dwar il-kmandamenti, is-Salvatur, is-saċerdozju, it-tempju, l-irwol bħala ġenituri, is-sejħiet tagħkom fil-Knisja u li taqdu lil xulxin? Osservajtu lil xulxin f’ ħin meta tkunu taħt stress, kif taġixxu f’ mumenti ta’ suċċess u falliment, meta tkunu qed tirreżistu r-rabja u qed tiffaċċjaw id-diżappunt? Il-persuna li qed toħroġ magħha twassal biex lil persuna oħra ċċekkinha jew tispiraha? L-attitudni, il-lingwaġġ u l-imġieba tagħha huma dak li inti tixtieq li jkunu kuljum parti minn ħajtek?

Għalkemm qed ngħid dan, ħadd minna ma jiżżewweġ il- perfezzjoni; aħna niżżewġu l- potenzjal. Iż-żwieġ ġust mhuwiex biss dwar dak li jiena rrid; huwa wkoll dwar dak li hi—dik li se tkun is-sieħba tiegħi—trid u teħtieġ minni.

Biex nitkellem b’ mod ċar, jekk jogħġobkom tgħaddux is-snin għoxrin tagħkom tinnamraw sempliċiment ”għall-gost,” u ddumu ma tiżżewwġu sabiex tiddedikaw ħinkom għal ħwejjeġ u attivitajiet oħra. Għalfejn? Għaliex in-namrar u ż-żwieġ mhumiex xi destinazzjoni finali. Huma l-bieb li jwassalkom fejn ultimament intom tridu tmorru. ”Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.”11

Ir-responsabbiltà tagħkom issa hi li tkunu denji tal-persuna li lilha tridu tiżżewġu. Jekk tridu tiżżewġu persuna xierqa, attraenti, onesta, ferħana, bieżla u spiritwali, mela kunu intom dik it-tip ta’ persuna. Jekk intom intom dik il-persuna u għadkom ma żżewwiġtux, żommu l-paċenzja. Stennew ħin il-Mulej. Jiena nixhed li l-Mulej jaf ix-xewqat tagħkom u Huwa jħobbkom għad-devozzjoni fidila lejh. Huwa għandu pjan għalikom, jista’ jkun jiġi fis-seħħ f’ din il-ħajja jew fil-ħajja li jmiss. Isimgħu l-leħen tal-Ispirtu Tiegħu. ”Tfittxux li tagħtu kunsill lill-Mulej, iżda li tirċievu l-kunsill mingħandu.”12 F’ din il-ħajja jew f’li ġejja, il-wegħdiet Tiegħu se jitwettqu żgur. ”Jekk intom tinsabu mħejjijin m’għandkomx għalfejn tibżgħu.”13

Jekk ma tantx għandkom ġid materjali, tinkwetawx. Wieħed membru twajjeb tal-Knisja m’ilux qalli, ”Jiena ma rabbejtx lil uliedi bil-flus; rabbejthom bil-fidi. Teżisti verità kbira f’ dan il-kliem. Ibdew eżerċitaw il-fidi tagħkom f’ kull qasam ta’ ħajjitkom. Jekk ma tagħmlux dan, intom tispiċċaw issofru dak li jiena nsejjaħlu ”dgħjufija tal-fidi.” L-istess qawwa li teħtieġu biex teżerċitaw il-fidi tagħkom tonqsilkom. Għalhekk eżerċitaw kuljum il-fidi tagħkom, u intom ”tibqgħu tissaħħu dejjem … u tissodaw aktar fil-fidi ta’ Kristu.”14

Biex tkunu lesti għaż-żwieġ, kunu ċerti li intom denji li tieħdu s-sagrament u jkollkom rakkomandazzjoni tat-tempju. Morru t-tempju regolarment. Servu fil-Knisja. Barra li sservu fis-sejħtiet tal-Knisja, imxu wara l-eżempju tas-Salvatur, li sempliċiment ”għadda jagħmel il-ġid.”15

Issa, intom jaf ikollkom ċerti mistoqsijiet mill-aktar serji dwar l-għażliet li għandkom quddiemkom. Meta kont għadni adult żagħżugħ, jiena fittixt biex nieħu parir mingħand il-ġenituri tiegħi u minn nies fidili oħra li kont nafda. Wieħed minnhom kien mexxej tas-saċerdozju; ieħor kien għalliem li emmen verament fija. It-tnejn li huma qaluli, ”Jekk tridni nagħtik parir, kun lest li tirċevih.” Jiena fhimt x’ riedu jfissru. Permezz tat-talb għażlu li titkellmu ma’ nies li għandhom għal qalbhom il-benesseri spiritwali tagħkom. Oqogħdu attenti meta tiġu biex tirċievu xi parir mingħand sħabkom. Jekk tridu li tiksbu aktar milli għandkom bħalissa, ħarsu ’l fuq, mhux lejn il-ġenb!16

Ftakru, ħadd ma jista’ jħares ’il fuq għalikom. Huwa biss permezz tal-fidi u t-talb tagħkom li intom tistgħu televaw lilkom infuskom u jkollkom bidla kbira f’ qalbkom. Huwa biss permezz tar-riżoluzzjoni tagħkom li tkunu ubbidjenti li tistgħu tibdlu ħajjitkom. Minħabba s-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur għalikom, fikom hemm qawwa.17 Intom għandkom l-għażla ħielsa tagħkom, jekk tkunu ubbidjenti jkollkom testimonjanza b’ saħħitha u tkunu tistgħu timxu wara l-Ispirtu li jiggwidakom.

Riċentiment, wieħed adult żagħżugħ li jipproduċi l-films qal li huwa ħass li kien jagħmel parti minn ”ġenerazzjoni ta’ nies ħalja”—ġenerazzjoni ”li tinsab tfittex it-tama u l-ferħ u l-kuntentizza, iżda tinsab tfittixhom f’ postijiet żbaljati u f’ toroq żbaljati.”18

Fil-parabbola tas-Salvatur tal-iben il-ħali, l-iben kellu bosta barkiet jistennewh, iżda qabel seta’ jiksibhom, huwa kellu l-ewwel jagħti ħarsa tajba lejn ħajtu, lejn l-għażliet tiegħu u ċ-ċirkustanzi li kien jinsab fihom. Il-miraklu li seħħ wara jinsab deskritt fl-iskrittura permezz tal-frażi sempliċi: ”Hu daħal fih innifsu.”19 Tippermettuli nħeġġiġkom sabiex tidħlu daħla fikom infuskom? Fil-Knisja, meta jkun il-waqt li nieħdu xi deċiżjoni importanti, ħafna drabi nlaqqgħu flimkien il-laqgħat tal-kunsill. Il-kunsilli tal-familja jaqdu l-istess għan. Forsi intom tridu tmexxu dak li jiena nsejjaħlu ”kunsill personali.” Wara li titolbu, qattgħu ftit ħin weħidkom. Aħsbu fuq dak li ġej. Staqsu lilkom infuskom: ”Liema huma dawk l-aspetti f’ ħajti li rrid intejjeb sabiex inkun nista’ nsaħħaħ lil ħaddieħor? Fejn nixtieq inkun bħal daż-żmien sena? Bħal daż-żmien sentejn? X’ għażliet jeħtieġ nagħmel biex nasal hemm?” Sempliċiment ftakru li intom il-piloti u kollox f’ idejkom. Jiena nixhed li hekk kif tidħlu daħla fikom infuskom, Missierkom tas-Smewwiet jiġi jżurkom. Permezz tal-id tal-faraġ tal-Ispirtu s-Santu Tiegħu, Huwa jgħinkom fi triqitkom.

Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li Alla jgħix. Jiena nagħti x-xhieda speċjali tiegħi li s-Salvatur iħobbkom. ”M’għandniex aħna nibqgħu mexjin fil-kawża kbira Tiegħu? Nimxu ’l quddiem u mhux lura.”20 Hekk kif intom timxu warajh, Huwa jsaħħaħkom u jsostnikom. Huwa jelevakom sal-ogħla dar tagħkom. F’ isem Ġesù Kristu, amen.