2010-2019
Kunu Eżempju u Dawl
Ottubru 2015


Kunu Eżempju u Dawl

Hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, aħna jkollna l-opportunità li nservu ta’ dawl fil-ħajja tal-oħrajn.

Ħuti, kemm qed nieħu gost li erġajt ninsab magħkom. Kif tafu, minn l-aħħar darba li ltqajna flimkien f’ April, aħna ġarrabna t-telfa ta’ tlieta mill-Appostli għeżież tagħna: Il-President Boyd K. Packer, il-Presbiteru L. Tom Perry, u l-Presbiteru Richard G. Scott. Huma reġgħu lura fid-dar tagħhom fis-smewwiet. Se nimmissjawhom. Kemm aħna grati għall-eżempju tagħhom ta’ nies li għexu ħajja tixbah lil ta’ Kristu u għat-tagħlim ispirat li ħallew warajhom.

Aħna minn qalbna nilqgħu fostna lill-Appostli l-ġodda, il-Presbiteru Ronald A. Rasband, il-Presbiteru Gary E. Stevenson, u l-Presbiteru Dale G. Renlund. Dawn huma rġiel dedikati għall-ħidma tal-Mulej. Huma kwalifikati biżżejjed biex jimlew il-pożizzjonijiet tant importanti li ġew imsejħin għalihom.

M’ilux, hekk kif kont qed naqra u nixtarr l-iskrittura, baqgħu stampati f’ moħħi żewġ siltiet partikolari. It-tnejn li huma nafuhom sew. L-ewwel waħda hija mid-Diskors fuq il-Muntanja: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”1 It-tieni waħda hija skrittura li ġiet f’ moħħi hekk kif kont qed nixtarr it-tifsira tal-ewwel waħda. Hija mill-Ittra tal-Appostlu Pawlu lil Timotju: “Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fil-karità, fl-ispirtu, fil-fidi, fis-safa.”2

Jien nemmen li t-tieni skrittura tispjega, b’ mod tajjeb ħafna, kif aħna nistgħu nwettqu l-ewwel waħda. Aħna nsiru eżempju ta’ nies ta’ fidi billi ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fi kliemna u fl-imġiba tagħna, fil-karità, fl-ispirtu, fil-fidi u fis-safa. Hekk kif nagħmlu dan, id-dawl tagħna jibda jiddi biex ħaddieħor ikun jista’ jarah.

Ilkoll kemm aħna li ġejna hawn fid-dinja ngħatajna d-Dawl ta’ Kristu. Hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur u ngħixu kif għex Hu u kif għallem Hu, dak id-dawl jibda jaqbad ġewwa fina u jwassal biex idawwal it-triq ta’ ħaddieħor.

L-Appostlu Pawlu semma sitt kwalitajiet li għandu jkollu l-bniedem li jemmen, kwalitajiet li jwasslu biex id-dawl tagħna jiddi b’ qawwa. Ejjew nagħtu ħarsa lejn kull wieħed minnhom.

L-ewwel żewġ kwalitajiet se nsemmihom flimkien—inkunu eżempju fi kliemna u fl-imġiba tagħna. Il-kliem li aħna nużaw jista’ jqawwi u jispira u jista’ wkoll iweġġa’ u jċekken. Fid-dinja llum teżisti abbundanza ta’ profanità li nisimgħuha kull fejn inkunu. Diffiċli nevitaw li nisimgħu l-isem tad-Divinità jiġi wżat bl-aktar mod każwali u bla ħsieb. Ċerti kummenti vulgari jidhru li saru ħaġa mill-aktar komuni fuq it-televiżjoni, fil-films, fil-kotba u fil-mużika. Nisimgħu ħafna jingħad kliem ta’ insult u lingwaġġ mill-aktar aggressiv. Ejjew inkellmu lil ħaddieħor b’ imħabba u rispett, inżommu dejjem diskorsna nadif u nevitaw kliem jew kummenti li jistgħu jweġġgħu jew joffendu. Jalla aħna nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, li tkellem b’ tolleranza u bi mħabba tul il-ministeru Tiegħu.

Il-tieni kwalità li semma Pawlu hija l-karità, li ġiet deskritta bħala “ l-imħabba pura ta’ Kristu.”3 Jiena ninsab ċert li madwarna hawn nies li jinsabu weħidhom, nies li huma morda u oħrajn li għandhom qalbhom maqtugħa. Aħna għandna l-opportunità li ngħinuhom u ngħollu l-ispirtu tagħhom. Is-Salvatur wassal it-tama lil dawk ta’ qalbhom maqtugħa u rrestawra s-saħħa lid-dgħajfin. Huwa fejjaq lill-morda; Huwa wassal biex iz-zopop jimxu, l-għomja jaraw, it-torox jisimgħu. Huwa saħansitra qajjem lill-mejtin. Tul il-ministeru Tiegħu Huwa wera l-karità lil kull min kien jeħtieġha. Hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju Tiegħu, aħna nispiċċaw imbierku l-ħajja ta’ ħaddieħor, inkluż tagħna.

Jeħtieġ ukoll inkun ta’ eżempju fl-ispirtu. Għalija dan ifisser li nagħmlu li nistgħu biex f’ ħajjitna jkollna t-tjubija, il-gratitudni, il-maħfra u r-rieda tajba. Dawn il-kwalitajiet jipprovdulna spirtu li jmiss il-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna. Tul is-snin jiena kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ għadd kbir ta’ individwi li jippossedu dan l-ispirtu. Meta nkunu magħhom aħna nesperjenzaw sentiment mill-aktar speċjali, sentiment li nkunu nixtiequ nkunu magħhom u nimxu wara l-eżempju tagħhom. Minnhom jiddi d-Dawl ta’ Kristu u huma jgħinuna nħossu l-imħabba Tiegħu għalina.

Biex nurikom li nies oħra jistgħu verament jagħrfu d-dawl li jiddi minn bniedem bi spirtu safi u kollu mħabba, jiena se naqsam magħkom esperjenza li kelli bosta snin ilu.

Dak iż-żmien, il-mexxejja tal-Knisja kienu ltaqgħu ma’ ċerti uffiċjali ġewwa Ġerusalemm biex jinnegozzjaw kuntratt ta’ kera għal art li fuqha kellu jimbena ċ-Ċentru ta’ Ġerusalemm tal-Knisja. Sabiex ikun jista’ jinħareġ il-permess meħtieġ, il-Knisja kellha taqbel li l-membri tagħna li kienu se jokkupaw iċ-ċentru ma setgħux imorru jippridkaw. Wara li kien sar dan il-kuntratt, wieħed mill-uffiċjali Iżraeljani, li kien midħla sewwa tal-Knisja u l-membri tagħha, semma li huwa kien jaf li l-Knisja kienet se tonora dak li kien hemm fil-kuntratt li ma tippridkax. “Iżda,” huwa qal, meta rrefera għall-istudenti li kienu se jattendu hemm, “X’ nistgħu nagħmlu bid-dawl li jinsab jiddi f’ għajnejhom?”4 Jalla dan id-dawl speċjali jibqa’ dejjem jiddi ġewwa fina, sabiex ħaddieħor ikun jista’ jagħrfu u japprezzah.

Li nkunu eżempju ta’ fidi jfisser li aħna nafdaw fil-Mulej u fil-kelma Tiegħu. Ifisser li nippossedu u nieħdu ħsieb it-twemmin tagħna li jiggwida ħsibijietna u l-għemejjel tagħna. Il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u f’ Missierna tas-Smewwiet tinfluwenza dak kollu li aħna nagħmlu. Qalb il-konfużjoni ta’ żmienna, il-kunflitti tal-kuxjenza, u l-problemi tal-ħajja ta’ kuljum, il-fidi kontinwa tagħna ssir l-ankra ta’ ħajjitna. Ftakru li l-fidi u d-dubju ma jistgħux jgħammru fl-istess moħħ fl-istess ħin, għax wieħed jispiċċa jkeċċi lill-ieħor. Jiena se nerġa’ ntenni dak li diġà ngħad bosta drabi qabel li sabiex aħna niksbu u nżommu qawwija l-fidi li neħtieġu, huwa importanti li aħna naqraw u nistudjaw u nixtarru l-iskrittura. Huwa mill-aktar importanti li aħna nikkomunikaw ma’ Missierna tas-Smewwiet permezz tat-talb. Ma naffordjawx li ma nagħtux kas ta’ dawn il-ħwejjeġ, għaliex l-avversarju u l-eżerċti tiegħu jinsabu jfittxu b’ ħerqa d-dgħjufijiet tagħna u l-mument li fih tonqsilna xi ftit il-fidi. Il-Mulej qal, “Fittxu b’ diliġenza, itolbu dejjem u emmnu, u fl-aħħar mill-aħħar kollox se jseħħ għall-aħjar tagħkom.”5

Finalment, jeħtieġ li nkunu safjin, jiġifieri li nkunu ndaf fil-ġisem, fil-moħħ u fl-ispirtu. Aħna nafu li ġisimna huwa tempju, u għandna nittrattawh b’ qima u rispett. Moħħna għandu jimtela bi ħsibijiet edifikanti u nobbli u nżommuh ħieles minn dak kollu li jista’ jħammġu. Sabiex aħna jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna, jeħtieġ li nkunu denji. Ħuti, is-safa ġġib il-paċi fil-moħħ u tikkwalifikana sabiex nirċievu l-wegħdiet tas-Salvatur. Huwa qal, “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.”6

Hekk kif aħna nuru li aħna verament eżempju fi kliemna, fl-imġiba tagħna, fil-karità, fl-ispirtu, fil-fidi u fis-safa, aħna nikkwalifikaw sabiex inkunu ta’ dawl għad-dinja.

Ippermettuli ngħidilkom ilkoll, u partikolarment lilkom iż-żgħażagħ, li hekk kif id-dinja titbiegħed aktar u aktar mill-prinċipji u l-linjigwida li ġew mogħtija lilna minn Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna, aħna nibdew nidhru differenti mill-folla. Nibdew nidhru differenti għaliex nilbsu b’ mod modest. Nibdew nidhru differenti għaliex ma nużawx profanità meta nitkellmu u għax ma niħdux sustanzi li jistgħu jeqirdu ġisimna. Nibdew nidhru differenti għaliex nevitaw iċ-ċajt li mhux xieraq u ċerti rimarki degradanti. Nibdew nidhru differenti hekk kif aħna niddeċiedu li ma nimlewx moħħna b’ għażliet tal-midja li huma immorali u baxxi u li jwarrbu l-Ispirtu minn djarna u minn ħajjitna. Nibdew nidhru ċertament differenti hekk kif nagħmlu ċerti għażliet fejn tidħol il-moralità—għażliet li huma konformi mal-prinċipji u l-istandards tal-evanġelju. Dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmluna differenti mill-maġġoranza tan-nies tad-dinja jipprovdulna wkoll dak id-dawl u dak l-ispirtu li jiddi f’ dinja li aktar ma tmur aktar qed tiddallam.

Ħafna drabi hu diffiċli li tkun differenti u tieqaf waħdek qalb il-folla. Hija ħaġa naturali li nibżgħu x’ jista’ jaħseb u jgħid dwarna ħaddieħor. Huwa verament ta’ faraġ il-kliem tas-salm: Il-Mulej hu d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’? Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; quddiem min għandi nitwerwer?”7 Hekk kif inpoġġu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, il-kuraġġ jieħu post il-biżgħat tagħna.

Il-ħajja ta’ ħadd minna mhi perfetta, u xi kultant l-isfidi u d-diffikultajiet li nħabbtu wiċċna magħhom jafu jkunu kbar wisq biex inġorruhom, u jwasslu biex id-dawl tagħna ma jibqax jiddi kif kien. Madankollu, bl-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet, flimkien mas-sapport ta’ ħaddieħor, aħna nistgħu nerġgħu niksbu lura dak id-dawl li jdawwal għal darb’oħra t-triq tagħna u jipprovdi d-dawl li ħaddieħor jeħtieġ.

Biex nuri dan, jiena se naqsam magħkom il-kliem mill-aktar kommoventi ta’ poeżija li jien qrajtha għall-ewwel darba snin ilu:

Iltqajt ma’ barrani bil-lejl

Li l-lampa tiegħu ma baqgħetx tiddi.

Waqaft u ħallejtu jqabbad

Il-lampa permezz tal-lampa tiegħi.

Qamet tempesta aktar tard

U heżżet l-art kollha.

U meta waqaf ir-riħ

Il-lampa tiegħi ntfiet!

Iżda ġie lura ħdejja l-barrani—

Bil-lampa tiegħu tiddi b’ qawwa!

Huwa bil-lampa tiegħu

Tiegħi xegħel!8

Ħuti, l-opportunitajiet li permezz tagħhom aħna nistgħu niddu jinsabu madwarna kuljum, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi li nkunu fihom. Hekk kif nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, aħna jkollna l-opportunità li nkunu dawl fil-ħajja ta’ ħaddieħor, kemm jekk huma membri tal-familja tagħna u ħbieb tagħna, ħaddiema kollegi tagħna, nies li sempliċiment nafuhom, u saħansitra nies li huma barranin.

Lilkom ilkoll, jiena ngħidilkom li intom ulied Missierna tas-Smewwiet. Intom ġejtu mibgħutin hawn mill-preżenza Tiegħu biex tgħixu f’ din id-dinja għal ftit żmien, sabiex tirriflettu l-imħabba u t-tagħlim tas-Salvatur, u biex b’ kuraġġ tħallu d-dawl tagħkom jiddi ħalli jidher minn kulħadd. Meta ż-żmien tagħkom fid-dinja jintemm, jekk intom tkunu għamiltu l-parti tagħkom, intom tiksbu l-barka glorjuża li terġgħu lura biex tgħixu miegħu għal dejjem.

Kemm jimliena b’ kuraġġ kliem is-Salvatur: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”9 Tiegħu jiena xhud. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, Huwa l-Medjatur tagħna mal-Missier. Huwa l-Eżemplar u l-qawwa tagħna. Huwa “d-dawl li jiddi fid-dlam.”10 Li lkoll kemm aħna nwiegħdu li nimxu warajh, u b’ hekk insiru dawl jiddi lid-dinja, hija t-talba tiegħi fl-isem imqaddes Tiegħu, l-istess Ġesù Kristu l-Mulej, amen.