2010-2019
X’ Jonqosni Iżjed?
Ottubru 2015


X’ Jonqosni Iżjed?

Jekk aħna nkunu umli u verament nixtiequ nitgħallmu, l-Ispirtu s-Santu jnebbaħna sabiex nitjiebu u jmexxina lura d-dar, iżda jeħtieġ li nitolbu lill-Mulej biex jurina d-direzzjoni matul triqitna.

Kont għadni daqsxejn ta’ adult żagħżugħ meta jiena bdejt ninvestiga l-Knisja. Għall-ewwel ħassejtni ninġibed lejn l-evanġelju grazzi għall-eżempju ta’ sħabi Qaddisin tal-Aħħar Jiem, iżda eventwalment jiena bdejt ninteressa ruħi fid-duttrina mill-aktar unika. Meta tgħallimt li n-nies fidili setgħu jibqgħu javvanzaw u ultimament isiru bħall-ġenituri tas-smewwiet tagħna, jiena verament ħassejtni nimmeravilja ruħi. Il-kunċett għoġobni verament; ħassejt li huwa vera.

Ftit wara l-magħmudija tiegħi, jiena kont qed nistudja d-Diskors fuq il-Muntanja u għaraft li fil-Bibbja Ġesù għallem din l-istess verità dwar il-progress etern tagħna. Huwa qal, ”Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett missierkom li hu fis-smewwiet.”1

Issa jiena ili membru tal-Knisja għal aktar minn 40 sena, u kull meta jien naqra dan il-vers mill-iskrittura, jiena niftakar x’ inhu l-għan tagħna hawn fid-dinja. Aħna ġejna biex nitgħallmu u nitjiebu sakemm gradwalment niġu mqaddsa u pperfezzjonati fi Kristu.

Il-vjaġġ tagħna bħala dixxipli mhux wieħed faċli. Ġie msejjaħ ”programm ta’ studju biex navvanzaw verament.”2 Hekk kif aħna nivvjaġġaw tul il-mogħdija stretta u dejqa, l-Ispirtu kontinwament jisfidana sabiex nitjiebu u nibqgħu mexjin ’il quddiem. L-Ispirtu s-Santu huwa żgur sieħeb mill-aktar ideali fil-vjaġġ tagħna. Jekk aħna nkunu umli u verament nixtiequ nitgħallmu, Hu jaqbadna minn idejna u jmexxina lura d-dar.

Madankollu, jeħtieġ li nitolbu lill-Mulej biex jurina d-direzzjoni fi triqitna. Jeħtieġ nistaqsu xi ftit mistoqsijiet diffiċli, bħal ”X’ jeħtieġ nibdel f’ ħajti?” ”Kif nista’ nitjieb?” ”F’ liema ħwejjeġ li jiena dgħajjef fihom jeħtieġ li jien nissaħħaħ?”

Ejjew nikkunsidraw ir-rakkont li hemm fit-Testment il-Ġdid dwar ir-raġel għani u żagħżugħ. Huwa kien żagħżugħ twajjeb li kien diġà qed iżomm l-Għaxar Kmandamenti, iżda xtaq isir aħjar milli kien. L-għan tiegħu kien il-ħajja eterna.

Meta huwa ltaqa’ mas-Salvatur, huwa staqsieh, ”X’jonqosni iżjed?”3

Ġesù wieġbu immedjatament, fejn ta kunsill li kien intenzjonat speċifikament għal dan ir-raġel għani u żagħżugħ. ”Ġesù qallu, Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u … ejja u imxi warajja.”4

Dan iż-żagħżugħ inħasad; huwa qatt ma kien ikkunsidra sagrifiċċju bħal dan. Huwa kien umli biżżejjed biex jistaqsi lill-Mulej iżda mhux fidil biżżejjed biex jimxi wara l-kunsill divin li ngħata. Jeħtieġ inkunu lesti li naġixxu meta nirċievu tweġiba.

Il-President Harold B. Lee għallem, ”Ilkoll kemm aħna, jekk nixtiequ nilħqu l-perfezzjoni, jeħtieġ li xi darba nistaqsu din il-mistoqsija, ”X’ jonqosni iżjed?”5

Jiena naf omm mill-aktar fidila li bl-umlità kollha staqsiet, ”X’inhu jżommni milli navvanza?” Fil-kas tagħha, ir-rispons mill-Ispirtu wasal b’ mod immedjat: ”Ieqaf gerger.” Din it-tweġiba ssorprendietha; hija qatt ma ħarset lejha nnifsha bħala waħda li tħobb tgerger. Madankollu, il-messaġġ mill-Ispirtu s-Santu kien wieħed ċar. Fil-jiem ta’ wara, hija saret konxja tal-vizzju tagħha li tgerger. Grata għas-suġġeriment biex titjieb, hija kienet determinata li tgħodd barkietha minflok l-isfidi tagħha. Wara ftit jiem, hija ħasset l-approvazzjoni ħelwa tal-Ispirtu.

Wieħed żagħżugħ umli li deher qisu ma jistax isib it-tfajla ġusta mar jitlob lill-Mulej għall-għajnuna: ”X’inhu jżommni milli nkun ir-raġel ġust?” huwa staqsa. Din it-tweġiba feġġet f’ moħħu u f’ qalbu: ”Tkomplix titkellem baxx.” F’ dak il-mument, huwa ntebaħ li fil-lingwaġġ li kien juża kien qed itenni bosta espressjonijiet xejn sbieħ, u huwa għażel li jinbidel.

Waħda xebba b’ kuraġġ staqsiet il-mistoqsija: ”X’ jeħtieġ li nibdel?” u l-Ispirtu qalilha b’ leħen baxx, ”Tinterrompix lin-nies waqt li jkunu qed jitkellmu.” L-Ispirtu s-Santu verament jagħtina ċerta kunsilli li jkunu speċifikament għalina. Huwa sieħeb mill-aktar onest u jgħidilna affarijiet li ħadd aktar ma jkun jaf jew ma għandu l-kuraġġ li jgħidilna.

Wieħed li kien għadu kemm temm missjoni beda jinkwieta ħafna minħabba li ħinu kien letteralment mimli daqs bajda. Huwa kien qed jipprova jsib ħin għax-xogħol, għall-istudju, għall-familja u għas-sejħa tal-Knisja. Huwa talab lill-Mulej biex jagħtih kunsill: ”Kif nista’ nħossni fil-paċi bil-ħwejjeġ kollha li għandi nagħmel?” It-tweġiba li huwa rċieva ma kenitx dik li kien qed jistenna; huwa rċieva l-impressjoni li għandu josserva b’ aktar reqqa jum is-Sabbath u jqaddsu. Huwa ddeċieda li jiddedika l-Ħadd għas-servizz ta’ Alla—li f’ dak il-jum ipoġġi fil-ġenb l-istudji tal-iskola u minflok jistudja l-evanġelju. Dan it-tibdil żgħir ġab f’ ħajtu l-paċi u l-bilanċ li tant kien qed ifittex.

Snin ilu jiena kont qrajt f’ rivista tal-Knisja l-istorja ta’ tifla li kienet tinsab tgħix ’il bogħod mid-dar u kienet qed tattendi l-università. Hija ma tantx kienet sejra tajjeb fil-lezzjonijiet tagħha, u l-ħajja soċjali tagħha ma kenitx kif kienet tixtieq li tkun, u ħafna drabi kienet tispiċċa tħossha mnikkta. Finalment darba waħda niżlet għarkopptejha u talbet bil-ħerqa, ”X’ nista’ nagħmel biex intejjeb ħajti?” L-Ispirtu s-Santu qalilha b’ leħen baxx, ”Qum u naddaf kamartek.” Dan is-suġġeriment wasal għandha b’ sorpriża, iżda kien biss il-bidu ta’ dak li kienet teħtieġ. Wara li għaddiet ħin torganizza u tqiegħed kollox f’ ordni, hija ħasset l-Ispirtu jimla kamritha u jqawwilha qalbha.

L-Ispirtu s-Santu ma jgħidilniex sabiex nitjiebu f’ kollox f’ mument wieħed. Jekk jagħmel dan, aħna nispiċċaw niskuraġġixxu ruħna u naqtgħu qalbna. L-Ispirtu jaħdem magħna skont l-abbiltà tagħna, pass, pass, jew kif għallem il-Mulej, ”linja wara linja, preċett wara preċett, … u mberkin dawk li jagħtu kas tal-preċetti tiegħi, … għax lil dak li jirċievi lilu jiena nagħti aktar.”6 Per eżempju, jekk l-Ispirtu s-Santu jissuġġerilek biex inti tgħid ”grazzi” aktar ta’ spiss, u inti twieġeb għal dak is-suġġeriment, Huwa mbagħad jista’ jħoss li wasal iż-żmien li inti tgħaddi għal xi ħaġa aktar ta’ sfida—bħal per eżempju titgħallem tgħid, ”Jiddispjaċini; kien tort tiegħi.”

Immaġni
Familja tieħu sehem fis-sagrament

Il-mument opportun li fih tistaqsu, ”X’ jonqosni iżjed?” huwa meta nieħdu sehem fis-sagrament. L-Appostlu Pawlu għallem li dan huwa ħin li kull wieħed u waħda minna neżaminaw lilna nfusna.7 F’ din l-atmosfera ta’ qima, hekk kif ħsibijietna jkunu fuq ħwejjeġ divini, il-Mulej bil-ħlewwa kollha jista’ jgħidilna x’ jonqosna nagħmlu aktar.

Tul is-snin, jiena, bħalkom, irċevejt bosta messaġġi mill-Ispirtu biex jgħidli kif nista’ nitjieb. Ippermettuli naqsam magħkom ftit messaġġi personali li jien aċċettajt mingħajr riserva. Dawn is-suġġerimenti kienu jinkludu:

  • Tgħollix leħnek.

  • Organizza lilek innifsek; oħloq lista ta’ ħwejjeġ li għandek tagħmel.

  • Ħu aħjar ħsieb ta’ ġisimek billi tiekol aktar frott u ħaxix.

  • Mur it-tempju aktar ta’ spiss.

  • Għaddi ħin tixtarr qabel tibda titlob.

  • Staqsi lil martek għall-kunsill tagħha.

  • U kun aktar paċenzjuż meta tkun qed issuq; taqbiżx il-limitu tal-veloċità. (Għadni qed nipprova nipperfezzjona dan l-aħħar wieħed.)

Is-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur huwa dak li jagħmel il-perfezzjoni jew is-santifikazzjoni possibbli. Qatt ma niksbu dan weħidna, iżda l-grazzja ta’ Alla hija suffiċjenti biex tgħinna. Kif darba osserva I-Presbiteru David A. Bednar: ”Ħafna minna jifhmu b’ mod ċar li l-Att tal-Fidwa huwa għall-midinbin. Mhux ċert, madankollu, li aħna nafu u nifhmu li l-Att tal-Fidwa huwa wkoll għall-qaddisin—għal irġiel u nisa twajbin li huma ubbidjenti, denji, u kuxjenzjużi u li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu aħjar milli huma.”8

Immaġni
Nisa jitolbu

Nissuġġerixxi li kull wieħed u waħda minnkom tieħdu sehem f’ eżerċizzju spiritwali u ma ddumux ma tagħmlu dan, forsi anke llejla stess meta tkunu qed tgħidu t-talb tagħkom. B’ umiltà staqsu lill-Mulej din il-mistoqsija: ”X’inhu jżommni milli navvanza?” Fi kliem ieħor: ”Fiex għadni qed nonqos?” Imbagħad stennew ir-risposta bil-kalma kollha. Jekk tkunu qed tagħmlu dan b’ mod sinċier, it-tweġiba tiksbuha b’ mod ċar. Tkun rivelazzjoni intenzjonata speċifikament għalikom.

Forsi l-Ispirtu jaf jgħidilkom li jeħtieġ li intom taħfru lil xi ħadd. Jew tirċievu messaġġ li għandkom tkunu aktar selettivi dwar liema films għandkom taraw jew x’ mużika għandkom tisimgħu. Tafu tħossu li għandkom tkunu aktar onesti fil-mod li bih timxu fin-negozju jew aktar ġenerużi fl-offerta tas-sawm tagħkom. Il-possibiltajiet huma bla limitu.

L-Ispirtu jista’ jurina d-dgħjufijiet tagħna, iżda Huwa kapaċi wkoll jurina l-qawwa tagħna. Xi kultant jeħtieġ nistaqsu x’ aħna nagħmlu tajjeb ħalli l-Mulej ikun jista’ jsaħħaħna u jinkuraġġina. Meta aħna naqraw il-barka patrijarkali tagħna, aħna niġu mfakkrin li Missierna tas-Smewwiet jaf x’ inhu l-potenzjal divin tagħna. Huwa jifraħ kull darba li aħna nagħmlu pass ’il quddiem. Għalih, id-direzzjoni tagħna hija aktar importanti mill-veloċità tagħna.

Kunu persistenti, ħuti, iżda qatt taqtgħu qalbkom. Jeħtieġ li ngħaddu lil hinn mill-qabar biex aħna eventwalment nilħqu l-perfezzjoni, iżda nistgħu nibdew nibnu l-pedament waqt li aħna ninsabu hawn fil-mortalità. ”Huwa d-dover tagħna li llum inkunu aħjar mill-bieraħ, u għada aħjar mil-lum.”9

Jekk it-tkabbir spiritwali mhuwiex prijorità f’ ħajjitna, jekk aħna m’aħniex nieħdu sehem fi programm ta’ studju biex navvanzaw verament, aħna qed nispiċċaw nimmissjaw l-esperjenzi importanti li Alla jixtieq jagħtina.

Snin ilu jiena qrajt dan il-kliem mill-President Spencer W. Kimball, li ħalla effett kbir fuqi. Huwa qal: ”Jiena tgħallimt li fejn hemm qalb li tħobb titlob, ġuħ għas-sewwa, abbandun tad-dnubiet u ubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla, il-Mulej jerġa’ jagħti aktar u aktar dawl sakemm finalment ikun hemm qawwa biżżejjed li ċċarrat il-velu tas-smewwiet. ... Bniedem li huwa daqstant twajjeb għandu l-wegħda imprezzabbli li xi darba huwa se jara wiċċ il-Mulej u jkun jaf li huwa Hu.10

Hija t-talba tiegħi li xi darba aħna niksbu din l-esperjenza aħħarija hekk kif nagħtu ċans lill-Ispirtu s-Santu li jmexxina lura d-dar. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mattew 5:48.

  2. Neal A. Maxwell, “Testifying of the Great and Glorious Atonement,” Liahona, Apr. 2002, 9.

  3. Mattew 19:20.

  4. Mattew 19:21.

  5. Teachings of Presidents of the Church: Harold B. Lee (2000), 197.

  6. 2 Nephi 28:30.

  7. Ara 1 Korintin 11:28.

  8. David A. Bednar, “The Atonement and the Journey of Mortality,” Liahona, Apr. 2012, 14.

  9. Joseph Fielding Smith, Doctrines of Salvation, miġ. Bruce R. McConkie, 3 voli. (1954–56), 2:18.

  10. Spencer W. Kimball, “Give the Lord Your Loyalty,” Tambuli, Frar. 1981, 47.