2010-2019
Noffru Qlubna lil Alla
Ottubru 2015


Noffru Qlubna lil Alla

Meta aħna niftħu qlubna għall-Ispirtu, aħna nitgħallmu x’ inhuma l-għemejjel ta’ Alla u nagħrfu x’ inhi r-rieda Tiegħu.

Il-Presbiteru Dallin H. Oaks, fil-konferenza ġenerali ta’ April, tkellem dwar il-bżonn ”li nirriformaw il-ħajja personali tagħna.”1 Jien nipproponi li din ir-riforma personali tibda permezz ta’ bidla fil-qalb—hi x’inhi l-esperjenza tagħkom fil-ħajja jew minn fejn ġejjin.

Jiena ġejja mill-Qalba tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti, u fiż-żogħżija tiegħi l-kliem tal-innijiet antiki Protestanti għallmuni x’ inhi verament il-qalb ta’ dixxiplu veru—waħda li fiha tkun seħħet bidla verament. Ikkunsidraw dan il-kliem, tant għażiż għalija:

F’ idejk, Mulej!

F’ idejk!

Inti ċ-Ċeramista;

U jiena t-tafal.

Agħġinni u fassalni

Kif tixtieq int,

Filwaqt li fis-skiet nistenna,

Li r-rieda tiegħek insir naf.2

Kif nistgħu aħna, nies moderni, impenjattivi u kompettitivi nibqgħu nistennew siekta biex insiru nafu r-rieda Tiegħu? Kif nistgħu naraw li l-għemejjel tal-Mulej isiru l-għemejjel tagħna? Jiena nemmen li għandna nibdew l-ewwel billi nitgħallmu dwaru u nitolbu biex niksbu l-għarfien. Hekk kif il-fiduċja tagħna fih tikber, aħna niftħu qlubna għalih, infittxu li nagħmlu r-rieda Tiegħu, u nistennew li niksbu tweġiba għal talbna li tgħinna nifhmu.

Il-bidla fil-qalb tiegħi bdiet meta, bħala daqsxejn ta’ tifla ta’ 12-il sena, jiena bdejt infittex lil Alla. Ħlief li ngħid it-Talba tal-Missierna,3 ma kontx naf eżatt kif għandi nitlob. Niftakarni ninżel għarkupptejja, nittama li nħoss fija l-imħabba Tiegħu, u nistaqsih, ”Fejn inti, Missier tas-Smewwiet? Naf li tinsab x’ imkien hemm, iżda fejn?” U bqajt nistaqsi din il-mistoqsija tul iż-żogħżija tiegħi kollha. Kelli ftit idea dwar ir-realtà ta’ Ġesù Kristu, iżda Missieri tas-Smewwiet, fl-għerf Tiegħu, ried li nagħmel 10 snin infittex u nistenna.

Fl-1970, meta l-missjunarji għallmuni dwar il-pjan tas-salvazzjoni tal-Missier u dwar l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, ma bqajtx nistenna aktar. Jiena ħaddant dawn il-veritajiet u tgħammidt.

Fuq il-bażi ta’ dan l-għarfien tal-ħniena u l-qawwa tal-Mulej, żewġi, uliedi u jiena għażilna dan il-kliem bħala l-motto tagħna: ”Eventwalment kollox se jkun sew.” Madankollu, kif nistgħu ntennu dan il-kliem lil xulxin meta ħajjitna tkun maħkuma minn inkwiet kbir u ma nkunux nistgħu nsibu risposta għall-mistoqsijiet tagħna?

Meta t-tifla ħelwa u denja tagħna, Georgia, ta’ 21 sena, iddaħħlet l-isptar f’ qagħda kritika wara aċċident bil-mutur, il-familja tagħna għedna, ”Eventwalment kollox se jkun sew.” Hekk kif jien ħallejt il-missjoni tagħna fil-Brażil u qbadt ajruplan għal Indianapolis, ġewwa Indjana, fl-Istati Uniti tal-Amerka, biex inkun ħdejha, jiena bqajt nemmen fil-motto tal-familja tagħna. Madankollu, l-għażiża tifla tagħna għaddiet lejn id-dinja tal-ispirti ftit sigħat biss qabel ma nżilna bl-ajruplan. Bin-niket u x-xokk kbir li ħakem il-familja tagħna, kif stajna aħna nħarsu lejn xulxin u xorta waħda ngħidu, ”Eventwalment kollox se jkun sew”?

Wara l-mewt mortali ta’ Georgia, l-uġigħ li ħassejna kien mill-aktar intens, sofrejna ħafna u anke llum għadhom jiġu mumenti meta nħossu niket kbir, iżda aħna niksbu l-faraġ fl-għarfien li fil-verità ħadd ma jmut. Minkejja d-diqa ta’ qalb li ħassejna meta l-ġisem fiżiku ta’ Georgia ma baqax aktar jiffunzjona, aħna kellna l-fidi li hija kompliet tgħix bħala spirtu,u aħna nemmnu li se ngħixu magħha għal dejjem jekk aħna nibqgħu leali lejn il-patti tagħna tat-tempju. Il-fidi tagħna fil-Feddej tagħna u fil-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, il-fidi tagħna fil-qawwa tas-saċerdozju Tiegħu u l-fidi tagħna fis-siġill etern wasslu biex aħna nistgħu niddikjaraw il-motto tagħna b’ konvinzjoni.

Il-President Gordon B. Hinckley qal: ”Jekk tagħmlu l-almu tagħkom, eventwalment kollox ikun sew. Afdaw f’ Alla.  … Il-Mulej mhux se jabbandunana.”4

Il-motto tal-familja tagħna ma jgħidx, ”Eventwalment kollox se jkun sew issa.” Jitkellem dwar it-tama tagħna fir-riżultat aħħari u etern tagħna—mhux neċessarjament ir-riżultati preżenti tagħna. L-iskrittura tgħid, ”Fittxu b’ diliġenza, itolbu dejjem u emmnu, u fl-aħħar mill-aħħar kollox se jseħħ għall-aħjar tagħkom.”5 Dan ma jfissirx li kollox hu sew, iżda għal min hu umli u fidil, kull ħaġa—kemm pożittiva kif ukoll negattiva—se tkun għall-aħjar tagħna, u fil-ħin li jrid il-Mulej. Nistennew lilu, xi kultant bħal Ġob fis-sofferenza tiegħu, għax nafu li Alla ”jidrob u jdewwi, hu jolqot, u idejh ifejqu.”6 Qalb umli taċċetta l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom u taċċetta li tibqa’ tistenna sal-ħin li fih tikseb il-fejqan.

Meta aħna niftħu qlubna għall-Ispirtu, aħna nitgħallmu x’ inhuma l-għemejjel ta’ Alla u nagħrfu x’ inhi r-rieda Tiegħu. Matul is-sagrament, li jiena nsejjaħlu l-qalb tas-Sabbath, jiena sibt li wara li nitlob għall-maħfra ta’ dnubieti, insibha naturali li nistaqsi lill-Missier tas-Smewwiet, ”Missier, hemm xi ħaġa oħra li tridni nagħmel?” Meta aħna nkunu siekta u nistennew li nwettqu r-rieda Tiegħu, nafu naħsbu f’ xi ħaġa oħra li jeħtieġ li nibdlu—xi ħaġa li qed tillimita l-kapaċità tagħna li nirċievu l-gwida spiritwali jew saħansitra l-fejqan u l-għajnuna.

Per eżempju, jista’ jkun li jiena qed insibha bit-tqila li naħfer lil xi ħadd. Meta jiena nistaqsi jekk hemmx aktar x’ nista’ nagħmel, dak is-”sigriet” ifeġġ b’ ċerta ċarezza f’ moħħi. Fl-essenza, l-Ispirtu s-Santu ikun qed jgħidli b’ leħen sieket, ”Inti b’ onestà staqsejtni jekk hemmx iżjed x’ tagħmel, u jien qed nurik. Ir-riżentiment tiegħek iżommok milli tavvanza u jdgħajjef l-abbiltà tiegħek li tesperjenza relazzjonijiet b’ saħħithom. Tista’ teħles minn din it-tagħbija li qed iġġorr.” Verament tista’ tkun ħaġa diffiċli—nafu anke niġġustifikaw għalfejn ma nistgħux naħfru—iżda biex ikollna ferħ dejjiem jeħtieġ li noffru qlubna għar-rieda tal-Mulej.

Maż-żmien u fil-ħin opportun, aħna nirċievu l-qawwa u d-direzzjoni grazzjuża Tiegħu—li forsi jistgħu jwassluna biex immorru t-tempju aktar ta’ spiss jew nistudjaw b’ aktar profondità dwar l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur jew immorru nieħdu parir mingħand xi ħabib, mill-isqof, minn xi kunsillier professjonali jew saħansitra minn xi tabib. Il-fejqan f’ qalbna jibda meta aħna nissottomettu ruħna lil Alla u nqimuh.

Il-qima vera tibda meta mmorru quddiem il-Missier u l-Iben b’ qalb safja. X’inhi l-kundizzjoni ta’ qalbna llum? Paradossalment, sabiex ikollna qalb imfejqa u fidila, l-ewwel għandna nħalluha tiżvoga quddiem il-Mulej. ”Bħala sagrifiċċju intom għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu sogħbien,”7 iddikjara l-Mulej. Ir-riżultat li jkollna jekk aħna nissagrifikaw qalbna, jew ir-rieda tagħna, lill-Mulej hu li aħna nirċievu l-gwida spiritwali li tant neħtieġu.

B’ għarfien akbar tal-grazzja u l-ħniena tal-Mulej, aħna nsibu li l-qalb umli tagħna tibda tinqasam u tiżvoga bil-gratitudni. Imbagħad induru lejh, fejn inkunu lesti li nħallu lill-Uniku Iben Waħdieni ta’ Alla jġorr it-tagħbija magħna. Meta b’ qalb maqsuma aħna nippermettu li Huwa jgħinna nġorru t-tagħbija tagħna, aħna nirċievu tama ġdida u gwida ċara permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Jiena sibtha diffiċli li nneħħi minn ġo fija x-xewqa mortali li l-affarijiet iseħħu kif nixtieqjiena, u eventwalment intbaħt li l-għarfien tiegħu huwa ferm limitat u inferjuri mqabbel ma’ Ġesù Kristu. “It-triqtiegħu twassal għall-ferħ f’ din il-ħajja u għall-ħajja eterna fil-ħajja li jmiss.”8 Nistgħu aħna nħobbu lil Ġesù Kristu u t-triq Tiegħu aktar milli nħobbu lilna nfusna u l-aġenda personali tagħna?

Xi wħud jafu jaħsbu li f’ ħajjithom kienu wisq id-drabi fejn kienu falliment u fejn ħassewhom dgħajfin quddiem id-dnub u x-xewqat ta’ qalbhom għall-ħwejjeġ tad-dinja. Madankollu, bħala Iżrael tal-patt, aħna mhux sempliċiment nippruvaw ninbidlu weħdina. Jekk aħna nitolbu lil Alla bil-ħerqa, Huwa jaċċettana kif aħna—u jagħmel minna ferm aktar milli aħna qatt nistgħu nimmaġinaw. It-teologu magħruf Robert L. Millet kiteb dwar ”xewqa qawwija li nitjiebu,” ibbilanċjata mal-”assigurazzjoni spiritwali li permezz ta’ Ġesù Kristu aħna lkoll se nirnexxu.”9 B’ dan l-għarfien, aħna nistgħu b’ onestà ngħidu lil Missierna tas-Smewwiet:

Jien nafda kull m’għandi f’ idejk,

Għax naf kemm tħobbni int,

Minn qalbi jien nagħmel dak li inti trid:

Inkun dak li tridni nkun.10

Meta aħna noffru l-qalb maqsuma tagħna lil Ġesù Kristu, Huwa jaċċetta l-offerta tagħna. Huwa joħodna lura. Sofrejna kemm sofrejna telfiet u ġrieħi u ġejna kemm ġejna mwarrbin, il-grazzja u l-fejqan Tiegħu huma fuq kollox u fuq kulħadd. Fi sħubija mas-Salvatur, aħna nistgħu ngħidu b’ kunfidenza, ”Eventwalment kollox se jkun sew.” F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Dallin H. Oaks, “The Parable of the Sower,” Liahona, Mejju 2015, 32.

  2. “Have Thine Own Way, Lord,” The Cokesbury Worship Hymnal, no. 72.

  3. Ara Mattew 6:9–13.

  4. Gordon B. Hinckley, sezzjoni tas-saċerdozju tal-konferenza reġjonali ta’ Jordan, fin-Nofsinhar ta’ Utah, Mar. 1, 1997; ara wkoll “Excerpts from Addresses of President Gordon B. Hinckley,” Ensign, Ott. 2000, 73.

  5. Doctrine and Covenants 90:24.

  6. Ġob 5:18.

  7. 3 Nephi 9:20.

  8. “Il-Kristu l-Ħaj: It-Testimonjanza tal-Appostli,” Liahona, Apr. 2000, 3; enfażi miżjuda.

  9. Robert L. Millet, After All We Can Do: Grace Works (2003), 133.

  10. “Immur Fejn Int Tridni Mmur,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 46.