2010-2019
Li Huma Dejjem Jiftakru Fih
Ottubru 2015


Li Huma Dejjem Jiftakru Fih

Jiena verament inħobb nistudja u nixtarr dwar il-ħajja ta’ Dak li ta kollox għalija u għalina lkoll.

Verament togħġobni l-għanja tal-Primarja li tgħid:

Għidli l-istejjer ta’ Ġesù li nħobb nisma’,

Ħwejjeġ li nistaqsih kieku jinsab hawn issa.

Stejjer tat-triq, stejjer tal-baħar,

Stejjer ta’ Ġesù għidli u nissaħħar.1

Jiena nemmen li jekk aħna nibdew id-drawwa li nirrakkontaw l-istejjer ta’ Ġesù lil uliedna u lill-familji tagħna nkunu qed inwettqu drawwa li hija mod speċjali ħafna kif nistgħu nqaddsu jum il-Ħadd fi djarna.

Dan żgur iwassal biex ikollna spirtu speċjali f’ darna u nipprovdu lill-familja tagħna eżempji mis-Salvatur innifsu.

Jiena verament inħobb nistudja u nixtarr dwar il-ħajja ta’ Dak li ta kollox għalija u għalina lkoll.

Verament inħobb naqra passaġġi mill-iskrittura dwar il-ħajja mingħajr dnub Tiegħu, u wara li naqra l-iskrittura li tkellimna dwar ġrajjiet li esperjenza Hu, jien nagħlaq għajnejja u nimmaġina dawn il-mumenti sagri li jgħallmuni u jsaħħuni spiritwalment.

Mumenti bħal:

  • Meta Huwa beżaq fl-art u, għamel ftit tajn, dilek għajnejn ir-raġel agħma u qallu, ”Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam.” U r-raġel obda, “nħasel u ġie jara.”2

  • Meta Huwa fejjaq lill-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm u hija misset it-tarf tal-libsa Tiegħu, għax emmnet li jekk biss kienet tmissu, hija kienet tfiq.3

  • Meta Huwa deher lid-dixxipli Tiegħu u mexa fuq il-baħar.4

  • Meta Huwa mar mad-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws u hemmhekk fehemhom l-iskrittura.5

  • Meta Huwa deher lin-nies fil-Kontinent Amerikan u qalilhom sabiex jersqu lejh u jmissu ġenbu b’ idejhom u jħossu s-sinjali tal-imsiemer f’ idejh u fil-pali ta’ saqajh ħalli jkunu jafu li Huwa kien ”l-Alla ta’ Iżrael, u l-Alla tad-dinja kollha, u li ġie maqtul għad-dnubiet tad-dinja.”6

Jiena nifraħ kull darba li nisma’ b’ ġenituri li jirrakkuntaw l-istejjer ta’ Kristu lil uliedhom. Jiena ninnota dan hekk kif nosserva lit-tfal fil-Knisja fil-programmi tal-Primarja u f’ mumenti oħra.

Jiena grat tal-ġenituri tiegħi li għallmuni dwar Kristu. Jien inkompli ninnota kif l-eżempju tas-Salvatur jgħin lili u lill-għażiża marti hekk kif aħna ngħallmu lil uliedna.

Qalbi timtela bil-ferħ meta nara lil uliedi jirrakkontaw stejjer dwar Kristu lin-neputijiet tiegħi. Dan ifakkarni f’ silta mill-iskrittura favorita tiegħi, li tinsab f’ fit-tielet ittra ta’ Ġwanni kapitlu 1, vers 4, li tgħid, “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nisma’ li wliedi mexjin fil-verità.” U għaliex mhux ukoll in-neputijiet tagħna?

Jiena grat għall-mexxejja tagħna, li kontinwament jgħallmuna dwar Kristu, dwar li għandna nqaddsu jum il-Ħadd, u nieħdu sehem fis-sagrament kull nhar ta’ Ħadd biex nonoraw lis-Salvatur.

Jum il-Ħadd u s-sagrament jimlewna ngħożżuhom ferm aktar hekk kif aħna nistudjaw l-istejjer ta’ Kristu. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu qed noħolqu ċerti drawwiet li jibnu l-fidi u t-testimonjanza tagħna kif ukoll jipproteġu lill-familja tagħna.

Ftit ġimgħat ilu, meta kont qed nerġa’ nistudja l-messaġġ li l-President Russell M. Nelson qasam magħna fl-aħħar konferenza ġenerali, u filwaqt li kont qed nixtarr dwar il-jum tal-Ħadd, jiena ħassejt fija gratitudni profonda għall-barka u l-privileġġ li għandi li nista’ nieħu sehem fis-sagrament. Għalija dan huwa mument mill-aktar solenni, sagru u spiritwali. Jiena verament inħobb il-laqgħa tas-sagrament.

Waqt li kont qed nixtarr dan, jiena bdejt nistudja bir-reqqa kollha l-kliem li hemm fil-barka tal-ħobż u l-ilma. Bdejt naqra u nimmedita bis-serjetà dwar it-talb u l-ordinanza tas-sagrament. Bdejt nimmaġina f’ moħħi u nħoss f’ qalbi l-ġrajjiet li huma marbutin ma’ dan il-mument.

Fi spirtu ta’ meditazzjoni, bdejt nirrifletti dwar dak il-jum, l-ewwel jum tal-festa tal-ażżmi, meta Ġesù, biex iwieġeb il-mistoqsija li għamlulu d-dixxipli Tiegħu dwar fejn kellhom iħejju l-ikla tal-Għid, Huwa qal, ”Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, ’Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.”7

Jiena ppruvajt nimmaġina f’ moħħi lid-dixxipli jixtru l-ikel u bir-reqqa kollha jħejju l-mejda biex hemm jieklu Miegħu f’ dak il-jum speċjali: mejda għal 13, Hu u t-tnax -il dixxiplu Tiegħu, li Huwa kien iħobb.

Jien bkejt meta bdejt nimmaġina lil Kristu jiekol magħhom u jiddikjara, ”Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini.”8

Bdejt naħseb dwar id-dixxipli mnikkta jistaqsuh, “Jaqaw jien, Mulej?”9

U meta Ġuda staqsieh dik l-istess mistoqsija, Huwa wieġbu bil-kalma,”Dan int qed tgħidu.” 10

Stajt nimmaġina l-idejn li permezz tagħhom Huwa fejjaq, farraġ, edifika u bierek, jaqsmu l-ħobż hekk kif Ġesù qal,”Ħudu, kulu, dan hu ġismi.” 11

Imbagħad Huwa ħa l-kalċi mimli nbid, radd il-ħajr u tahom il-kalċi, filwaqt li qal, ”Ixorbu lkoll minnu; għax dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.12

F’ moħħi rajt lid-dixxipli, wieħed wieħed, u rajt f’ għajnejhom in-niket li bdew iħossu għall-Imgħallem tagħhom, li lilu kienu verament iħobbu. Ħassejtni bħallikieku kont ninsab hemmhekk bilqiegħda magħhom, nara kollox. Ħassejt uġigħ mill-aktar kbir f’ qalbi, mimli niket għal dak li kien wasal biex jgħaddi minnu.

Ruħi mtliet b’ xewqa enormi li nipprova nkun bniedem aħjar milli jien. Permezz tal-indiema u n-niket, verament xtaqt li kont kapaċi nixxotta u nevita kemm nista’ ċ-ċarċir ta’ demmu ġewwa l-Ġetsemani.

Imbagħad bdejt nixtarr dwar is-sagrament li nieħdu minnu kull ġimgħa b’ tifkira Tiegħu. Filwaqt li bdejt nagħmel dan, bdejt nimmedita dwar kull kelma li ngħidu fuq il-barka tal-ħobż u l-ilma. B’ mod profond bdejt nirriffletti dwar il-kliem ”u dejjem niftakru fih” fil-barka tal-ħobż u ”sabiex dejjem jiftaktu fih” fil-barka tal-ilma.13

Bdejt nimmedita dwar xi jfisser li dejjem niftakru fih.

Għalija dan ifisser:

  • Li niftakru fil-ħajja primortali Tiegħu, meta Huwa ħoloq din id-dinja sabiħa.14

  • Li niftakru fit-twelid umli Tiegħu f’ maxtura f’ Betlehem tal-Lhudija.15

  • Li niftakru, meta saħansitra kien għad kellu biss 12-il sena, Huwa għallem u ppriedka lill-għalliema fit-tempju.16

  • Li niftakru meta Huwa mar waħdu fid-deżert biex jitħejja għall-ministeru mortali Tiegħu.17

  • Li niftakru meta Huwa nbidel quddiem id-dixxipli Tiegħu.18

  • Li niftakru meta Huwa waqqaf is-sagrament fl-Aħħar Ikla magħhom.19

  • Li niftakru meta Huwa mar fil-Ġnien tal-Ġetsemani u sofra b’ tant intensità għad-dnubiet, għall-uġigħ, għad-diżappunt u għall-mard tagħna li saħansitra spiċċa biex ċarċar demmu mill-pori kollha Tiegħu.20

  • Li niftakru meta, wara tant sofferenza u uġigħ mill-aktar kbir, sewwasew fil-Ġetsemani, Huwa ġie ttradut permezz ta’ bewsa minn wieħed mid-dixxipli Tiegħu li kien isejjaħlu ħabib.21

  • Li niftakru meta Huwa ġie meħud quddiem Pilatu u Erodi biex jgħaddi ġuri.22

  • Li niftakru meta lilu umiljawh, żebilħuh, beżqu fuqu, tawh bil-ħarta u sawtuh bil-frosta sakemm ġismu spiċċa mimli ġrieħi.23

  • Li niftakru meta kuruna bix-xewk ġiet imqiegħda b’ mod brutali fuq rasu.24

  • Li niftaktu li Huwa kellu jġorr is-salib Tiegħu sal-Golgota u li hemmhekk ġie msallab mas-salib, fejn sofra kull tip ta’ uġigħ fiżiku u spiritwali.25

  • Li niftakru li fuq is-salib, mimli bil-karità, Huwa ħares lejn dawk li salbuh, refa’ għajnejh lejn is-smewwiet, u bil-ħniena talab, “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” 26

  • Li niftakru meta Huwa, għax kien jaf li kien diġà wettaq il-missjoni Tiegħu biex isalva lill-umanità, għadda l-ispirtu Tiegħu f’ idejn Missieru, Missierna.27

  • Li niftakru fil-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, li assigura l-qawmien tagħna mill-imwiet u l-possibiltà li ngħixu ħdejh għall-eternità kollha, jiddependi mill-għażliet li aħna nagħmlu.28

Barra minn hekk, meta bdejt nimmedita dwar it-talb tas-sagrament u l-kliem mill-aktar speċjali u sinifikanti tat-talb jien bdejt nirrealizza kemm hi ħaġa meraviljuża li nista’ jkolli l-wegħda, tul il-tberik tas-sagrament, li hekk kif aħna dejjem niftakru fih, aħna jkollna magħna dejjem l-Ispirtu Tiegħu.29

Jiena nemmen li l-Mulej jaf liema hu l-aħjar żmien li fih lilna jiżvelalna xi rivelazzjoni. Jiena fhimt dan b’ mod ċar meta kont qed nistudja fil-ktieb ta’Koħelet 3:1, 6, li tgħid:

”Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: …

”Żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi.”

Is-sagrament hu wkoll ħin fejn Missierna tas-Smewwiet jgħallimna dwar l-Att tal-Fidwa ta’ Ibnu l-Għażiż—is-Salvatur, Ġesù Kristu—u ħin fejn aħna nirċievu rivelazzjoni dwar dan. Huwa ħin fejn jgħidilna ”ħabbtu u niftħilkom,”30 li fih nistaqsu u nirċievu l-għarfien. Huwa ħin li fih aħna bil-qima nitolbu lil Alla għal dan l-għarfien. U jekk nagħmlu dan, m’għandix dubju li aħna nirċievu dan l-għarfien, li jbierek ħajjitna aktar milli nistgħu nimmaġinaw.

Jiena verament inħobb il-jum tal-Ħadd, is-sagrament u xi jfissru għalina. Jiena verament inħobb lis-Salvatur b’ ruħi kollha. F’ isem Ġesù Kristu, amen.